Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'livell edukattiv, x'nomeklatura u salarju/i u allowance/s għandhom min qed imexxi l-Fondazzjoni Trasport Ħajja Independenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni Trasport għall-Ħajja Indipendenti hi mmexxija minn Bord ta' Diretturi. Iċ-Ċhairperson tal-Bord hi sekondata mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u titħallas fuq skala tas-salarju 15 ta' l-impjegati tal-Gvern. Il-ħames membri l-oħra tal-Bord huma fuq bażi volontarja.
Il-Fondazzjoni ma hijiex organiżżazzjoni governattiva imma tirċieva għajnuna finanzjarja minn għand il-Gvern. Għalhekk l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija ma tistax tingħata.
Jista' l-Ministru jagħmel riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25067 dwar l-iżviluppar ta' l-aħħar parti ta' Triq id-Dragun f'Ħal Qormi u li tmiss ma' Triq il-Ħelsien u li hija magħrufa bħala New Street fi Triq il-Ħelsien? Jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-planning schemes tal-lokalita' li tipproduċi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kif indikat mill-Ministru Ċensu Galea fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija msemmija?
Response (BORG, TONIO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi l-iskema uffiċjali ta` kif se tiġi żviluppata l-aħħar parti ta` Triq il-Ħelsien f`Ħal Qormi kantuniera ma` Triq id-Dragun. Din l-iskema ġiet approvata fil-11 ta` Ottubru 1999, wara deċiżjoni tal-Qorti ta` l-Appell, li kienet iddikkjarat parti mill-art f`din it-triq bħala art saqwi skond l-Att XVI ta` l-1967 (para 2b).
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex wires ta' l-Enemalta li huma mdendlin mal-faċċata tad-dar bl-indirizz li qed jidher separatament u li qed jagħmlu ħsara u saħansitra lanqas manutenzjoni tal-gallarija ma tista ssir minħabba l-periklu, jiġi rranġati mill-aktar fis?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn investigazzjonijiet li saru mill-Korporazzjoni Enemalta, ma jirriżultax li l-wires tad-dawl qed jagħmlu ħsara fil-proprjeta' imsemmija. Min-naħa l-oħra, biex il-proprjetarju tal-fond imsemmi jkun jista' jagħmel manutenzjoni fil-proprjeta', ikollu bżonn jimla applikazzjoni apposta għal dan il-għan fl-uffiċċju distrettwali tal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex meta jispiċċaw cleaners bl-eta' ta' l-irtirar eċċ minn mal-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni ma jiġux impjegati minn dawk li jkunu impjegati bħala casuals?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ingaġġ ta' cleaners full-time hu prerogattiva tal-Management and Personnel Office.
L-ingaġġ ta' cleaners part-time hu responsabilita` ta' l-iskola konċernata u jsir taħt proċess totalment differenti mill-ingaġġ ta' cleaners full-time i.e. ħaddiema mpjegati b'mod permanenti maċ-ċivil. Ebda cleaner part-time ma jista' jiġi ngaġġat fuq bażi full-time b'mod awtomatiku.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Kunsill Lokali preċidenti f'Ħal Qormi neħħa lapida li kienet inkixfet mill-ex- Ministru t-tabib Philip Muscat, fil-playing field tal-Pjazza Frederico Maempel - Ħal Qormi
Response (GATT, AUSTIN)
Bhal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esigenzi u l-mezzi taghhom.
Ghadlaqstant nissuggerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi ghaliha, fil-fatt hija wahda mir-responsabilitajiet tal-Kunsilli.
Tista' l-Ministru tikkonferma li dawk il-kapijiet u assistenti kapijiet li joqgħodu Malta u li kienu posted fl-iskejjel Għawdex fis-sena skolastika 2000/2001 jingħataw refund ta' l-ispejjez tal-biljetti tal-vapur?
Tista' tgħid din hix xi policy ġdida tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni fejn jidħlu ħaddiema Maltin li jiġu posted f'Għawdex
Tista' tgħid jekk fil-futur din il-policy hix ser tapplika għal ħaddiema kollha Maltin fid-dipartiment ta' l-Edukazzjoni li jiġu posted f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex kapijiet u assistenti kapijiet Maltin li kienu jaħdmu fi skejjel tal-Gvern f'Għawdex dejjem jingħataw trasport tal-Gvern mill-Imgarr sal-iskola fejn kienu jaħdmu u lura filwaqt li l-Assistenti Kapijiet Għawdxin li hemm posted f'Malta qat ma ingħataw dan is-servizz?
Tista' tgħid għaliex meta xi Assistenti Kapijiet Għawdxin posted fi skejjel Malta talbu dan is-servizz, dan ġie rifjutat?
Tista' tgħid għaliex qegħda isir din id-diskriminazzjoni bejn kapijiet u assistenti kapijiet Għawdxin posted f'Malta u dawk Maltin posted f'Għawdex?
