Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Adult Training Centre li se jinbena fil-Cottonera Family Resource Centre fil-Birgu hux maħsub għal Persuni B'Diżabilita'? Jekk le għal min? Meta huwa ppjanat li jibda jopera?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Parti mill-kumpless tal-Community Resource Centre tal-Kottonera ser ikun għall-użu ta' persuni adulti b'diżabilita'. Dan iċ-ċentru mistenni jibda jiffunzjona fil-bidu tas-sena ddieħla.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-barrieri f'Tal Ħandaq, f'Ħal Qormi li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tagħhom permess biex jordmu? X'inhuma r-regolamenti li jirregolaw? X'tip ta' irdim jintuża? Kif isir il-monitoring min-naħa ta' l-Awtorita' biex jiġi assigurat li jsir irdim regolat. ie. dwar materjal li jintefa' bħala rdim?
Response (BORG, TONIO)
L-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma ħarġet l-ebda permess sabiex isir xi rdim ta` barrieri ġewwa l-Ħandaq, Ħal Qormi. Il-proċedura hija, li s-sidien tal-barrieri antiki li jkunu qattgħu l-barriera bil-liċenzja jistgħu japplikaw għand l-Awtorita` permezz ta` applikazzjoni. Din tiġi proċessata normali b`konsultazzjoni mal-EPD (Environment Protection Dept.). Ir-regolamenti għal din l-attivita` huma l-Kodiċi ta` prattika għal xogħol ta` restawrazzjoni tal-barrieri u riċiklaġġ ta` skart inert.
Il-materjal li jintuża huwa terrapien li jiġi mill-Industrija tal-Kostruzzjoni u dan it-tip ta` materjal BISS huwa aċċettabli.
Il-monitoring ta` din l-attivita` hija r-responsabbilita` tal-EPD li flimkien ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u l-Water Services Corporation jaraw li l-kundizzjonijiet tal-permessi jiġu rispettati, l-aktar minħabba l-ilma tal-pjan.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-investigazzjonijiet fuq il-post fuq l-art proposta għall-bini ta' Skola sekondarja tas-subien ġdida f'Ħal Kirkop? Liema hija l-art proposta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-investigazzjonijiet ġeotekniċi fuq l-art proposta għall-bini ta' skola sekondarja ġdida fil-Karwija huma kompluti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma s-servizzi mekkaniċi għas-swali tan-nisa 5 u 6 fir-residenza għall-kura ta' l-anzjani f' San Vinċenz de Paule li ntalbu kwotazzjonijiet mill-Welfare Committee sal-5 ta' Lulju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jirriżultalix li l-Kumitat tal-Welfare talab kwotazzjonijiet għal servizzi għas-swali tan-nisa 5 u 6 fir-Residenza San Vinċenz de Paule, li għalqu fil-5 ta' Lulju 2001.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-prezzijiet ta' l-oġġetti mibjugħa mit-tuck shops ta' l-iskejjel humiex ikkontrollati? Jekk iva, min jagħmel il-monitoring biex jiġi assigurat li l-prezzijiet ikunu kkontrollati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-prezzijiet ta' l-oġġetti mibjugħa mit-tuck shops ta' l-iskejjel huma kkontrollati.
Minn żmien għal żmien, spetturi tat-Taqsima tal-Price Verification Unit tad-Dipartiment tal-Kummerċ jagħmlu spezzjonijiet għall-għarrieda u jassiguraw li l-prezzijiet huma skond kif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid xi kriterji deċiżivi kienu li wasslu biex tintagħżel il-Kumpanija Greenlines għat-tindif tas-Cesspits mill-areas residenzjali li fejn għad m'hemmx drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kumpanija Greenlines intagħżlet flimkien ma' kumpanija oħra biex jitbattlu l-fosos mill-'areas' residenzjali fejn m'hemmx drenaġġ għaliex tagħhom kienu l-irħas offerti u l-kumpaniji magħżula huma attrezzati biżżejjed biex jagħmlu x-xogħol b'mod sodisfaċenti.
