Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' — Każi ta' Diskriminazzjoni
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jenħtieġ żmien biex il-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita' tinvestiga u tinnegozja mad-dipartiment ta' l-edukazzjoni qabel ma l-istess kummissjoni tieħu l-passi neċessarji skond il-liġi opportunitajiet indaqs, fir-rigward ta' każi ta' diskriminazzjoni?
Fil-każ li ma jeżistix żmien stipulat, kemm se tagħti żmien l-istess kummissjoni qabel ma tibda tieħu l-passi neċessarji biex ma tkompliex issir diskriminazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita') għaddiet mill-Parlament f'Jannar 2000 u daħlet fis-seħħ f'Ottubru 2000. Minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi l-Kummissjoni bdiet tibni l-istrutturi nterni u l-proċeduri meħtieġa. Il-Kummissjoni bdiet tħejji gwida, li għadha mhix finali, dwar il-proċedura li ser timxi biha. Hu mistenni li din il-gwida tkun ippubblikata sa Ottubru 2001.
Il-Liġi Opportunitajiet Indaqs, tobbliga lill-Kummissjoni li tieħu diversi miżuri, kemm meta jsir xi ilment minn persuna b'diżabilita', kif ukoll meta tkun bdiet investigazzjonijiet hi nnifisha. Dawn il-miżuri huma elenkati fir-regolamenti A.L.13 ta' 2001. Dawn jinkludu:
a) li tinforma l-persuna kontra min qed isir l-ilment li qed isir investigazzjoni;
b) tiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa;
c) tagħmel dak kollu meħtieġ biex tirrisolvi l-kwistjoni bonarjament;
d) tirreferi l-kwistjoni għall-arbitraġġ;
e) tressaq il-każ quddiem il-Prim' Awla tal-Qorti Ċivili.
Il-Kummissjoni tibda dan il-proċess immedjatament li tirċievi ilment jew meta jidhirlha li hemm każ x'jiġi investigat.
Ma hemm l-ebda żmien stipulat kemm idum kull stadju ta' din il-proċedura għax dan jiddependi mill-każ li jkun qed jiġi nvestigat. Il-Kummissjoni temmen li hi tkun qed "tieħu l-passi neċessarji skond il-Liġi Opportunitajiet Indaqs" malli tibda tinvestiga l-każ. Il-Kummissjoni hi kommessa li tkompli taħdem sakemm il-każ ikun riżolt fl-aħjar interessi tal-persuni konċernati u fl-iqsar żmien possibbli. Pero' l-fattur taż-żmien hu biss wieħed mill-fatturi li għandu jingħata importanza f'dan il-proċess.
Barra minn hekk il-Kummissjoni hi konxja li dan il-proċess jinvolvi wkoll bidla fil-mentalita'. Il-Kummissjoni, fejn tara li hemm rieda tajba, hi disposta li tgħati żmien raġonevoli biex tinstab soluzzjoni bonarja. Dan għaliex ftehim x'aktarx ikollu effett aktar pożittiv u dejjiemi milli deċiżjoni imposta fuq il-partijiet. Naturalment x'inhu żmien raġonevoli jiddependi mill-każ li jkun qed jiġi eżaminat. Il-Liġi għandha tiġi utiliżżata b'mod intelliġenti u flessibbli.
Hu mportanti wkoll li jingħad li passi legali taħt din il-Liġi jistgħu jittieħdu anke mill-individwu li jħoss li qed issir diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-MIA qabbdet kuntrattur biex jiżboħ il-linji f'park 9 meta hemm impjegati fl-istess kumpannija li jagħmlu dan ix-xogħol u jeżisti apparat tal-kumpannija li huwa aktar avanzat minn dak li qed juża l-kuntrattur? Jaf il-Ministru li dan ix-xogħol mhux ta' l-aħjar kwalita' għaliex saħansitra anke linji mgħawwġa nżebgħu? Jista' l-Ministru jispjega kif ħaddiema ta' l-MIA kaħħlu u żebgħu l-control tower iżda mbagħad biex tkaħħlet opramorta ġie mqabbad kuntrattur? Jista' l-Ministru jgħid għaliex biex sar il-car park il-ġdid quddiem il-control tower tqabbad kuntrattur meta x-xogħol seta sar mill-ħaddiema tal-kumpannija?
