Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qormi — Triq Pawlu Farrugia

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata t-tarmac fi Triq Pawlu, Qormi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed iħejji programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.

Qormi — Triq il-25 ta' Mejju 1743

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata t-tarmac fi Triq il-25 ta' Mejju 1743, Qormi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq il-25 ta' Mejju 1743 għadha kemm ġiet asfaltata bħala parti mill-proġett ta' Mdina road, Qormi, u allura saret mill-Gvern Ċentrali.

Qormi — Triq id-Deheb Fin

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata t-tarmac fi Triq id-Deheb Fin - il-parti ta' isfel minn Triq il-Ħarifa sa Triq ix-Xitwa- Qormi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq id-Deheb Fin , kantuniera ma' Triq ix-Xitwa, għadha qatt ma giet asfaltata peress li naħa minn din il-parti tat-triq għadha mhix żviluppata kollha u n-naħa l-oħra ta' din il-parti tat-triq hija għalqa abbandunata. Peress li n-naħa l-oħra tat-triq hija green area tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jesproprija l-parti ta' l-għalqa abbandunata li trid tittieħed biex tkun tista' tinfetaħ it-triq.

Tribunal Kontra l-Inġustizzji — Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid ir-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jidhru separatament u li rebħet il-każ fit-Tribunal Kontra l-Inġustizzji kontra l-Enemalta fis-17 ta' Mejju 2001, għadha sal-lum ma ħaditx il-kumpens kif stabilit il-qorti? Meta se jsir il-ħlas tal-kumpens?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-każ li qed issir riferenza għalih qiegħed jiġi proċessat u huwa ttamat li jiġi konkluż fi żmien mhux il-bogħod.
Leg 9 PQ #279 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26620 dwar kemm hemm vaganzi ta' kapijiet u assistenti kapijiet fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-gvern f'Għawdex? Liema huma dawn l-iskejjel u x'passi qed jittieħdu biex dawn il-vaganzi jiġu mimlija qabel tibda s-sena skolastika li jmiss?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li vakanzi ta' Kapijiet u Assistenti Kapijiet f'Għawdex hemm f'dawn l-iskejjel: Kapijiet: Agius de Soldanis Girl's J.L. & Sec. School Ninu Cremona Boys' J.L. & Sec. School Sir MA Refalo Centre for Further Studies St Lawrence Primary School Żebbuġ Primary School Sannat Primary/SEN Unit Assistenti Kapijiet: Victoria Primary (wieħed) Għajnsielem Primary (wieħed) Nadur Primary (wieħed) Xagħra Primary (wieħed) Xewkija Primary (wieħed) Informat ukoll li żewġ Assistenti Kapijiet qed imexxu l-iskejjel ta' San Lawrenz u taż-Żebbuġ, għalhekk Għawdex hemm b'kollox 3 Assistenti Kapijiet neqsin. Il-postijiet vakanti ta' Assistenti Kapijiet ser jimtlew mil-lista ta' dawk li ġew irrakomandati biex isiru Assistenti Kapijiet. Din il-lista kienet valida sas-7 ta' Settembru 2001. Sadanittant qegħdin nistennew ir-riżultati ta' l-intervisti li saru ftit ilu biex inkomplu nirrakomandaw il-ħatra ta' Assistenti Kapijiet wara s-7 ta' Settembru 2001 minn fuq il-lista l-ġdida. Bħalissa qegħdin isiru intervisti biex jinħatru l-Kapijiet għall-iskejjel ta' Għawdex kif ukoll dawk ta' Malta.

MIA — Passiġġieri li ħarbu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il passiġġier ħarab mid-departures ta' l-airport ta' Malta bejn l-Lulju u Awissu 2001 u li kellhom jitilqu mat-titjira ta' Damascus fis-Sirja? X'passi ttieħdu? X'irriżulta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn it-tip ta' passiġġieri jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-pulizija u għaldaqstant il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.

Persuni b'diżabilita' — Djar Residenzjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern rigward il-ftuħ ta' djar residenzjali għal persuni b'diżabilita'? Jista' jgħid x'inhija eżattament il-policy tal-gvern fejn għandhom x'jaqsmu dawn id-djar, fis-sens ta' x'se jiġri minn dawn il-persuni wara l-mewt tal-ġenituri tagħhom jew tal-carers tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

