Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #25949 Sitting 542 2001-05-23 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Bini Illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-proċedura għal ċittadin, mingħajr ma jikxef l-identita' tiegħu, biex jirraporta bini llegali bil-għan li jittieħdu 'l passi mingħajr ma jbati konsegwenzi personali?

Response (BORG, TONIO)

Il-proċedura stabbilita sabiex jiġi mressaq xi tip ta` rapport lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar hija waħda minn dawn l-alternattivi msemmija hawn taħt: Bil-miktub u mibgħut bil-posta Bil-miktub u mibgħut permezz ta` l- e-mail Permezz tat-telefon fuq in-numru 231159 ( answering machine ) li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku in ġenerali 24 siegħa kuljum. Hija prerogattiva ta` l-individwu jagħtix ismu jew le. Fil-każi fejn l-individwu jagħżel li jiddentifika ruħu, l-identita` tiegħu xorta waħda tiġi trattata b`mod kunfidenzjali. Għal dak li jirrigwardja l-Pulizija, din tinvestiga kull rapport anki jekk ikun anonimu u fil-każijiet li rreferit għalihom l-Onor. Interpellanti, il-Pulizija tikkopera ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.

Awtorita' tad-Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex persuna li tkun wirtet sehem ta' dar (li ma jaqbiż il-valur ta' Lm 5000) ma tistax tapplika għall-iskema ta' sussidju fuq l-interessi mill-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li taħt l-iskema li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellanti, fil-perijodu mid-data tal-ħruġ ta' l-avviż sad-data ta' l-approvazzjoni ta' l-applikazzjoni għas-sussidju, l-assi ta' l-applikant ma jridux jeċċedu Lm12,000. Dawn l-assi jinkludu flus il-bank, ishma f'kumpaniji, mobbli jew ishma f'immobbli.

Ħlas b'Lura

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jagħti ċans lil dawk in-nisa li ma kienux ħallsu xi kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali f'ċertu perjodu, biex inħallsuhom b'lura, bħal ma kien għamel fl-1996?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalissa, l-Gvern m'għandux il-ħsieb li jressaq emendi għal-Liġi tas-Sigurta' Soċjali biex isir dak li qiegħda tipproponi l-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #25952 Sitting 542 2001-05-23 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-arranġament ta' tindif li hemm fl-Iskola Primarja A - San Bastjan - Ħal Qormi, minħabba li l-istat ta' l-indafa mhux wieħed xieraq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola San Bastjan Primarja 'A' hemm 'full complement' ta' staff.

Boathouses

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jagħti s-servizzi tad-dawl u l-ilma lil dawk li m'għandhom fil-boathouses li hemm fil-Qawra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kemm il-Korporazzjoni Enemalta, kif ukoll il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, jipproċessaw kull aplikazzjoni valida, inkluż dawk li jikkonċernaw "boathouses", għall-installazzjoni tas-servizz ta' elettriku u ilma kemm il-darba din tkun koperta bil-permessi relattivi maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.