Response (BONNICI, JOSEF)
M'hemmx dubju li l-parti l-kbira ta' l-impjegati tal-Malta International Airport huma nies kapaċi fis-sengħa tagħhom u jagħmlu xogħol ta' l-aqwa kwalita'. Madanakollu, matul dawn l-aħħar sentejn, minbarra xogħol ta' manutenzjoni, il-Kumpanija qed twettaq xogħol ta' titjib tal-faċilitajiet u anke infrastrutturali, prattikament f'kull qasam ta' l-ajruport, sabiex jingħata servizz ta' l-aqwa kwalita'. Dan iġġenera kwantita' kbira ta' xogħol li ma jistax isir fiż-żmien mixtieq mill-ħaddiema tal-Kumpanija waħidhom.
Dan il-fatt ġiegħel lill-Kumpanija tagħti diversi xogħolijiet lil numru ta' kuntratturi. Minkejja dan qatt ma ingħata xogħol lil xi kuntrattur waqt li l-ħaddiema tal-Kumpanija, li kienu kapaċi jagħmlu dak l-istess xogħol, tħallew iħarsu.
Ta' min wieħed jgħid li l-Kumpanija tassigura li kull xogħol li jsir ikun ta' l-aħjar kwalita', kemm jekk isir min-nies tal-Kumpanija kif ukoll jekk isir minn kuntrattur. Meta xi xogħol ma jkunx ta' l-aħjar kwalita', il-Kumpanija tieħu l-passi neċessarji biex dan jiġi rranġat.
Dan japplika għax-xogħol li saret riferenza għalih fil-mistoqsija, u iżjed minn hekk, ta' min jgħid li:
1. Il-Kumpanija qabdet kuntrattur biex jiżboh il-linji f'park numru disgħa għax il-ħaddiema tal-Kumpanija li jagħmlu dan ix-xogħol kienu qed jagħmlu xogħol ieħor ta' żebgħa ta' linji. Dan ix-xogħol li sar mill-kuntrattur kien tajjeb, anzi kien ta' l-aħjar kwalita' minkejja li l-apparat tal-kuntrattur mhux avvanzat daqs dak tal-Kumpanija.
Hawnhekk ta' min josserva li f'dan il-każ, li ġara xi xahar ilu, il-kuntrattur twaqqaf wara li kien ilu jaħdem xi tlitt ijiem, fejn kien kważi lesta nofs ix-xogħol, peress li l-Kumpanija rċeviet ilementi mill-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema. Tajjeb jingħad li sa llum ix-xogħol ta' żebgħa tal-linji f'park numru disgħa għadu mhux lest.
2. Dwar ix-xogħol ta' tikħil u żebgħa fil-control tower, il-Kumpanija qabdet kuntrattur biex jagħmel ix-xogħol ta' barra u mhux biss l-opramorta, waqt li l-ħaddiema tal-Kumpanija kienu qed jagħmlu x-xogħol ta' ġewwa.
3. Il-Kumpanija ma għandhiex il-makkinarju meħtieġ biex tagħmel bankini u toroq.
In vista ta' dawn il-fatti, mhux korrett li jingħad li x-xogħol fil-car park il-ġdid ta' quddiem il-control tower seta' sar mill-ħaddiema tal-Kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fit-taqsima tal-gass tal-korporazzjoni Enemalta għadu ma nstabx ir-replacement tal-principal technical officer li se jispiċċa mix-xogħol ftit xhur oħra bl-eta' ta' l-irtirar? Dan il-principal technical officer mhux se jagħti hand over lil xi ħadd?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa qed isiru l-preparamenti biex tinħareġ l-applikazzjoni għal sejħa għall-grad ta' Principal Technical Officer fid-Diviżjoni tal-Gas.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26058 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' jikkonferma li dawk il-kapijiet u assistenti kapijiet li joqgħodu Malta u li kienu posted fl-iskejjel Għawdex fis-sena skolastika 2000/2001 jingħataw refund ta' l-ispejjez tal-biljetti tal-vapur?
