Jista' l-Ministru jgħid kemm iffranka flus bix-xiri diċentralizzat għas-supplies tad-dipartimenti tal-gvern eċċ. minn kemm ilu li għalaq is-central supplies?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mhux possibbli li jingħata t-tagħrif kif mitlub fil-Mistoqsija għaliex id-Dipartiment tal-Kuntratti, li taħt l-amministrazzjoni tiegħu kienet għaddiet is-Central Supplies, m'għandux informazzjoni dwar x’intefaq qabel u x’qed jintefaq issa minn kull dipartiment jew korporazzjoni fuq items li ma baqgħux jiġu maħżuna fl-istess Section li llum hija magħluqa.
Irrid ngħid illi skond ir-Regolamenti dwar Xiri mis-Servizz Pubbliku, d-Dipartiment tal-Kuntratti huwa obligat li jagħti regolarment kuntratti, wara sejħiet għall-offerti, għal dawk li nsibuhom bħala Common User Items l-aktar importanti, bħal per eżempju: xerographic/duplicator paper bil-watermark, toilet paper, żebha (użu differenti), envelopes, ready mixed concrete, uniformijiet, żraben eċċ. Għal kull kuntratt tinħareġ ċirkulari lid-dipartimenti u korporazzjonijiet kollha fejn jingħataw struzzjonijiet li x-xiri ta dawn l-items irid isir mingħand il-kuntrattur magħżul bil-prezz aċċettat mill-Gvern u għal perjodu stabbilit.
Dan ifisser li l-gvern baqa’ jixtri ħafna common user items bl-orħos prezz possibbli, iżda mingħajr ma jaħżen kwantitajiet kbar minn dawn l-items bil-konsegwenza li dawn ġieli ma jibqgħux tajbin u b’hekk tirriżulta ħela kbira. Is-sitwazzjoni issa hija li kull dipartiment jixtri l-kwantitajiet li għandu bżonn u jħallas għalihom mill-ewwel u mhux bħal ma kien jiġri fl-imgħoddi li ġieli ittieħdu l-affarijiet u l-ħlas lis-Central Supplies Section ma sar qatt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fejn ġew installati l-waterhoses jew apparat ieħor kontra n-nirien fis-serenity wards il-ġodda f'St Vincent de Paule?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ġewwa s-Serenity Wards f'kull sular, ġew installati 4 fire hoses mqabbda ma fire hydrants u 8 portable cylinders (foam u co2) f'cabinets apposta matul il-kuridur. Fil-kċina hemm 2 fire extinguishers u fire blanket.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ġiex inkarigat xi mpjegat f'St Vincent de Paule biex jieħu ħsieb jimmaniġġja l-pensjoni ta' xi anzjani residenti? Jekk iva, min? Fuq liema kriterju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ebda mpjegat f'San Vinċenz de Paule ma jimmaniġġja l-pensjoni ta' xi anzjani f'dik ir-Residenza.
Xi anzjani f'San Vinċenz għażlu li jgħamlu prokura biex iċ-ċekk tal-pensjoni li jirċievu jissarraf mill-Lay Administrator tar-Residenza u l-flus jinżammu fil-kustodja tiegħu bħala uffiċċjal, iżda bl-ebda mod dan ma jimmaniġġja dawn il-flus. Din is-sistema ilha fis-seħħ għal snin twal.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhija r-rwol tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li huwa pensjonant f'St Vincent de Paule?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija hi mpjegata part-time mal-Welfare Committee fuq proġetti fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule u proġetti oħra tal-Welfare Committee.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi proċeduri jintużaw biex jinxtara l-ikel f'St Vincent de Paule ? Xi proċedura tintuża biex dan jiġi ċċekkjat meta jasal fuq il-post jekk hux up to standard jew le?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ikel f'San Vinċenz jinxtara bl-istess tender tad-Diviżjoni tas-saħħa.
Dan l-ikel jiġi ċċekkjat mill-uffiċċju tal-Provision Stores.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kors intern għal ħaddiema tas-servizz pubbliku fil-customer care hux miftuh ukoll għal CSAs?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-korsijiet tal-“customer care” li jsiru mill-Staff Development Organisation fl-Uffiċċju tiegħi huma immirati l-ewwel nett għal dawk id-dipartimenti li qed jintroduċu “Quality Service Charter”.
L-SDO torganizza wkoll korsijiet tal-“customer case” għal persuni nominati mill-kapijiet tagħhom skond il-“Prospectus” 2000 - 2001.
Il-“Casual Social Assistants” ukoll jistgħu jiġu nominati għal dawn il-korsijiet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'taħriġ ingħataw l-impjegati fil-kċina ta' St Vincent de Paule? B'liema mod jiġu appuntati l-impjegati, bħal koki, eċċ.?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-taħriġ li ngħataw il-koki ġewwa San Vinċenz huwa dak li kien jingħata fl-amministrazzjonijiet preċedenti. peress li sa issa ebda kok ġdid ma ġie impjegat f'San Vinċenz matul din l-amministrazzjoni.