Maltacom

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-ħaddiema fit-taqsima tal-190 fil-Maltacom, li minn 42 illum qegħdin 19 biss? Dawn se jiġu trasferiti f'xi sezzjoni oħra? Se jibqgħu jieħdu x-shift allowance u l-kumpens tal-ħdud u l-festi? Jekk le, allura dawn jitilfu madwar Lm 120 fix-xahar mill-paga, se jiġu kkumpensati mod ieħor? L-iskala tas-salarju tagħhom li llum hija marbuta ma' skala 12, se tinfetaħ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li s-Sezzjoni tad-Directory Enquiry Services, magħrufa wkoll bħala l-190, hi meħtieġa fl-isfond ta' l-ambjent li qed topera fih il-Maltacom. Jiena nfurmat li l-ħaddiema se jingħatalhom xogħol produttiv skond ix-xeħta u l-kapaċitajiet tagħhom, dejjem fl-isfond tal-"job specification" tagħhom. Ir-ristrutturar ta' din it-taqsima hija parti mill-pjan tal-Kumpanija biex ikun hemm iżjed effiċjenza billi r-riżorsi tagħha jiġu utilizzati aħjar. Dan mhux l-ewwel, u ċertament lanqas l-aħħar, eżerċizzju fejn l-impjegati jiġu mogħtija xogħol kompatibbli mal-kapaċitajiet tagħhom biex hekk jagħtu l-akbar u l-aħjar kontribut lill-Kumpanija. Is-sitwazzjoni ta' l-għoti tas-servizzi tad-direttorju in ġenerali, inkluż id-Directory Enquiries, qed tiġi diskussa mar-Regolatur tat-Telekomunikazzjoni u l-Union fejn huwa neċessarju.
Leg 9 PQ #25793 Sitting 541 2001-05-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament se tiġi mogħtija facilitator? Mehmuzha separatament ukoll kopja ta' ittra li tispjega 'l bżonn tal-persuna msemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna indikata waslet sabiex tiġi assessjata dwar jekk it-talba għal facilitator hiex ġustifikata jew le.
Leg 9 PQ #25794 Sitting 541 2001-05-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Multigas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-permess mill-PA għall-iżvilupp ta' l-Impjant tal-Multigas ġewwa Ħal Kirkop ġiex mibgħut bil-post jew ġiex mogħti bl-idejn lill-applikant nhar il-Ħamis, 3 ta' Mejja 2001, ftit ħin wara li dak in-nhar stess ġie approvat mill-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Jista' jgħid jekk iddaħħlux impjegati ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar b'overtime biex seta' jsir dan? Jekk iva, kemm kellhom jiddaħħlu impjegati? Jista' l-Ministru jgħid jekk din il-proċedura li ġiet segwita ssirx għal kull permess approvat? Jekk le, x'kienet ir-raġuni li f'dan il-każ sar hekk? Kemm kien hemm każi minn Novembru 1998, fejn ġiet użata l-istess proċedura u min kienu l-applikanti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-permess għall-iżvilupp ta` l-Impjant tal-Multigas ġewwa Ħal Kirkop inħareġ dakinhar stess li ġie approvat mill-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar fit-3 ta` Mejju, 2001. Dakinhar kien hemm żewġ impjegati li kienu qed jaħdmu overtime. It-tagħrif mitlub tal-każi, minn Novembru 1998 sa llum, fejn ġiet użata l-istess proċedura hu kif ġej:- Nru ta` l-applikazzjoni Applikant PA 4997/00 Is-Sur Vincent J. Bartolo PA 3635/99 Is-Sur Louis Muscat Ta` min jgħid li bejn Settembru`96 u Novembru`98 din il-proċedura intużat ukoll fi tmien (8) każi oħra.

Qormi — Ħandaq Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Ħandaq Road, f'Ħal Qormi se ssir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ipprepara sejħiet għall-offerti għax-xoghol f'diversi toroq f'din iż-żona u s-sejħiet għall-offerti ser joħorġu sa l-aħħar ta' dan ix-xahar.

UĦM — CMTU

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif intefqu l-flus mogħtija mill-Gvern lill-UĦM u lis-CMTU għal kampanja ta' tagħrif dwar l-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24650. Ma' dan nixtieq inżid li fil-każ tas-CMTU, il-flus li dawn attwalment ħadu għas-sena 2000 kienu jammontaw għal Lm4,206.23. Ma nħossx il-bżonn li nelenka kif organiżżazzjonijiet individwali jutiliżżaw l-fondi allokati lilhom ġaladarba l-ispejjeż jiġu approvati abbażi ta' kriterji stabbiliti kif jirriżulta mill-linji ta' gwida li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, liema linji ta' gwida ġew iċċirkulati lil kull entita li lilha ġew allokati fondi.
Leg 9 PQ #25947 Sitting 541 2001-05-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux veru li l-Iskola Maria Assunta fil-Ħamrun, għandha soqfa li joqtru u xi klassijiet saħansitra jimtlew bl-ilma fix-xita? X'sar jew x'se jsir mid-dipartiment biex tiġi rranġata din il-ħsara?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħall-bini kollu f'Malta, mhux eskluż li meta tagħmel xi xita jkun hemm xi penetrazzjoni ta' ilma f'xi saqaf ta' xi klassi. Fis-sajf ikun hemm manutenzjoni normali ta' soqfa ta' l-iskejjel. Fejn ikun hemm il-ħtieġa jittieħdu l-miżuri meħtieġa. Assigurajt li dwar l-iskola msemmija mill-Onor. Membru tiġi ċertifikata l-manutenzjoni meħtieġa.