Tista' tgħid x'passi ser jieħu biex din id-diskriminazzjoni tiġi rimedjata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab nfurmata li Kapijiet u Assistenti Kapijiet Maltin li jaħdmu fi skejjel tal-Gvern f’Għawdex jingħataw trasport mill-Imġarr għall-iskola u lura meta ma jkunx hemm trasport pubbliku dirett mill-Imġarr.
Nitlob lill-Onor Interpellant biex tagħmel it-tieni parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod id-dipartiment ta' l-ambjent qiegħed jara li tiġi kkontrollata għal livelli aċċettabli l-problema tan-noise pollution partikolarment f'areas residenzjali u li huma semi-industrijali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment għandux ippjanat li jagħti appoġġ lil tfal li jbatu mid-dyslexia wara l-ħin ta' l-iskola, per eżempju permezz ta' għajnuna ta' parapethic teacher?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-SpLD Service (Specific Learning Difficulties Service) li huwa s-sezzjoni fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni responsabbli għat-tfal dyslexic m'għandux pjan, għalissa, biex jagħti taħriġ speċjalizzat wara l-ħin ta' l-iskola.
Il-peripatetic teachers li jaħdmu fl-SpLD Unit jagħtu appoġġ lit-tfal fil-ħin ta' l-iskola, sewwa fl-iskola stess kif ukoll fil-Unit.
L-SpLD Service jaħdem ukoll mal-ġenituri biex jinbena l-appoġġ li dawn jagħtu lit-tfal fid-dar.
B'riferenza għal mistoqsija nru. 25067, jista' l-Ministru jgħid x'kienu id-deċiżjonijiet tad-Dipartiment tat-Toroq wara li t-talba li għamiltlu dwar ix-xogħol li jrid isir fuq l-aħħar parti tat-triq li tiġi fl-aħħar ta' Triq id-Dragun f'Ħal Qormi u li tmiss ma' Triq il-Ħelsien u li hija magħrufa bħala New Street fi Triq il-Ħelsien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għadu qiegħed jistudja l-każ imqajjem mill-Onor. Interpellant.
Jirriżulta li hemm sentenza tal-Qorti ta' l-Appell dwar l-art li trid tittieħed biex tinfetaħ it-triq li fil-fatt saħansitra waslet lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tibdel iż-zoning fl-area.
Id-Dipartiment tat-Toroq qiegħed fil-proċess li jieħu parir legali dwar x'jista' jsir biex it-triq tkun tista' tinfetaħ.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir t-twessiegħ ta' Triq San Tumas f'Ħal Luqa li ilha ppjanata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għandu l-pjan li t-triq mill-Ajruport sa Burmarrad tiġi upgraded u xogħol fuq din it-triq isir skond il-programm li qed jiġi stabbilit għal kull fażi ta' dan il-proġett.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari rnu. 20630 dwar persuni li nqabbdu mill-Ispetturi ta' l-ETC li kienu qed jirreġistraw u jaħdmu eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru n-numru ta' persuni li nqatgħu mir-reġistru tax-xogħol bejn Settembru 2000 u April 2001, u n-numru ta' dawk li rebħu l-appelli quddiem l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol bejn Settembru 2000 u Frar 2001. Ninsab infurmat li l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol għadha għaddejja bil-każijiet ta' dawk li nqabdu jaħdmu matul Marzu, April u Mejju 2001.
Ninsab infurmat ukoll li l-Korporazzjoni tressaq il-każ il-Qorti ta' min jinqabad jabbuża u ma jirregolariżżax il-pożizzjoni tiegħu.
Jista' l-Prim Ministru jirreferi għall-mistoqsija parlamentari nru. 24952 dwar l-ex-ħaddiema (labourers) tad-Dejma?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li ma teżistiex kategorija ta’ ħaddiema mal-Gvern li jissejħu ‘ex-Dejma’.
Il-ħaddiema li kien hemm fid-Dejma taħt dixxiplina militari kienu ngħataw impjieg mal-Gvern bid-dritt li jkunu membri tal-Unions u illum jimxu f’kollox bħal sħabhom skond il-ftehim li jeżisti għall-grad tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid hux veru li f'ċerti blokki fl-Iskola ta' maria Assunta, l-Ħamrun, is-sistema ta' l-elettriku għadha tant l-antika li l-wires għadhom minn dawk tad-drapp u b'hekk jippreżentaw ċerti perikli? X'sar jew x'se jsir mid-Dipartiment dwar dan u meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tliet blokki fl-Iskola Sekondarja Marija Assumpta, Ħamrun għad għandhom sistema tad-dawl antika. Għalhekk hemm limitazzjonijiet fil-manutenzjoni ta' din is-sistema. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni nkarigat lill-periti tagħha biex iħejju l-ispeċifikazzjonijiet għall-ħruġ ta' tenders sabiex jinbidlu l-istallazzjonijiet ta' l-elettriku fl-imsemmija blokki.