Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa — Sta. Maria Estate - servizz ta' elettriku

Question

Jaf il-Ministru li f'Dawret it-Tunnara f'Santa Maria Estate, il-Mellieħa, kulħadd jieħu s-servizz ta' l-elettriku minn fuq single phase, bil-konsegwenza li jkun hemm qtugħ regolari ta' dan is-servizz u li kull darba r-residenti qed ikollhom jagħmlu tajjeb bi spejjeż kbar biex isewwu l-ħsarat f'appliances etc., minħabba l-instabilita' tal-vultaġġ? Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir biex din il-problema tingħeleb? Meta se tiġi rranġata darba għal dejjem din il-problema li tikber kuljum u tkabbar il-ħsarat u l-ispejjeż għan-nies li jgħixu fl-akwata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ biex il-qtugħ regolari ta' l-elettriku jispiċċa, diġa nbeda u għandu jitlesta fi żmien qasir.

National employment authority — Każi pendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm każi pendenti għas-smigħ quddiem il-bord tan-national employment authority? Jista' jgħid ukoll kemm dawn il-każi ilhom pendenti, xhur u/jew snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa l-aħħar ta' Awissu 2005 kien hawn 582 każi pendenti. Dawn ilhom pendenti minn Jannar 2005.

St Lukes — Parking

Question

Jaf il-Ministru li hemm familji li jieħdu regolarment membri tal-familja tagħhom l-isptar St Lukes li qed iħallsu saħansitra Lm1 għal kull darba li jmorru hemm f'parking? Il-gvern qiegħed jaħseb għal xi eżenzjoni minn dan il-piż żejjed għal dawn il-familji li għandhom anzjani u persuni b'diżabilita'?

Response (DEGUARA, LOUIS)

F'dawn l-aħħar xhur fl-isptar San Luqa, ġiet imnedija sistema ġdida ta' pparkjar li għall-ewwel darba tipprovdi spazju għall-pubbliku biex ikun jista' jipparkja ġewwa l-Isptar - faċilita' li s'issa ma kienitx teżisti għall-pubbliku. Ta' min wieħed jinnota li l-ewwel għoxrin minuta ta' ipparkjar huma bla ħlas. Tajjeb ukoll wieħed ikun jaf li n-numru ta' parkeġġi għall-persuni b'diżabilita' żdiedu kważi bid-doppju. Ma hemm ebda ħlas għall-użu ta' dawn l-ispazji, ikun kemm ikun twil il-ħin li jiġu wżati.

National employment authority — Backlog ta' xogħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jinħatar il-bord tan-national employment authority? X'passi se jittieħdu biex il-backlog ta' xogħol pendenti quddiem dan il-bord jiġi ndirizzat?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Awtorita' ġiet maħtura u qed tittratta l-każijiet li hemm pendenti.

Persuni authistic

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li tfal u żgħażagħ authistic jiġu msejħa kull sena biex jidhru quddiem il-bord mediku, meta din hija kundizzjoni permanenti? Ma jidhirlux li din hija moħqrija żejda meta ħafna minn dawn it-tfal u żgħażagħ jiġu aktar disturbati b'dawn it-tip ta' intervisti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li persuna li ssofri minn autism mhux bilfors li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali biex tikkwalifika għall-pensjoni ta' diżabilita', jiġifieri li trid tkun gravament diżabilitata b'mod permanenti. Ninsab infurmata wkoll li, ħafna drabi, d-diajonisi ta' l-autism ma tkunx ċara biżżejjed biex tittieħed deċiżjoni definita mill-ewwel dwar il-grad ta' gravita' u l-permanenza diżabilita' f'dawn il-każijiet. Għal din ir-raġuni jkun meħtieġ li l-pażjent jerġa jiġi eżaminat wara sena jew aktar skond kif indikat mill-konsulenti mediċi.

Ċentri tas-saħħa — Trasferiment ta' Nursing officers

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala ngħataw trasferimenti lil nursing officers taċ-ċentri tas-saħħa? Jista' jgħid ukoll b'liema kriterju saret l-għażla ta' fejn imorru l-NOs?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hija ħaġa magħrufa sewwa li hija mera ta' amministrazzjoni tajba li minn żmien għal żmien il-grad ta' middle management jingħataw responsabbilitajiet u sfidi ġodda, u mhux jintefgħu karriera fl-istess uffiċċju. Kien hemm minn kien ilu jagħmel l-istess xogħol, jimmaniġġja l-istess nies fl-istess post għal iżjed minn 13 -il sena; oħra kienet qed taħdem dejjem fl-istess Ċentru għal aktar minn 18 -il sena. Dan iċ-ċaqlieq jgħin ukoll lil nursing officers infushom sabiex jiżviluppaw professjonalment billi hekk jiltaqgħu ma' sfidi ġodd u jakwistaw esperjenza aktar vasta fuqiex ikunu jistgħu jservu fil-qadi ta' dmirijiethom il-ġodda. L-għażla finali ta' fejn marru n-Nursing Officers waslet wara diskussjonijiet bejn it-top management u ħadet in-kunsiderazzjoni l-esiġenzi tas-servizz u l-ħiliet maniġerjali tal-individwu kkonċernat/a.