Serenity Wards

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid biex qed jiġu mħaddma is-serenity wards il-ġodda f'St Vincent De Paule, jekk hux xi staff ġdid jew inkella b'ħaddiema li kien hemm diġa fir-residenza? Jekk b'ta l-aħħar jista' jgħid jekk imtlewx il-vakanzi li tħallew minn wards oħra? Jekk jogħoġbu jista' jgħid jekkk il-complement tal-ħaddiema hux kollu mimli f'dawn il-wards? Jekk le f'liema kategoriji hemm in-nieqes u x'qed isir biex dan jimtela?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li s-'Serenity Wards', li jikkonsistu fis-'Serenity Wards' 1 (ex-F 19/20), fis-'Serenity Wards' 2 (ex-F 13/14) u 'Serenity Wards' 3 (ex-F 17/18), li l-parti l-kbira tal-istaff hija magħmula minn ħaddiema li diġa' qed jaħdmu fir-residenza San Vinċenz u fil-Wards li issa ġew trasferiti għal hemmhekk. Vakanzi f'Wards oħra, għalhekk ma jeżistux. Ċerti postijiet vakanti qed jiġu għal issa mimlija b'ħaddiema każwali.
Leg 9 PQ #25787 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Akkwist ta' Propjeta

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt ma' l-persuna li ddettalji tagħha jidhru separatament għal akkwist tal-propjeta li ilu joqgħod fiha madwar 23 sena? Jista'jgħid wkoll x'inhuma r-raġunijiet għal dan id-dewmien

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kuntratt ta` bejgħ tar-residenza msemmija, lill-persuna ndikata separatament, ma jistax isir għalissa peress li s-sidien ta` l-art fejn tinsab din ir-residenza ma aċċettawx il-prezz ta` l-esproprju u l-każ qiegħed quddiem il-Bord ta` l-Arbitraġġ sabiex jiffissa l-prezz hu, u għalhekk il-Gvern għadu ma sarx proprjetarju tar-residenza in kwestjoni.

Imtarfa Home

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'se jsir biex l-istaff fl-Imtarfa home ikollhom rest room xierqa? Għaliex l-impjegati jieklu fid-dining room tal-morda? Meta se tiġi rranġata l-istretcher imkissra li hemm? Meta se jiġu rranġati l-lifts li ma jaħdmux?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istaff ta' l-Imtarfa Home għandhom restroom kif suppost. Ninfurmak ukoll, li peress li l-anzjani għandhom ħin speċifiku għall-ikel, allura hemm ħin biġġejjed biex l-impjegati jagħmlu użu mid-dining room ukoll. Fl-Imtarfa Home il-lifts kollha jaħdmu u l-istretcher imsemmi mhux imkisser iżda antik.
Leg 9 PQ #25789 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar St Lukes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tat-tindif ta' l-Isptar St Lukes matul is-sena 1999? Kemm kienet in-nefqa tat-tindif matul is-sena 2000 min meta t-tindif reġa' qed isir minn impjegati tal-Gvern? Kemm intefaq fuq kimika għat-tindif? Kemm intefaq fuq equipment tat-tindif? Kemm intefqu flus f'affarijiet oħra b'mod li jkun item by item?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Entertainment Section

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet ġew organizati mill-entertainment section ta' l-SVDP matul is-sena 2000 u fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena? Kemm tħallas overtime lill-ħaddiema li jaħdmu f'din is-section f'dan il-perjodu? Min huma dawk li jaħdmu f'din is-section? Min minn dawn il-ħaddiema tħallas l-overtime u kemm kull persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2000 ġew organiżżati 157 attivita' li għalihom attendew 18,003 resident/a. Fl-ewwel tlett xhur tas-sena 2001 ġew organiżżati 55 attivita' li għalihom attendew 5,337 resident/a. F'din is-sezzjoni hemm 9 impjegati li bħala overtime tħallsu Lm5,025.21,4 matul is-sena 2000 u Lm2,128.65,9 fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena.
Leg 9 PQ #25791 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għal Għawdex