L-impjegati normalment jiġu mpjegati wara sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il rapport sar fil-customer care ta' St Vincent de Paule dwar l-ikel matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill Onor. Interpellant li l-Customer Care Service ġewwa San Vinċenz beda jitħaddem matul is-sena 1999. Filwaqt li l-kċina ta' San Vinċenz tipproduċi madwar 2,100 ikla kuljum jew 766,500 ikla fis-sena bejn Awissu 1999 u Frar 2001 kien hemm 26 complaint dwar l-ikel ġewwa San Vinċenz.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir biex f'St Vincent de Paule, l-ikel ma jibqax jasal kiesah għand l-anzjani? Fuq liema bażi jiġi deċiż il-menu għall-anzjani? Hemm menu wieħed għal kulħadd? X'kien il-menu matul ix-xahar ta' Frar, ġurnata, ġurnata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ikel li jitwassal ġewwa s-swali ta' San Vinċenz ikun sħun meta jitqassam lir-residenti għax dan jasal fis-swali ġewwa heated trolleys. Jista' jkun li xi kultant xi mpjegat jinsa jixgħel is-switch tat-trolleys u għalhekk jasal fitel.
Il-menu tal-anzjani ġie mfassal minn dietician fil-passat u jiġi modifikat kuljum mill-persuni nkarigati mill-kċina.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-menu ġurnata b'ġurnata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir biex fis-swali ta' l-irġiel 1/2 u 3/4 f'St Vincent de Paule, ma jibqgħux jidhru l-ġrieden?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ rari li jitfaċċja xi ġurdien f'xi sala jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex dawn jinqabdu. Fil-maġġoranza tal-każi, l-operazzjoni dejjem kienet suċċess.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir biex fRB2 B f'St Vincent de Paule ma jiqbax ikun hemm qtates jiġru fis-swali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Sala RB2B hemm residenta li għandha bħala qattusa li żżommha bħala pet. Dan jgħinha għax hi parti mit-terapija tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk issewwiex l-apparat kontra d-dubbien u l-air conditioning fis-sala RB2B f'St Vincent de Paule?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-apparat kontra d-dubbien ġewwa s-sala RB2B qatt ma kien bil-ħsara, iżda ġie mneħħi minn post u mqiegħed f'post aktar ċentrali. L-air conditioning system ġewwa RB2B qatt ma kien bil-ħsara għax din is-sala hija waħda mill-ftit swali li għad m'għandhomx l-air condition.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pjan imhejji mit-task force imwaqqfa apposta dwar is-servizzi ta' matul il-jum għal persuni b'diżabilita' tlestiex? Jekk le, meta huwa mistenni li jitlesta? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-pjan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-pjan imħejji mit-Task Force mwaqqaf apposta dwar is-servizzi ta' matul il-jum għal persuni b'diżabilita' jkun lest għal Ġunju ta' din is-sena.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 23791 dwar l-ilma li jinġema fil-parti tal-bypass ta' l-Imrieħel li tiġi wara l-fabbrika tad-Dowty biswit l-area magħrufa ta' Tal-Blat II, Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-bankina f'din il-parti? Peress li t-tweġiba tal-Ministru tagħti tagħrif dwar il-bypass ta' l-Imrieħel u mhux l-area indikata, jista' l-Ministru jwieġeb dwar l-area imsemmija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Peress li l-Onor. Interpellanta qegħda tirreferi għal bini ta' bankini li soltu jsir mill-Kunsill Lokali, tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jiddiskuti s-sitwazzjoni msemmija mill-Onor. Interpellanta mal-Kunsill Lokali.
B'riferenza għall-parti tal-mistoqsija parlamentari nru. 23777 dwar il-bżonn ta' servizz ta' letter box fl-area magħrufa bħala Tal-Blat II f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jiċċara l-kriterji li fuqhom il-Maltapost Plc timxi biex dan is-servizz jingħata f'area fejn m'hemmx?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kriterji li timxi fuqhom il-Maltapost fir-rigward ta' talbiet dwar kaxxi ġodda ta' l-ittri huma bażati fuq rakkomandazzjonijiet ta' l-Unjoni Postali Universali u cioe' li f'kull lokalita' ikun hemm kaxxa ta' l-ittri għal kull tlitt elef resident.
Peress li f'kull lokalita' fil-ġżejjer Maltin hemm numru ta' kaxxi ta' l-ittri aktar minn dak li suppost hemm skond in-numru ta' residenti, il-Maltapost mhux qed tilqa' talbiet għal żieda fin-numru ta' dawn il-kaxxi.