Jista' jgħid din hix xi policy ġdida tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni fejn jidħlu ħaddiema Maltin li jiġu posted f'Għawdex
Jista' jgħid jekk fil-futur din il-policy hix ser tapplika għal ħaddiema kollha Maltin fid-dipartiment ta' l-Edukazzjoni li jiġu posted f'Għawdex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Billi l-mistoqsija tirrigwarda l-amministrazzjoni tad-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni, nitlob l-Onorevoli Interpellant biex tindirizzaha lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari nru. 26059 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid għaliex kapijiet u assistenti kapijiet Maltin li kienu jaħdmu fi skejjel tal-Gvern f'Għawdex dejjem jingħataw trasport tal-Gvern mill-Imgarr sa l-iskola fejn kienu jaħdmu u lura filwaqt li l-Assistenti Kapijiet Għawdxin li hemm posted f'Malta qat ma ngħataw dan is-servizz?
Jista' jgħid għaliex meta xi Assistenti Kapijiet Għawdxin posted fi skejjel Malta talbu dan is-servizz, dan ġie rifjutat?
Jista' jgħid għaliex qegħda isir din id-diskriminazzjoni bejn kapijiet u assistenti kapijiet Għawdxin posted f'Malta u dawk Maltin posted f'Għawdex?
Jista' jgħid x'passi ser jieħu biex din id-diskriminazzjoni tiġi rimedjata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Billi l-mistoqsija tirrigwarda l-amministrazzjoni tad-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni, nitlob l-Onorevoli Interpellant biex tindirizzaha lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni biex arblu ta' l-elettriku li qiegħed fuq bankina dejqa qrib 28 Rock Street, Qormi, u li qiegħed jimblokka l-ftit aċċessibbilta' tal-bankina jitneħħa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-Korporazzjoni Enemalta ma jirriżultax li l-arblu msemmi qiegħed jimblokka l-bankina fit-triq li hemm riferenza għaliha fil-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet dwar tinġis ta' l-ambjent matul is-snin bejn l-1995 u s-sena 2000 fl-area industrijali ta' Ħal Qormi, Ħal Farruġ f'Ħal-Luqa u f'Ħal Kirkop?
Jista' l-Ministru jgħid x'testijiet ambjentali saru, jew qed isiru, fuq l-effetti li qed iħalli x-xogħol li qed isir fil-Kalkara tal-ġir fl-area ta' Ħandaq f'Ħal Qormi b'detriment għal min jgħix u jaħdem fl-area u r-raba' li jinħadem fl-akwati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li qatt ma qaslu rapporti lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent fuq din il kalkara msemmija mill-Onor. Interpellant. L-kalkara in kwestjoni hi regolarament liċenzjata.
Spetturi tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent spezzjonaw il-kalkara fil-5 ta' Ġunju 2001.
Ma ġiex osservat ħruġ esaġerat ta' gassijiet jew trab minn din il-kalkara. Għalhekk, il-kalkara ma għandiex tkun ta' detriment ambjentali. Ta' min isemmi li l-eqreb zona residenzjali fl-inħawi hi kemmxejn il-bogħod minn din il-kalkara.
Jista' l-Ministru jgħid kif qiegħed jitħalla jsir ħruq ta' skart f'barriera li tintuża bħala scrapyard fl-area ta' Ħandaq f'Ħal Qormi, b'detriment għar-raba' u bhejjem li jitrabbew fl-area u b'detriment għas-saħħa ta' kulmin jgħix u jaħdem fl-area li tiġi milquta b'dan it-tinġis?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lil-Ispetturi tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex jinvestigaw l-ilment u titieħed azzjoni skond il-kaz.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi hemm għal barriera li hemm fl-area tal Ħandaq, f'Ħal Qormi biex tintuża bħala scrapyard? Jista' jgħid hemmx permess li jinħarqu l-affarijiet fiha wkoll?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qatt ħarġet permessi ta` żvilupp għal barriera fil-lokalita` Tal-Ħandaq, f`Ħal Qormi biex din tkun tista` tintuża bħala scrapyard jew li b`xi mod jista` jsir xi ħruq ta` affarijiet fiha.
