Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li fl-Enemalta s-security guards se jiġu mitluba jħallsu telephone calls li qed jiġu msejħa mhux ġustifikati? Fuq liema kriterju se jiġi stabilit li telefonata ma tkunx ġustifikata? Kif se jiġi determinat min għandu jħallas it-telefonata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minħabba numru eċċessiv ta' sejħiet li qed isiru minn fuq telefons li tagħhom l-Uffiċjali tas-Sigurta' huma responsabbli, il-Korporazzjoni Enemalta iddeċidiet li dawn it-telefonati jiġu nvestigati. F'każ li jirriżulta li kien hemm abbuż, l-impjegat konċernat jiġi mitlub iħallas dawk il-"calls" li ma jkunux ġustifikati. It-telefonati li ma jkunux relatati man-natura tax-xogħol ta' l-impjegat huma meqjusa bħala li m'humiex ġustifikati.
Tajjeb jingħad li llum il-Korporazzjoni tirċievi kontijiet "itemized" li fihom ikun hemm numru ta' dettalji dwar kull telefonata li ssir. Għaldaqstant ma tkunx ħaġa daqshekk diffiċli għall-Korporazzjoni biex tidentifika minn kien responsabbli għal telefonata mhux ġustifikata.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir biex titjieb il-qgħada tar-residenti fl-area ta' Handaq Road, Ħal Qormi li qed ibatu minn inkonvenjenzi, u anke minn nuqqas ta' sigurta', minħabba parking ta' containers li jsir f'din l-area?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-Pulizija ma kelliex ilmenti f`dan is-sens, ser isiru spezzjonijiet u tittieħed azzjoni meħtieġa fejn jirriżulta li jkun hemm ksur ta` liġi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-istandard requirements, livell edukattiv eċċ biex persuna tapplika biex tidħol bħala suldat fil-forzi armati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onoervoli Interpellant għall-Avviż li deher f’paġna 2191 tal-Gazzetta tal-Gvern Nru 17,061 li kienet ippublikata fis-27 ta’ Frar 2001, fejn ingħataw id-dettalji dwar sejħa għall-applikazzjonijiet biex jiġu ngaġġti suldati fil-Forzi Armati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fid-Dipartiment hemm min qed jagħmel dawk li jsejħulhom airphoes? X'sar mit-tekniku li kien jagħmilhom qabel u issa ma għadux?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fid-Dipartiment tas-Saħħa qatt ma kellna tekniku li jagħmel l-"airphoes".
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-qagħda legali dwar l-art li kienet ingħatat mill-Gvern fi Plots u li fuqhom inbnew djar privati fi Triq il-Għasel, Ħal Qormi? Dawn il-familji qegħdin f'qagħda li jekk iridu jbiegħu d-dar li bnew jew għad hemm diffikultajiet dwar it-titolu ta' l-art?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jagħmel dak kollu possibli biex l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant tiġi akkwistata b`kuntratt mill-Gvern. Dan għadu s`issa ma sarx peress illi qegħdin jinstabu diffikultajiet biex jiġi redatt il-kuntratt relattiv.
Ninsab infurmat ukoll li malli dan il-kuntratt isir, l-art tiġi mgħoddija lill-Awtorita` tad-Djar biex din tkompli bil-proċeduri neċessarji.
Jista' l-Ministru jara li jsiru safeguards minn min hu responsabbli fuq il-bankina fi Bishop Scicluna Street, Qormi fejn twaqqet dar u bħalissa hemm ħofra fonda li hija ta' periklu għal kulħadd partikularment għat-tfal ta' l-iskola li jgħaddu b'numru kbir propju minn din l-area?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19922 (Seduta 392).
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sussidju fuq ħalib skimmed għal dawk li jinħtieġuh minħabba xi dieta partikulari hux se jispiċċa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress s-sussidju ta` l-skimmed milk ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi nitlobha tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar il-progress li sar sa llum dwar il-bżonn ta' aktar facilitators fl-iskejjel biex jassistu tfal u żgħażagħ b'diżabilita jew b'learning difficulties ? Peress li l-KNPD kienet qed tagħmel diskussjonijiet mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, jista jgħid f'hiex waslu dawn id-diskussjonijiet, jekk waslitx għall-konklużjoni? Jekk iva, meta se jkun hemm il-full compliment ta' facilitators, jekk le meta dan huwa ppjanat? Jekk le wkoll, x'se jiġri minn tant tfal u żgħażagħ li għandhom bżonn dan is-servizz u li s'issa ma għandhomx u xorta jew jibqgħu jiġu promoted fil-klassijiet l-oħra u f'ċerti każi hemm tfal li mhux qed jiġu aċċettati l-iskola minħabba li m'hemmx facilitator available? Ma jidhirlux il-Viċi Prim Ministru li sakemm jibqa n-nuqqas ta' facilitators, parapathetic teachers eċċ, tkun qed tinkiser il-liġi Opportunitajiet Indaqs - Persuni b'Diżabilita għaliex ċertu tfal u żgħażagħ qed jiġu diskriminati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-Mistoqsija tirrigwarda l-provvediment ta' facilitators mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni mitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux veru li hawn persuna li qegħda tirranġa biex iġġib tfal mill-Pakistan lil koppji bla tfal Maltin biex dawn jaddottawhom qabel dawn jgħalqu t-30 sena u qabel ma jkun għalqu 5 snin miżżewġin? Jaf li din il-persuna qed iġġib dawn it-tfal taħt it-titolu legali ta' kura w kustodja għal finijiet tal-liġi Maltija u għal finijiet tal-liġijiet tal-Pakistan taħt addozzjoni? Din il-persuna hija awtorizzata u għandha standing legali? X'poter u x'għarfien fil-każ għandha din il-persuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Meta sar magħruf każ ta' koppja Maltija li ġiebet mill-Pakistan minuri għal skop ta' adozzjoni, meta din il-koppja ma setgħetx tadotta skond il-liġi Maltija, id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja ħa passi legali biex dan l-arranġament ma jsirx.