Madanakollu l-Maltapost dejjem lesta tikkunsidra rakkomandazzjonijiet mill-Kunsilli Lokali biex xi waħda jew aktar mill-kaxxi eżistenti jiġu rilokati b'mod li jkun imtejjeb is-servizz fil-lokalita'.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi ħarġu mill-PA għall-istabbiliment li d-dettalji tiegħu qed jidhru separatament? X'inspections saru min-naħa tal-PA biex ħarġu dawn il-permessi? Kemm-il inspection saret kemm fl-istabbiliment innifsu, kif ukoll fil-bini tar-residenti li jgħixu fuq u madwar l-istabbiliment? Saru rapporti dwar l-impatt tal-ħsejjes, ta' l-irwejjaħ, ta' l-intejjen eċċ fuq ir-residenti li jgħixu fuq u madwar l-istabbiliment min-naħa tal-PA? X'kienu r-riżultati ta' dawn ir-rapporti jekk saru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sit in kwestjoni kien diġa` kopert b`permess ta` confectionery, u l-proposta (applikazzjoni PA 4766/99) kienet biex dan l-użu jiġi mibdul għal restaurant, kif ukoll biex isiru alterazzjonijiet strutturali u żieda ta` sular ieħor għal skop residenzjali. Din l-applikazzjoni ġie rakkomandata biex tiġi rrifjutata mid-Direttorat ta` l-Ippjanar minħabba li l-bdil propost kellu ħtieġa ta` parkeġġ li ma ġiex provdut; minħabba li kien hemm aircondition unit imwaħħal mal-faċċata bla permess; u minħabba li kien qed jiġi propost żieda ta` sular li jaqbeż l-għoli permess fiż-żona.
Il-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp iddeċidiet li ddawwar ir-rakkomandazzjoni minħabba li l-proposta ma kienetx ser tikkawża impatt viżwali negattiv.
Saret spezzjoni mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp fejn innotat li l-bdil propost fl-użu ma hux oġġezzjonabli minħabba li kien hemm diġa` liċenzja għall-confectionery fuq il-post.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru 23770 dwar is-servizz tat-trasport pubbliku għall-area magħrufa bħala tal-Blat II f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid jekk f'każ li m'hemmx pjani dwar arranġamenti xierqa għal servizz tat-trasport pubbliku f'din l-area maqtugħa mill-qalba ta' Ħal Qormi u l-irħula l-oħra qrib, l-awtorita' tat-trasport pubbliku ġiet mitluba jew qiegħda taħseb indipendentement biex tagħmel pjani jew arranġamenti biex l-għadd ta' familji residenti hemm hekk jiġu moqdija kif jixraq minn dan is-servizz essenzjali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku ma kellha ebda talba sabiex jiġi ntrodott servizz tat-trasport pubbliku f'area magħrufa bħala tal-Blat II f'Ħal Qormi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-adult training centres għal persuni b'diżabilita' hux se jkunu f'qagħda li jieħdu l-istudenti li s-sena d-dieħla se jispiċċaw mill-special schools? Hemm xi pjani ġodda kif dawn l-adult training centres jistgħu jiżviluppaw programmi li jhejju aħjar lil dawn iż-żgħażagħ, kemm għal qasam tax-xogħol kif wkoll għall-oqsma oħra fil-ħajja? X'inhuma dawn il-pjani, jekk iva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma ġara s-sena l-oħra, l-Adult Training Centres qegħdin jippreparaw biex ikunu f'qagħda li jieħdu l-istudenti li s-sena ddieħla ser jispiċċaw mill-Ispecial Schools. Bdew il-preparamenti biex titwettaq it-tranżizzjoni ta' dawn l-istudenti għal dawn iċ-Ċentri ta' Matul il-Jum.
Sabiex jitwettqu programmi ġodda, il-Ministeru ser iwaqqaf Ċentri żgħar fil-komunita' kif ukoll jingaġġa aktar "support workers" kif ukoll "professional support workers".
Biex is-servizzi jkomplu jitjiebu, qiegħed jitkompla t-taħriġ mogħti minn professjonisti lill-Care Workers kollha.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 22862, fejn iddikjara li mhux prattika normali li suldati ta' forzi militari barranin jitħallsu żejjed la fil-ħdud u lanqas fil-festi pubbliċi, jista' l-Prim Ministru jgħid kif mela l-forzi militari barranin li jaħdmu ħafna mill-qrib mal-forzi militari Maltin, eżempju s-suldati tal-Missjoni Taljana, jitħallsu żejjed kemm tal-ħdud kif ukoll tal-festi pubbliċi? Jista' għaldaqstant jikkonferma jekk ingħatax informazzjoni korretta għal mistoqsija tiegħi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jirriżultali li l-imformazzjoni li qed jagħti l-Onorevoli Interpellant mhux korretta.
Jaf il-Ministru li s-siġar li hemm biswit il-Housing Estate magħruf bħala ta' Pascarella fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, qed ikunu ta' detriment għal saħħet għad ta' residenti ta' l-area u fil-fatt uħud minn dawn ir-residenti saħansitra għandhom ukoll ċertifikati minn tobba fuq l-effett ta' dawn is-siġar fuq saħħithom? (Kopja ta' dawn iċ-ċertifikati qed ngħaddihom permezz ta' korrispondenza privata li qed nindirizza lil Onor Ministru) Jista' jgħid x'se jsir biex dawn is-siġar ma jibqgħux jaffettwaw saħħet in-nies?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed nieħu nota ta' dan l-ilment li qed tagħmel l-Onor. Interpellant. Ser ngħaddi ċ-ċertifikati mediċi, li rċevejt il-bieraħ 5 ta' Marzu 2001, lill-uffiċjal responsabbli ħalli dan l-ilment jiġi nvestigat.