Jistaż l-Ministru jgħid għaliex fl-area ta' Mwieġel Road, Żurrieq, fejn hemm tlett irżieżet tal-majjali u tnejn tal-baqar, sar xogħol fuq id-distribuzzjoni ta' l-ilma li mhux komplut, fis-sens li sar biss madwar 300 metru ta' pajp u ma ġiex moqdi kullħadd, bil-konsegwenza li l-pressa f'ċertu postijiet hija verament baxxa? Għaliex it-triq tħalliet fi stat diżastruż? Meta se jitkompla x-xogħol? Jekk hux kulħadd se jkun moqdi kif suppost bis-servizz ta' l-ilma b'mod addatat?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie riferut lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex studenti ta' l-Iskola Fra Diego Bonanno qed jintbagħtu għal work experience mingħajr ma jingħataw xi xorta ta' allowance? Ma jidhirlux li dan huwa sfruttament meta dawn iż-żagħżagħ qed jagħmlu xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti ta' Fra Diego Bonanno, meta jmorru jagħmlu Work Experience ma jmorrux jaħdmu, iżda jmorru biss għall-orjentazzjoni fuq ix-xogħol. Dan isir biex it-tfajliet konċernati jkollhom esperjenza ġdida li meta titniżżel f'C.V. ipoġġihom f'pożizzjoni ta' vantaġġ. Għaldaqstant din il-Work experience għandha titqies bħala parti integrali mill-edukazzjoni tagħhom, u taħt ebda ċirkustanza ma tista' titqies bħala sfruttament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min iħallas għas-servizz tat-telecare? Min hu meħlus minn dan il-ħlas? Kemm tħallas kull kategorija, jekk hemm aktar minn kategorija waħda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li kull persuna li hi eliġibbli għat-Telecare iżda ma tissodisfax il-kriterji ta' eżenzjoni mill-ħlas tal-kera tħallas bir-rata ssussidjata ta' bejn Lm1.00 u Lm1.08 fix-xahar.
Jekk ikun hemm 2 persuni li jagħmlu użu mis-Servizz u għalhekk ikollhom bżonn ta' żewġ pendenti, l-ħlas ikun ta' bejn Lm1.16 u Lm1.fix-xahar. Id-differenza fiż-żewġ kategoriji qiegħda fil-kwalita' tal-pendent għax hemm pendenti li għandhom 'range' itwal.
Dik il-persuna li jkollha l-karta r-roża, tkun 'l fuq minn 60 sena u tgħix kompletament waħidha jew ma' anzjani oħra tibbenefika mill-eżenzjoni tal-ħlas tal-kera.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi minn skala 5 il fuq kif wkoll konsulenti mal-Gvern, illi mill-ewwel ta' Jannar 2001 ġew mogħtija jew żieda f'xi allowance jew xi allowance ġdida kompletament? X'pożizzjoni jokkupaw dawn l-uffiċjali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mill-1 ta’ Jannar 2001 kien hemm 147 uffiċjal fi Grad 5 jew ogħla li ngħataw żieda fl-“expense allowance” tagħhom. Dawn kienu Diretturi, Diretturi Ġenerali u Segretarji Permanenti fuq “performance agreement” għal perjodu ta’ tlett snin.
Dwar “allowances” oħra, ninsab infurmat li fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi ma kien hemm l-ebda uffiċjal minn Skala 5 ‘l fuq jew xi konsulent li żdieditlu l-“allowance” jew ġie mogħti xi “allowance” kompletament ġdida.
Fir-rigward tal-Ministri l-oħra nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi.
JIsta' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li bejn Jannar u Diċembru 2000 il-vjaġġi tat-trakkijiet minn Malta għal Għawdex naqqsu b'8.10%, filwaqt li l-vjaġġi tat-trakkijiet minn Għawdex għal Malta naqqsu b'6.88%. Sar analiżi ta' dan il-fatt? Jekk sar x'kienu l-konkluzjonijiet? Jekk ma sarx se jsir?