Dixxiplina

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Ottubru 1996 sa' llum kemm kien hemm każi tad-dixxiplina f'kull dipartiment u sezzjoni li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tagħha? Kemm kien hemm każijiet lil-akkużat tressaq quddiem bord dipartimentali u kemm kien hemm minnhom li l-akkużat tressaq quddiem bord tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku? Kemm kien hemm minn dawn il-każijiet li kienu marbuta ma' proċeduri kriminali fil-Qrati? Fil-każijiet kollha msemmija, kemm kien hemm persuni li nstabu ħatja u kemm ġew liberati? Dawk li nstabu hatja x'weħlu fil-proċeduri tal-Qrati, u x'weħlu quddiem il-bordijiet tad-dixxiplina?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Qormi — Imdina Road

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir it-tindif ta' bankini eċċ li ġew imblukkati b'terrapien u ġebel li nqala waqt ix-xogħol li sar f'Imdina Road, Qormi u li huwa ta' detriment għal dawk kollha li jużawhom bil-mixi kif wkoll għal dawk l-persuni b'nuqqas ta' mobbilita' u ġenituri li jgħaddu b'pushchairs eċċ bit-trabi tagħhom? Munzelli partikolari jinstabu fl-area ta' faċċata ta' Triq il-Ġdida f'Ħal Qormi fejn hemm junction li tgħaqqad iż-żewġ Imdina Road ma Triq Guże Duca?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed kontinwament jinsisti mal-kuntrattur li jżomm il-lant nadif kemm jista' jkun u ma jħallix materjal li mhux qed jintuża fil-post. Jien infurmat ukoll li l-munzelli partikolari msemmija mill-Onor. Interpellant tneħħew.
Leg 9 PQ #25781 Sitting 539 2001-05-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Miżati ta' l-Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li studenti li ġejjin minn familji fejn il-ġenituri huma bla impjieg, jiġu eżentati milli jħallsu l-miżati ta' l-eżamijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li rigward applikazzjonijiet għal eżamijiet tal-Matsec Board, il-kandidati konċernati li jkunu jridu jitolbu eżenzjoni tal-ħlas tal-miżata, iridu jinġbru formola mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet u wara li din tiġi konfermata mill-Area Social Security Welfare Officer tad-distrett tagħhom, jippreżentawha biex it-talba tagħhom tiġi kkonsidrata mid-Dipartiment tal-Finanzi ta' l-Universita` ta' Malta. L-eżenzjoni tiġi kkonfermata mid-Dipartiment tal-Finanzi ta' l-Universita` u l-kandidati konċernati ma jħallsux il-miżata. Kandidati li jirċievu stipendju ma jkunux eżentati. Kandidati li jaqgħu taħt wieħed minn dawn il-kategoriji jiġu kwalifikati għall-eżenzjoni: Dawk li jirċievu: a) social assistance b) unemployment assistance c) old age pension (non contributory, in lieu of social assistance) d) special unemployment benefit, u e) social security pensioners, such as widows who following a means test, would qualify for free medical aid. Fil-każ ta' eżamijiet ekwivalenti ta' barra amminstrati mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet, il-kandidati konċernati jridu jħallsu l-miżata u mbagħad jippreżentaw talba bil-miktub, taħt l-istess kondizzjonijiet imsemmija, u magħha l-irċevuta oriġinali, lill-Accounts Section tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. L-istess bħala fil-każ tal-Matsec, it-talba tagħhom trid tiġi konfermata mill-Welfare Office. Wara li t-talba tiġi approvata, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tirrifondi l-ammont tal-miżata lill-kandidati konċernati. Fil-każ ta' l-eżamijiet ta' barra, l-eżenzjoni tingħata darba biss u sakemm l-istudenti jkunu ċertifikati li kienu spiċċaw il-Ħames Klassi ta' l-Iskola Sekondarja u li s-suġġett/i kien/u fil-kurrikulu ta' l-iskola.
Leg 9 PQ #25782 Sitting 539 2001-05-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Senior Care Workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma t-terms of reference tas-Senior Care Workers għal Adult Training Centres li sarulhom l-interviews f'Settembru 2000? X'kienu r-requirements, kwalifiki u esperjenza li ġew mitluba? Min huma l-applikanti kolha li applikaw? Min huma dawk l-applikanti li għaddew?

Response (GALEA, LOUIS)

Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru għall-Politika Soċjali.