Jaf il-Ministru li z-zebra crossing li saret, u li kważi tmiss mar-roundabout li hemm fil-junction ta' Imdina Road, Luqa Road u Manwel Dimech Street f'Ħal Qormi mhijiex f'post adattat minħabba li qiegħda f'kisra u li tippreżenta periklu għal min jużaha? Għaliex din iz-zebra crossing ma saritx aktar 'l isfel u ġiet stallata xi faċilita' bħal pellican lights jew xi faċilita' oħra adattata li tiġbed l-attenzjoni lis-sewwieqa u toffri għalhekk sigurta' lil min jaqsam it-triq? Sadanittant jaf il-Ministru li din l-istess zebra crossing tasal biss sa nofs it-triq u mhux san-naħa l-oħra tat-triq? Jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni perikoluża tiġi rranġata kemm jista' jkun malajr?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pożizzjoni li tpoġġiet fiha ż-zebra crossing hija skond il-prassi stabbilita` mill-att ta` safety peress li l-karozzi li jkunu deħlin ġor-roundabout iridu bilfors inaqqsu l-veloċita u għalhekk ikunu jistgħu jieqfu bil-kumdita`.
Iż-żebgħa ta` l-art kien għadha mhix lesta meta saret il-mistoqsija. Issa din iż-zebra crossing inżebgħet kollha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm assoċjazzjonijiet li l-ETC għamlet ftehim magħhom biex jgħallmu n-nies b'diżabilita' sabiex isibu posthom fid-dinja tax-xogħol? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull ftehim li sar f'dan is-sens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għamlet ftehim ma' ħames assoċjazzjonijiet biex jgħallmu nies b'diżabilita' jew ikkunsidrati bħala żvantaġġjati biex jgħinuhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dawn huma l-Eden Foundation, il-Fondazzjoni Arka, r-Richmond Foundation, Caritas, u l-Istitut Paolo Freire.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull ftehim.
Jaf il-Ministru li dan l-aħħar fil-Health Centre ta' Ħal Qormi, propju fl-ispiżerija bdiet tintuża speċi ta' lqugħ tal-plastic mal-parti tal-counter fejn jiġu servuti n-nies, bil-għan li tkun ta' deterrent kontra dak li impjeġata qalet lin-nies kontra l-mikrobi? Jista' allura bħala deterrent issir xi tip ieħor ta' faċilita' aktar addattata flok plastic peress li għal ċerti klijenti qed tkun ta' problema biex jisimgħu x'ikunu qed jgħidulhom minn wara l-counter?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fl-ispiżerija taċ-Centru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi twaħħlet biċċa plastik mal-parti tal-counter fejn jiġu servuti n-nies, mill-istaff ta' l-ispiżerija, mingħajr il-permess tad-Dipartiment. L-ispiżerija ġiet ordnata tneħħi dan il-plastik immedjatament u hekk sar. L-istaff ġie avżat ukoll illi jittieħdu passi dixxiplinari jekk kemm il-darba huma jagħmlu xi bidliet fl-ispiżerija mingħajr il-permess tad-Dipartiment. L-istaff ġie avżat sabiex jagħmel it-talba tiegħu għall-bidliet li hemm bżonn fil-counter sabiex tiġi solvuta l-problema. Dan sar u t-talba qed tiġi proċessata sabiex isir dak li huwa bżonn mingħajr ma jfixkel il-kommunikazzjoni mal-klijenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu nies fi grades industrijali mal-gvern u f'liema gradi minn Settembru 1998 sal-lum, sena b'sena, fis-servizz pubbliku kif ukoll f'entitajiet oħra bħal korporazzjonijiet u kumpanniji tal-gvern eċċ. entita', entita'?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi minn Settembru 1998 sal-lum, daħlu 574 persuna mas-Servizz Pubbliku fi gradi Industrijali. Il-gradi tagħhom u s-sena meta daħlu huma kif jidhru hawn taħt :-
Sena
Grad
Numru ta’ Impjegati
1998
Xejn
0
(6 ta’ Settembru – 31 ta’ Diċembru)
1999
xejn
0
2000
Butcher
6
Labourer (Ex AWTS)
98
Labourer (Ex Impressed Driver)
466
2001
Butcher
2
(1 ta’ Jannar – 25 ta’ Lulju)
Labourer (Ex Impressed Driver)
2
Total
574
Fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma kien impjegat ħadd f’dawn il-gradi.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi li fl-istess perjodu, jiġifieri bejn 1998 u 2001, 702 impjegat fi grad Industrijali, temmew l-impjieg tagħhom mal-Gvern.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq x’informazzjoni dwar korporazzjonijiet/entitajiet pubbliċi oħra, huwa mitlub jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26419 dwar kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi minn skala 5 il fuq kif wkoll konsulenti mal-Gvern illi mill-ewwel ta' Jannar 2001 ġew mogħtija jew żieda f'xi allowance jew xi allowance ġdid kompletament u x'pozizzjoni qed jokkupaw dawn l-uffiċjali. Jista' jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza għad-dipartimenti w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huma dawn l-uffċijali? Kemm ingħatat żieda jew kemm hija l-allowance l-ġdida għal kull uffiċjal? X'inhija r-raġuni għal din iż-żieda jew allowance li qed tingħata għal kull uffiċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, l-uffiċjali li mill-1 ta' Jannar 2001 ħadu żieda f'xi allowance kienu:
1. Is-Segretarju Permanenti li ħa żieda ta' Lm400 fis-sena fl-expense allowance u l-ammont ġdid ta' l-allowance hu Lm1,200 fis-sena;
2. Id-Diretturi ta' dawn id-Dipartimenti ħadu żieda fl-expense allowance ta' Lm250 fis-sena u l-ammont ġdid ta' l-allowance hu Lm700 fis-sena:
Servizzi Korporattivi
Sigurta' Soċjali
Nisa fis-Soċjeta'
Ħarsien għall-Familja
Akkomodazzjoni Soċjali
Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg
Ħarsien ta' l-Anzjani
Bini u Tiswija tad-Djar
Dawn iż-żiediet ingħataw wara reviżjoni ta' l-expense allownace lill-uffiċjali pubbliċi minn skala tas-salarju numru 4 'l fuq, li qiegħdin fuq Performance Contract.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li skrivana li taħdem fl-Imtarfa Home li qed tieħu t-tarbija ta' ftit ġimgħat tagħha, magħha għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellanti li l-Amministrazzjoni ta' l-Imtarfa Home deherilha li bħal ma sar f'każi oħra għandha tagħti permess temporarju lill-persuna li hija mpjegata każwali fuq xogħol klerikali biex tieħu t-tarbija tagħha magħha x-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa x-xogħol ta' l-aluminium li se jsir fl-Iskejjel ta' Sta. Venera : Skola Primarja A, B u fis-sala tal-kumpless ta' l-iskola ta' Santa Venera hekk inhu stipulat permezz ta' l-offerti maħruġa fil-gazzetta tal-gvern bid-data ta' l-20 ta' April 2001? Meta se jinbeda u jitlesta dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta' l-aluminium li ser isir fl-iskola Primarja 'A', Santa Venera, jikkonsisti fl-għeluq ta' l-arkati li jagħtu fuq il-bitħa, u tibdil tat-twieqi tal-klassijiet li jagħtu fuq il-kurituri.
Ix-xogħol ta' l-aluminium li ser isir fl-iskola Primarja 'B'. Santa Venera, jikkonsisti fit-tibdil tat-twieqi tal-klassijiet li jagħtu fuq il-kurituri.
Ix-xogħol li ser isir fis-sala tal-kumpless ta' Santa Venera jikkonsisti fit-tisħiħ ta' l-art tal-palk, u l-bini ta' control room fuq in-naħa ta' wara tas-sala.
Jekk kollox imur kif ippjanat, jiġifieri ma jkunx hemm intoppi fl-għoti tat-tenders, ix-xogħol għandu jibda matul il-vaganzi, u jitlesta qabel tibda' s-sena skolastika li jmiss.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex iż-żewġ trasferimenti, wieħed minn Malta għal Għawdex u l-ieħor minn Għawdex għal Malta, taż-żewġ supritendenti li isimhom qed jintbagħat under separate cover reġgħu gew irtirati?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` kelli okkażżjoni li ngħid, tibdil fix-xogħol ta` membri fil-Korp isir meta u kif ikun il-bżonn, fl-aħjar interessi ta` l-istess Korp.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk it-tobba gradwati Maltin li jispeċjalizzaw meta jidħlu fis-servizz pubbliku hux se jingħataw iċ-ċans li jaħdmu fl-area ta' l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Iva, sakemm ikun bagħathom id-Dipartiment biex jimtlew il-vakanzi fis-servizz u wara sejħa pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux se jieħu ħsieb biex ikun hemm nursery għat-tfal li l-ġenituri tagħhom jaħdmu fl-isptar il-ġdid f'San Raffaele?