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm għalliema fl-Iskola Sir Arturo Mercieca tal-Vajringa, ir-Rabat, Għawdex li f'dawn l-aħħar sena u nofs ħadu aktar minn tliet xhur sick leave? Kemm-il darba ntbagtilhom it-tabib?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li kien hemm għalliema waħda fl-Iskola Sir Arturo Mercieca, ir-Rabat, Għawdex li f’dawn l-aħħar sena u nofs ħadet aktar minn tliet xhur sick leave. Din l-għalliema kienet eżaminata u ċertifikata minn Bord Mediku.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx fi ħdan il-Ministeru tagħha kumitat li jieħu ħsieb il-postijiet storiċi f'Għawdex? Jekk fl-affermattiv, min huma l-membri? Jekk fin-negattiv, meta saret l-aħħar laqgħa tal-kumitat preċedenti u min kien c-Chairman responsabbli li jsejjaħ il-laqgħat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M’hemmx kumitat fil-Ministeru għal Għawdex dwar postijiet storiċi f’Għawdex. Ir-responsabbilta’ tal-postijiet storiċi hija tat-Taqsima tal-Mużewijiet f’Għawdex. L-aħħar laqgħa tal-kumitat imsemmi saret fit-28 ta’ Ġunju 1999 u c-Chairperson kien is-Sur John Cremona.
Billi issa l-Ministru għandu sistema kompjuterizzata kif isiru l-ħlasijiet, tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħlasijiet pendenti fuq proġetti f'Għawdex, wieħed b'wieħed?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lillonor interpellant jekk jogħġobha tippreċiża x'informazzjoni trid.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jingħatawx dawk li huma speċi ta' stikek li permezz tagħhom jista' jiġi ċċekkjat id-demm lil persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-diabete, peress li dawn jiswew madwar Lm10 kull pakkett u mhux kulħadd għandu l-mezzi finanzjarji biżżejjed biex jagħmel din l-ispiża?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jżid l-ammont ta' siringi li jingħataw lil persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-diabete peress li jkollhom jużaw siringa għal kull sitt darbiet li jittaqqbu bl-insulina u dan minħabba li ħafna drabi s-siringa ma tibqax fl-aqwa forma tagħha wara t-tielet jew ir-raba' darba li tintuża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-Policy dwar l-għoti ta' siringi u strips tad-demm lill-persuni li għandhom id-dijabete ġiet stabbilita fuq il-pariri tal-esperti f'dan il-qasam. Din il-policy tista' tiġi riveduta skond kif tinħass il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid għal min kienet miftuħa l-applikazzjoni interna għal ħatra ta' drivers mad-dipartiment tas-saħħa? Jista' jikkonferma jekk din l-applikazzjoni kenitx intiża għal dawk li kienu impressed drivers? Jista' jgħid kemm se jiġu appuntati drivers ġodda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Iċ-ċirkolari MPO Nru. 13/2001 tat-22 ta` Frar 2001 maħruġa mill-Management and Personnel Office, Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet tilqa applikazzjonijiet għall-postijiet ta` Motor Transport Driver (Grupp III) fid-Diviżjoni tas-Saħħa mingħand Uffiċċjali Pubbliċi fis-Servizz fi Grupp li mhux ogħla minn Grupp III. Ninsab infurmat li ma kenitx intiża għal dawk li kienu impressed drivers.
Billi s-sejħa għall-applikazzjonijiet qed tiġi pproċessata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, m'inix f'pożizzjoni li ngħid kemm se jiġu appuntati drivers ġodda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-Innu Malti m'għadux jindaqq fl-iskola primarja tal-Gżira waqt l-assembly? Jekk dan hu minnu, għaliex? Jista' jikkonferma jekk l-Innu Malti hux jindaqq f'kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola Primarja tal-Gżira l-Innu Malti jitkanta flok li jindaqq kuljum. Għandu jitkanta l-Innu Malti skond iċ-ċirkustanzi ta' l-iskola.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-istaff tal-homes ta' l-anzjani humiex intitolati għal pilloli b'xejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-ħaddiema li huma ntitolati għal mediċini b'xejn huma:
- in-nurses kollha
- in-Nursing Aides/Health Assistants/Care Workers u Auxiliaries
li fix-xogħol tagħhom għandhom kuntatt dirett mar-residenti.