MISTOQSIJA PARLAMENTARI NUMRU W281 Ghall-ewwel darba din is-sena, fl-estimi generali tal-2001 taht il-vot tal-Ministeru tal-Politika Socjali, il-Parlament Malti vvota fondi rikorrenti u kapitali biex titfassal politika u strategija sostenibbli ghall-izvilupp ta’ servizzi residenzjali u ta’ ghajxien issapportjat ghall-persuni b’dizabilita’. Bhala l-ewwel mizura l-Ministeru waqqaf taqsima ghall-Ghajxien issapportjat fi hdan il-Fondazzjoni ghas-Servizzi ta’ Harsien Socjali (Foundation for Social Welfare Services, FSWS). Din it-taqsima ser tizviluppa f’agenzija ta’ servizzi bl-ghan ewlieni li tahdem fil-qrib mal-familji ta’ persuni b’dizabilita’ biex il-persuni b’dizabilita’ jkunu jistghu jippartecipaw b’mod shih fil-hajja tal-komunita’ anke meta l-familja ma tkunx tista’ tibqa’ tiehu hsiebhom. Din l-agenzija ser tkun it-tielet agenzija tal-FSWS; it-tnejn l-ohra huma l-Agenzija Appogg u l-Agenzija Sedqa. Din it-taqsima diga’ bdiet tahdem, permezz tal-Manager taghha, biex: a) Titfassal il-politika li rridu nimxu fuqha; b) Titfassal strategija ta’ implementazzjoni ghas-snin li gejjin; c) Jithejjew l-bagit u l-business plans mehtiega ghat-tliet snin li gejjin; d) Titwaqqaf l-istruttura amministrattiva mehtiega biex tibda topera l-agenzija l-gdida; e) Tibda tipprovdi l-ewwel servizzi residenzjali u ta’ sapport fil-komunita’. Din it-taqsima ser izzomm bhala bazi ghal hidma taghha r-rapport “Residential Services for Persons with Disability (1999)” ikkummissjonat mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilita’ fl-1997 u pprezentat lill-Ministeru tieghi fl-1999, u r-rapport “Feasibility Study: Services for Persons with Disability (2000)” ikkummissjonat mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilita’ fl-1999 u pprezentat lill-Ministeru tieghi fl-2000. Dawn ir-rapporti thejjew mill-Management Efficiency Unit u kopji ta’ dawn ir-rapporti tpoggew fuq il-Mejda tal-Kamra fil-15 ta’ Frar 2000 (PQ 3541). Kif jghidu dawn l-istess dokumenti, l-ghan ahhari ghandu jkun li l-persuni b’dizabilita’ jghixu fil-komunita’ preferibilment mal-familji taghhom bis-sapport li ghandhom bzonn, sakemm din tkun l-ghazla tal-persuna b’dizabilita’. Dan il-ghan jista’ jinlahaq b’diversi modi differenti u ghalhekk ma hemmx soluzzjoni wahda li tissodisfa l-bzonnijiet ta’ kull persuna b’dizabilita’ li ghandha bzonn dan is-servizz. Fost modi li qed jigu kunsidrati hemm: a) sapport lill-familiji ta’ persuni b’dizabilita fil-komunita’; b) skemi ta’ assistenza personali; c) djar zghar fil-komunita’. Il-Ministeru hu konxju tal-bzonn kbir li l-genituri jew il-carers tal-persuni b’dizabilita’ li ghandhom bzonn dan is-servizz ikollhom is-serhan il-mohh li jkunu jafu x’ser jigri minn uliedhom b’dizabilita’ meta huma ma jkunux jistghu jibqghu jiehdu hsiebhom. Il-Ministeru hu konxju wkoll li filwaqt li nzommu mal-principju li dawn il-persuni ghandhom dritt li jghixu fil-komunita’ bis-sapport li ghandhom bzonn, hu mportanti wkoll li nsibu modi sostenibbli biex nipprovdulhom is-sapport li verament ghandhom bzonn. Bil-mizuri mhabbra hawn fuq, nistghu nghidu li matul din is-sena l-Ministeru beda t-triq twila biex b’mod sistematiku niffaccjaw din l-isfida kbira li ghandna quddiemna u nibdew inserrhu mohh il-familji tal-persuni b’dizabilita’ li ghandhom bzonn dawn is-servizzi.

Persuni b'diżabilita' — Adult Training Centre

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hemmx ħsieb li ċ-ċentri ta' matul il-jum (adult training centres) għal persuni b'diżabilita' jiġu relieved mill-overcrowding li qegħdin fih bħalissa? Hemm ħsieb li jiftħu ċentri ġodda? Jekk iva, għandu l-gvern nies imħarrġa biżżejjed biex imexxuhom? Jekk iva, x'taħriġ ingħataw? F'dan il-każ x'taħriġ se jingħata lill-persuni b'diżabilita' li se jattendu fihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bl-iskop li jżid il-postijiet fl-Adult Training Centres, fil-futur qarib ser jinfethu ċentri ġodda fl-Imtarfa, f'Penbroke u bħala parti mill-kumpless ġdid tal-Community Resource Centre fil-Kottonera. Qed isir taħriġ regolari ta' l-impjegati biex dawn ikunu jistgħu jmexxu dawn iċ-centri. Dan it-taħriġ jinkludi tagħrif dwar is-servizzi mogħtija, ippjanar aħjar ta' l-attivitajiet lill-klijenti ta' dawn iċ-ċentri, kif ukoll personal u social skills. Dan qed isir biex kull klijent isirlu care plan individwali skond il-ħtiġijiet tiegħu.