Irrid ninforma lill-Onor. Interpellanti li saru arranġamenti mat-Taqsima ta' l-Immigrazzjoni tal-Pulizija biex ma jkunux jistgħu jidħlu Malta tfal bi skop ta' adozzjoni kemm il-darba ma jkollhomx persuni adottivi prospettivi kwalifikati skond il-liġi Maltija.
Il-liġi Maltija dwar l-adozzjoni tippermetti adozzjonijiet privati, jiġifieri, fejn id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja ma jkunx involut qabel it-tifel jew tifla jmorru joqgħodu mal-koppja li tkun ser tadotthom.
Ma hawn ebda persuna awtoriżżata jew li għandha standing legali speċifikatament biex tagħmilha ta' sensara għal adozzjonijiet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji eżatt x'se jiġri bl-ispecial school ta' Santa Marija fl-Imsida u x'se jiġri mit-tfal u ż-żgħażagħ li jmorru hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta t-triq l-10 ta' Settembru 1546 f'Ħal Qormi se tiġi rranġata biex ma tibqax tegħreq bl-ilma?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li d-dipartiment qiegħed jistħarreġ is-sitwazzjoni dwar l-għargħar fil-lokalita`, Triq l-10 ta` Settembru 1546 tiġi rranġata fid-dawl ta` dan il-pjan meta jkun lest biex jitwettaq.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol fuq Triq Ġuże Duca u Triq l-Imdina f'Ħal Qormi waqaf? Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li x-xogħol f'din it-triq jitlesta kompletament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fit-Triq Guże Duca għandu jitkompla dalwaqt.
Jista' l-Ministru jara hux possibli li fejn studenti fil-klassijiet tal-Form V fl-iskejjel sekondarji li jiġu affettwati minn għadd ta' għalliema li jkunu ma jifilħux u allura ma jingħatawx numru sostanzjali ta' lezzjonijiet, dawk l-istudenti li l-ġenituri tagħhom japprovaw, jingħataw il-permess li jmorru d-dar bil-għan li ma jitilfux żmien minħabba l-istudji tagħhom bi thejjija għall-eżamijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-każijiet fejn ħafna għalliema jinzertaw morda f'daqqa huma tassew rari.
F'każijiet bħal dawn ikun aħjar li kull skola tistudja s-sitwazzjoni tagħha u tiddeċiedi hi x'inhu fl-aħjar interess ta' l-istudenti.
L-istudenti jistgħu jibqgħu jaħdmu l-iskola.
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' transfers kollha, mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-aħħar ta' Frar 2001, kemm dawk li huma interdipartimentali u anke dawk li huma intradipartimentali? F'kull każ tista' tagħti l-isem ta' l-impjegat involut, il-grad u d-data tat-trasferiment, u minn liema uffiċċju/sezzjoni u għal liema uffiċċju/sezzjoni ġie trasferit?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u rrisposta tingħata f'seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum kemm inħarġu tickets tal-vapuri mid-dipartiment tal-corporate services, min użahom u għal liema raġuni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-5 ta’ Settembru 1998 sad-9 ta’ Marzu 2001 id-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi ħareġ total ta’ 1826 biljetti tal-vapur. Dawn il-biljetti nħarrġu kif spjegat hawn taħt.
Kwantita’
Tip
281
Karozzi
2
Trakkijiet
3
Trakkijiet
642
Passiġġieri
13
Passiġġieri Prezz Speċjali
256
Passiġġieri Prezz Speċjali
33
Karozzi Prezz Speċjali
596
Karozzi Prezz Speċjali
1826
Tista' l-Ministru tgħid kemm mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum ġew ippreżentati lmenti quddiem l-uffiċjal inkarigat mil-ħarsien tal-konsumatur? Kemm minnhom ġew solvuti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li bejn il-5 ta’ Settembru 1998 sal-5 ta’ Marzu 2001 ġew ppreżentati 144 ilment quddiem l-uffiċċjal inkarigat mill-ħarsien tal-konsumatur.
Minn dawn l-ilmenti 25 irriżultaw li ma kienux ġustifikati, 109 ġew solvuti b’mod amikevoli, filwaqt li 10 ma ġewx solvuti għal raġunijiet varji.
Tista' l-Ministru tgħid x'kienet ir-raġuni għaliex diversi talbiet għal akkumulazzjoni tal-leave għas-sena 2001 minn impjegati ta' l-Isptar ta' Għawdex ma ġewx approvati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab nfurmata li fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm 355 impjegat/a li talbu biex jakkumulaw vacation leave tas-sena l-oħra u li għadu ma ġiex approvat. Dan il-leave jammonta għal madwar 1736 ġurnata, 1625 shift u 777 siegħa. Dawn it-talbiet għadhom ma ġewx approvati għaliex għadu ma ġiex ikkonfermat li dan l-akkumulu kollu kien minħabba esiġenzi tas-servizz kif qed jiġi mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi mill-1990 sal-lum biex jintramaw posti ġodda fuq il-Monti? Bħalissa qegħdin jingħataw permessi? Jekk le, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` permessi għall-posti fuq il-Monti tal-Belt huwa limitat għal 115 u għalissa għad m`hemmx il-ħsieb li jkun hemm żieda f`dan in-numru. Infurmat ukoll illi mill-1990 ma kienx hemm żieda fin-numru ta` posti.