L-Awtorita` ser tinvestiga u fejn jirriżulta li hemm ksur tal-liġi tieħu dawk il-passi neċessarji skond l-Att ta` l-1992 dwar l-Ippjanar.
Infurmat ukoll illi m`hemmx liċenzji tal-Pulizija fuq il-post imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intbagħtu CSAs ġodda fir-Residenza St. Vincent De Paule dan l-aħħar? Min huma? Mil-liema dipartiment qegħdin jitħallsu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanti għar-risposta għad-Domanda Parlamentari Numru 24833, għandi ninfurmaha li minn dak iż-żmien 'l hawn bdew jaħdmu 3 CSAs ġodda biex jissostitwixxu ħaddiema li rtiraw mix-xogħol minħabba l-eta'. Dawn jitħallsu mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Anzjani.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirreferi għal mistoqsija parlamentari nru. 25786 u nistaqsih għal tagħrif dwar il-kategorijiet kollha ta' ħaddiema li jaħdmu fir-Residenza ta' San Vinċenza de Paule?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti li tkun aktar ċara u speċifika fil-Mistoqsija tagħha biex inkun f'pożizzjoni li nagħtiha l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li casual assistant ġiet trasferita mis-serenity ward I fir-Residenza San Vinċenza De Paule, għad-dining room ta' l-Impjegati fl-istess residenza? Jaf bil-ġlieda, saħansitra bl-idejn, li nqalgħet bejn l-impjegati amministattivi f'SVPR minħabba dan it-transferiment? X'passi dixxiplinarji ittieħdu kontra min ta' t-trasferiment minn wara dahar l-uffiċjali inkarigati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-raġuni tat-trasferiment tal-Casual Assistant mis-Serenity Ward 1 għad-Dining Room tal-impjegati fir-Residenza San Vinċenz de Paule kienet minħabba l-esiġenzi tas-servizz.
In-nuqqas ta' komunikazzjoni bejn l-uffiċċjali nvoluti taha lok għal ċertu malintiż bejniethom, li issa ġie ċċarat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati tal-Gvern li jaħdmu fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule iżda li jitħallsu minn dipartimenti oħra tal-Gvern, bħal per eżempju St Luke's, kategorija, kategorija u dipartiment dipartiment? X'inhija r-raġuni jew raġunijiet għal dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' mpjegati li jaħdmu fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule u jitħallsu minn Dipartimenti oħra tal-Gvern jew xi aġenzija oħra hu ta' 9, li minnhom 7 jitħallsu mid-Diviżjoni tas-Saħħa, 1 mit-Tarzna u 1 mid-Dwana.
Ir-raġuni ta' dan ivarja minn xogħol ta' rotazzjoni jew secondment.
Jaf il-Ministru bl-istat diżastruż ta' ħmieġ u ħaxix ħażin li hemm fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata? X'se jsir biex f'partijiet ta' l-istess ċimiterju jitkompla x-xogħol li kien inbeda madwar sentejn ilu fejn kien qed jingħata l-konkos, peress li dan ix-xogħol waqaf? Xi programm ta' tindif ġenerali għandu d-dipartiment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
M'iniex infurmat li riċentement saru xi ilmenti dwar ħmieġ ġewwa ċ-ċimiterju. Iżda ta' min jinforma li żdiedu l-ħaddiema kkonċernati kif ukoll tali ħaddiema ġew iffurmati f'żewġ gruppi biex it-tindif taċ-ċimiterju jsir b'aktar effiċjenza. Tali tindif jinvolvi t-tneħħija ta' żibel mit-tankijiet li hemm mifruxin madwar iċ-ċimiterju, tneħħija ta' ħaxix li kontinwament jinbed bejn l-oqbra, kif ukoll knis ta' passaġġi w toroq. Biex jiġi faċilitat ix-xogħol ġew provduti wkoll żewġ dumpers, kif ukoll se jiġu provduti fil-futur qarib, żewġ vetturi żgħar li jippermettu li jgħaddu mill-passaġġi dojoq taċ-ċimiterju, b'hekk aktar xogħol ikun jista' jsir fl-istess ammont ta' żmien.