Ħal Qormi — Widien

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-passi li jmiss dwar il-widien f'Ħal Qormi, jiġifieri Wied Inċita - jew kif inhu wkoll magħruf bħala Wied is-Sewda - Wied il-Kbir u Wied iċ-Ċawsli biex jiġi assigurat li l-ilma tax-xita jimxi u ma jogħliex tali li joħloq għargħar b'konsegwenzi serji fuq in-nies?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-ħidma tal-Ministeru fil-widien fl-inħawi ta' Ħal Qormi għal din is-sena ser tkompli fuq ix-xogħol li sar is-sena l-oħra, cioe biex Wied is-Sewda u Wied il-Kbir jinżammu fi stat tajjeb ta' ndafa u ssir il-manutenzjoni regolari neċessarja.

Marsa — Rixtellu li jagħti għall-korsa taż-żwiemel

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ir-rixtellu li jagħti għall-korsa tal-Marsa fuq wara tal-Maltapost, mhux qed ikun miftuħ kif kien ikun qabel, peress li dan joffri speċi ta' safeguard għaż-żwiemel, minħabba t-traffiku li jgħaddi minn din it-triq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-rixtellu li jagħti għall-korsa tal-Marsa fuq wara tal-Maltapost illum il-ġurnata jagħmel parti mill-proġett ta' l-entratura l-ġdida li sar ftit tas-snin ilu biex b'hekk ġie mmodernizzat il-kumpless tal-korsa tal-Marsa. Dan l-istess rixtellu llum il-ġurnata qiegħed jintuża bħala dħul u ħruġ tal-pubbliku, speċjalment wara xogħol ta' pavimentar li sar fuqu. Minn naħa l-oħra s-sidien u s-sewwieqa taż-żwiemel xorta għad għandhom il-faċilita' li jidħlu biż-żwiemel permezz ta' żewġ rixtelli mibnija apposta fiż-żona tal-paddocks.

Marsa — Triq ta' ħdejn il-korsa

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tissewwa t-triq ta' ħdejn il-korsa tal-Marsa, li tiġi fuq wara tal-Maltapost, peress li hi perikoluża għaż-żwiemel tat-tiġrija u għal kull min jgħaddi minn hemmhekk?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq msemmija mill-Onorevoli Interpellant se tiġi spezzjonata u b'hekk tiġi kkunsidrata biex tiġi nkluża fil-program tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji program għall-bini ta' toroq ġodda u dawn se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżulta.

Taxxa fuq l-income

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min hu meqjus bl-istatus ta' single għall-finijiet tat-taxxa fuq l-income, meta jkun qed jagħti manteniment għat-tfal, kemm f'każi ta' annullament, separazzjoni u anke fejn hemm ulied li twieldu barra ż-żwieġ? Jista' jgħid ukoll min hu meqjus b'miżżewweġ għal finijiet ta' taxxa fuq l-income meta jkun qed jagħti manteniment għat-tfal fil-każi msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ħlas ta’ manteniment għat-tfal ma għandu l-ebda rilevanza għat-tax status ta’ persuna. Ir-rilevanza hija fir-rigward tad-deduzzjoni li wieħed jista’ jitlob. Ġenitur separat jew bi żwieġ annulat jew b’ulied barra miż-żwieġ ikun meqjus “persuna waħedha” u ntaxxat bħala “single” meta ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ “ġenitur wieħed”. Dawn il-kundizzjonijiet huma li: jkun qed imantni wild taħt is-sittax-il sena (ħlief meta dan ikun student full-time jew bi bżonnijiet speċjali); id-dħul ta’ dan il-wild ma jaqbiżx l-Lm1,000; il-ġenitur ikollu d-dritt għaċ-children’s allowance; il-ġenitur ma jkunx qed jirċievi għajnuna finanzjarja mingħand il-ġenitur l-ieħor dwar l-istess wild; il-ġenitur ma jkunx qed jgħix fl-istess dar mal-ġenitur l-ieħor. Persuna miżżewġa li tgħix mal-konjugi tagħha titqies bħala miżżewġa bit-threshold u r-rati ta’ taxxa ta’ miżżewġa, u ma tistax tingħata ukoll id-deduzzjoni għall-ħlasijiet ta’ manteniment.