Qormi — Triq Manwel Dimech

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mil-ispezzjoni li kellha ssir ta' Triq Manwel Dimech, Qormi, wara l-istruzzjonijiet li tajt kif indikajt permezz ta' mistoqsija parlamentari nru. 27128?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li wara l-ispezzjoni li saret mid-Dipartiment tat-Toroq ġie deċiż li l-bankini preżenti jissewwew sabiex l-ostakoli li hemm jitneħħew.
Leg 9 PQ #284 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Noise Pollution

Question

B'riferenza għal mistoqsijiet parlamentari nri. 25960 u 26351, partikolarment għat-tweġibiet li ġejt mogħtija minn żewġ ministri, jista' l-Ministru jgħid b'liema mod id-dipartiment qiegħed jara li tiġi kkontrollata għal livell aċċettabbli l-problema tan-noise polution, partikolarment f'areas residenzjalii u li huma semi-industrijali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagixxi fuq kull rapport li jista` jkollha dwar ħsejjes li jkunu qed idejqu lin-nies. Barra minn hekk, il-Pulizija wkoll tagħmel konsultazzjoni kemm ma` Dipartimenti Governattivi oħra kif ukoll mal-ġirien, meta tkun qed tipproċessa talbiet għal għoti ta` liċenzja sabiex ikunu eżerċitati xi snajja li jistgħu jdejjqu lill-ġirien.

Persuni b'diżabilita' — Adult Training Centre

Question

Meta ħarġet il-call for applications għal training consultant ma' l-adult training centres għal persuni b'diżabilita'? Kemm applikaw? Min huma dawk li applikaw? X'kriterji riedu jaqdu l-applikanti? Min intgħażel? Xi kwalifiki għandha l-persuna magħżula? X'rinumerazzjoni għandha l-persuna magħżula?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 26546 u 27360 li jien tajt f'Seduti Numru 559 u 580 rispettivament.
Leg 9 PQ #286 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament għandhiex il-permessi meħtieġa għal tibdil li għamlet f'dar antika u fil-ġnien ta' l-istess dar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret ma jirriżultax illi sar xi tibdil strutturali ġewwa d-dar li rreferit għaliha l-Onor. Interpellanti, iżda nstab illi s-sid wettaq xi żvilupp fil-ġnien tan-naħa ta` wara ta` l-istess dar. Dan l-izvilupp jikkonsisti fi tqegħid ta` pjattaforma tal-konkos fuq wiċċ il-ħamrija u ta` pilastri vertikali biex iżommu tinda li pero` sa meta saret l-ispezzjoni kienet għadha ma ssaqfitx. Hemm ukoll bdil fl-użu materjali tal-post minn ġnien għal spazju fejn qed jinżamm metal, partijiet minn makkinarju u inġenji. Għaldaqstant ser jinbdew proċeduri ta` infurzar skond l-Att dwar l-Iżvilupp kontra l-persuna responsabbli (ECF 902/01).

Protector mas-Centre Strip

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari nru. 25110, 25111 u 25120 u partikolarment għat-tweġiba kommuni li tajt għalihom fil-mistoqsijiet parlamentari nru. 25110, jiġifieri li d-Dipartiment tat-Toroq qed ihejji pjan għat-titjib tat-triq li mir-roundabout ta' ħdejn it-tarf tar-runway twassal sa' Ħal Qormi biex it-titjib kollu li hemm bżonn f'din it-triq ikun jista' jsir; jista' jgħid jekk dan il-pjan issa tlestiex peress li għaddew tlett xhur u nofs mill-mistoqsijiet? Jekk dan il-pjan tlesta, meta se jiġi mwettaq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-survey ta` l-area sar u qegħdin jitlestew pjanti biex dan ix-xogħol ikun jista` jsir.
Leg 9 PQ #296 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Sta Venera — Triq Carini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif inhija klassifikata Triq Carini f'Sta Venera, jiġifieri hiex residenzjali jew inkella semi-industrijali?

Response (BORG, TONIO)

Iz-zoning ta` Triq Carini m`huwiex indikat fuq l-Iskema ta` Żvilupp għal Santa Venera, u fil-fatt dan iz-zoning lanqas ma kien indikat fuq l-iskemi preċedenti illi jkopru din il-lokalita`. Madankollu huwa nnotat illi l-karattru predominanti ta` din it-triq huwa wieħed residenzjali u għalhekk kwalunkwe proposta ta` żvilupp f`din it-triq trid tkun kompatibbli ma` dan il-karattru.
Leg 9 PQ #298 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Ward Clerks

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Ward Clerks għandhom paga anqas minn dawk ta' ċerti industrial grades?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #299 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Tindifa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir tindifa ġenerali liz-zona industrijali Tal-Ħandaq f'Ħal Qormi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet innotata u x-xogħol għandu jinbeda hekk kif jitlestew xogħlijiet aktar urġenti.

Ħal Qormi — Tal-Ħandaq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol tal-bini u tal-kisi tad-diversi toroq fiż-Żona Industrijali, Tal-Ħandaq, Ħal Qormi? Liema huma t-toroq li se jinbnew u liema huwa t-t-orq li se jinksew? Meta huwa ppjanat li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-tender biex isir ix-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ġiet aġġudikata u qegħdin isiru preparamenti biex ix-xogħol ikun jista` jinbeda. Peress li t-toroq fil-lokalita` m`għandhomx isem qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi t-toroq li fihom ser isir ix-xogħol.