Fil-parti l-ġdida taċ-ċimiterju għad hemm xi toroq mhux kompluti, imma d-Dipartiment qiegħed f'kuntatt mal-perit tal-Gvern u l-kuntrattur responsabbli, biex ix-xogħol jitlesta mill-aktar fis possibbli.
Ninforma wkoll li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika daħal fi ftehim ma' dak ta' l-Agrikoltura biex isir xogħol regolari ta' 'landscaping' fl-istess Cimiterju.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ntgħażlet l-ogħla offerta għax-xogħol li qed isir fl-area tal-Palazz l-Aħmar f'Santa Venera, xogħol ta' toroq u bankini?
Response (GATT, AUSTIN)
Dan il-Ministeru ma ħareġ l-ebda offerta għax-xogħol fl-area tal-Palazz l-Aħmar, Santa Venera.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata Triq Qasam Sperimentali, fl-area ta' Ħal Farruġ li tkissret meta sar ix-xogħol fuq it-tiswija tad-drenaġġ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq diġa ġibed l-attenzjoni tal-kuntrattur li t-trinka qiegħda tinżel f'xi postijiet u b'hekk tinħtieġ li tissewwa, iżda peress li x-xogħol sar taħt kuntratt tad-Dipartiment tad-Dranaġġ, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex residenti f'parti mill-area magħrufa bħala Ħal Farruġ, Ħal Luqa u li jibgħatu lill-uliedhom fl-iskola primarja ta' San Bastjan, Ħal Qormi, jiġu mitluba jmorru fil-Health Centre tal-Furjana u mhux fil-Health Centre ta' Ħal Qormi? JIsta' jikkonsidra li dawn ir-residenti jibdew jagħmlu użu mill-Health Centre ta' Ħal Qormi u mhux tal-Furjana biex jingħeleb l-inkonvenjent li dawn ir-residenti għandhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-policy tad-Dipartiment huwa li kull resident jattendi fiċ-Ċentru tas-Saħħa li huwa responsabbli għal post residenzjali tiegħu skond il-"catchment area" ta` kull Ċentru tas-Saħħa. Dan minħabba raġunijiet loġistiċi u minħabba is-sistema ta` filing u ta` medical records.
Ċittadini residenti f'Ħal Luqa jaqgħu taħt iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Furjana u dawk residenti f'Ħal-Qormi jattendu iċ-Ċentru tas-Saħħa ta` Ħal Qormi.
Id-Dipartiment bilfors irid jimxi fuq ir-residenza kif indikata fl-ID Card għaliex inkella jinqalgħu ħafna problemi iżjed milli wieħed isolvi.
Minkejja dan id-Dipartiment dejjem lest li jagħmel eċċezzjoni f'każi speċifiċi fejn ikun hemm raġuni valida meta issir xi talba minn xi individwu f'dan ir-rigward.
Id-Dipartiment lest ukoll li jiddiskuti ma rappreżentanti ta` dawk in-nies li joqgħodu fil-parti ta` Ħal Farruġ, Ħal Luqa jew mal-Kunsill Lokali sabiex wieħed jistħarreġ jekk tistax tinsab soluzzjoni aċċettabli għal kulħadd dwar din il-problema.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq San Tumas f'Ħal Luqa se ssir minħabba l-inkonvenjent u l-periklu kbir li tippreżenta għal kull min jgħaddi b'xi vettura minn hemm u l-ħsejjes kbar ta' tisbit tal-vetturi, li r-residenti jkollhom jissaportu matul il-gurnata u l-lejl minħabba is-sitwazzjoni tat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 25955.