Jaf il-Viċi Prim Ministru li l-funtana li suppost qiegħda biex issebbah l-ambjent fl-Imtarfa home ta' l-anzjani ma taħdimx u mimlija ħmieġ? Meta se tissewwa u titnaddaf?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li, peress li l-pompa tal-funtana ma tistax tissewwa, ser tinxtara oħra ġdida.
Tajjeb li tkun taf ukoll li l-funtana m'hiex maħmuġa tant li l-ħaddiema għamlu xi xogħol ta' manutenzjoni fuqha xi ġranet ilu.
Jista' l-Ministru jikkunsidra l-istallar ta' bozza fi Sqaq Nru. 7 fi Triq il-Wied, Ħal Qormi, minħabba n-nuqqas ta' dawl li hemm matul il-lejl u li dan in-nuqqas jippreżenta certa insigurta' għar-residenti ta' l-isqaq?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant għat-twaħħil ta' lampa fil-post indikat, ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 25960 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': jista jgħid b'liema mod id-dipartiment qiegħed jara li tiġi kkontrollata għal livelli aċċettabli l-problema tan-noise pollution partikolarment f'areas residenzjali u li huma semi-industrijali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Preżentament il-kontrol ta` ħsejjes ġenerali f'areas residenzjali u li huma semi-industrijali li jdejqu lin-nies li jkunu joqogħdu f'bini fil-qrib, jaqaw taħt il-kontroll tal-Pulizija (Kodiċi tal-Pulizija, Kap.10 Art.41). Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat għal aktar informazzjoni.
Jista' -Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26052 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u li issa ġiet riferuta lilu u cioe: Jista' jispjega fuq liema studju mexa biex tħallew jitwaħħlu antennae tal-mobile phones fuq bjut ta' djar privati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`ittra ddatata 17 ta` Awissu 2000, id-Dipartiment tas-Saħħa kien informa lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar li "on the basis of the body of scientific knowledge available to date the Expert Committee set up specifically to look into the subject concluded that exposure to the radio frequency fields from mobile phone base stations has no adverse health consequences as long as international health-based guidelines are strictly adhered to".
Fuq bażi ta` din l-ittra, permessi għal mobile phone base stations jinħarġu mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar b`kundizzjoni li għandu jinġabar "clearance" mingħand id-Dipartiment tas-Saħħa qabel ma` l-antennae jibdew jitħaddmu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm żieda fl-overtime matul is-sena 2000 u bejn l-quarter din is-sena u s-sena l-oħra, fl-Imtarfa home ta' l-anzjani? B'kemm żdied? Kemm żdied għan-nurses? X'inhija r-raġuni għaż-żieda fl-overtime meta żdiedu l-care workers?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li bejn is-sena 1999 u s-sena 2000 kien hemm żieda ta' Lm5,663 fl-overtime.
Bejn l-ewwel tlett (3) xhur tas-sena 2000 u l-ewwel tlett (3) xhur ta' din is-sena kien hemm tnaqqis ta' Lm1089.
Fl-istess perjodu ta' dawn it-tlett (3) xhur, l-overtime maħdum min-nurses kien hekk:
Sena 2000 Sena 2001
Lm 932 Lm 794
Dan juri tnaqqis ta' Lm138.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex in-nurses impjegati fl-Imtarfa home ta' l-anzjani ma jeħdux il-break tagħhom fl-istaff room li hemm għalihom apposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li n-nurses jistgħu jagħżlu li jieħdu l-break tagħhom fid-dining room jew fl-istaff room.
Jista' l-Ministru jieħu azzjoni meħtieġa biex fi sqaq nru. 10, Triq il-Wied, Ħal Qormi, issir bozza li ddawwal tajjeb l-isqaq minħabba n-nuqqas ta' dawl li hemm u li dan joffri insigurta' għar-residenti fl-isqaq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat, li kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, minn investigazzjoni li għamlet il-Korporazzjoni Enemalta, jirriżulta li fl-isqaq imsemmi hemm dawl adekwat.