Air Malta — Xogħol ta' stampar

Question

Jista' il-Ministru jgħid lil min ingħata x-xogħol ta' l-istampar ta' l-Air Malta? Min kien jagħmel dan ix-xogħol mill-1998 sas-sena 2004, sena b'sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol ta' l-istampar ta' l-Air Malta mill-1998 sas-sena 2004 ingħata lil diversi stampaturi kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta — Wages section

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex hemm impjegati l-Enemalta li l-pagi tagħhom ma jinħadmux bħal ta' l-impjegati l-oħra, jiġifieri mill-wages section, iżda minn section oħra? Min huma dawn l-impjegati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-l-pagi ta' l-impjegati li qegħdin fuq 'Performance Agreement' qegħdin fuq il-payroll system ta' l-Enemalta iżda jitħalu mill-uffiċċju ta' Chief Finance Officer.

NGOs

Question

Tista' il-Ministru tagħti lista dettaljata, bl-indirizz eċċ., ta' l-għaqdiet mhux governattivi - NGOs - li huma reġistrati u/jew magħrufa b'mod uffiċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fin-nuqqas, s’issa, ta’ sistema ta’ registrazzjoni ta’ Għaqdiet mhux Governattivi, liema nuqqas qed jiġi ndirizzat bil-liġi proposta dwar is-settur volontarju, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bid-dettalji ta’ dawk l-Għaqdiet mhux Governattivi u Support Groups li, f’dawn l-aħħar ħames snin, applikaw għal fondi mill-Vot provdut apposta fl-Estimi Finanzjarji taħt il-Ministeru tiegħi.

Aġenziji fil-qasam soċjali

Question

Tista' il-Ministru tagħti lista dettaljata bl-indirizzi eċċ. ta' l-aġenziji, dipartimenti u taqsimiet li jaħdmu fuq il-qasam soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba dwar id-dipartimenti, agenziji u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Ħal Qormi — Fabbrika Lowenbrau

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu d-duħħan iswed li ta' spiss jidher ħiereġ mill-fabbrika Lowenbrau f'Ħal Qormi u jekk sarux spezzjonijiet biex jiġu evalwati dawn l-emissions?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) investigat dan il-complaint u nstab li l-boiler ma kienx qiegħed jaħdem kif suppost. Ġie ordnat li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa u l-emmissjonijiet ġew ikkontrollati.

Marsa — Proġett kontra l-għargħar mix-xita

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-vapuri mgħarrqa ħdejn Cassar Shipyard, il-Marsa, ittellgħux bħala parti mill-proġett kontra l-għargħar mill-ilma tax-xita li jolqot lil Marsa u lil Ħal Qormi partikolarment?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li saret spezzjoni taż-żona li tħammlet bħala parti mill-proġett ta' kontra l-għargħar f'Ħal Qormi u l-Marsa, jiġifieri f'Xatt il-Mollijiet maġenb Cassar Shipyard. Irriżulta li m'hemm l-ebda vapur mgħarraq f'din l-istess żona.

Menqa tal-Marsa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar dwar il-Menqa tal-Marsa bħala parti mill-proġett kontra l-għargħar ta' l-ilma tax-xita li jolqot lil Marsa u lil Ħal Qormi partikolarment? Din tnaddfet? Hemm ħsieb li titwessa'?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-Menqa f'Xatt il-Mollijiet, jiġifieri f'dik iż-żona maġenb Cassar Shipyard, tħammlet sal-fond meħtieġ. Sabiex jgħin l-isfog ta' l-ilma tax-xita għall-ġewwa l-Menqa, sejra tiżdied fergħa oħra mill-kanal prinċipali li wkoll għandha sfog ġewwa l-Menqa tax-Xatt il-Mollijiet. Ix-xogħol fuq dan il-watercourse ġdid diġa nbeda.

Kumissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji — Każ b'referenza 3015

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex il-każ bir-riferenza 3015 (dettalji tal-persuna qed jidhru separatament) ta' l-Uffiċċju tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji Qrati Superjuri, qatt ma nqata' u għaldaqstant qatt ma ngħata kumpens xieraq u ġust lil min sofra telf fil-beni tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji kienet ħadet deċiżjoni fuq il-każ li qed tagħmel riferenza għalih l-Onorevoli Interpellant.

Pulizija — Liċenzji biex jinħadem in-nar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal-liċenzji A u B biex jaħdmu n-nar? Kemm hemm min għandu liċenzja A u liċenzja B (irġiel u nisa)? Kemm ilu ma jsir kors għall-ksib ta' dawn il-liċenzji? Meta hemm il-ħsieb li jiġi organizzat il-kors?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm pendenti 10 applikazzjonijiet għall-liċenzja Kategorija A u 173 applikazzjonijiet għall-liċenzja Kategorija B, filwaqt li hemm 132 persuna li għandhom liċenzja Kategorija A u 444 persuna li għandhom liċenzja Kategorija B. Minn dawn ta' l-aħħar, 4 huma nisa. Infurmat ukoll illi l-kors ta' tagħlim fuq is-suġġett isir mill-Forzi Armati ta' Malta u l-aħħar wieħed kien sar matul Mejju/Ġunju 2003. Il-Pulizija għad m'ghandiex id-data ta' meta sa jibda l-kors li jmiss.