Tista' il-Ministru tagħti klassifika ta' dawk kollha li jieħdu xi forma ta' pensjoni, skond it-tip ta' pensjoni u kklassifikati skond id-dħul u skond in-numru ta' dawn il-pensjonanti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar il-klassifikazzjoni ta’ pensjonanti skond id-dħul, irrid ngħid li l-ħlas tal-pensjonijiet kontributorji taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali ma jiddependix mid-dħul tal-pensjonant, filwaqt li fil-każ ta’ pensjonijiet mhux kontributorji, ir-rata tvarja skond id-dħul tal-benefiċjarju ndividwali. Ninsab infurmata li, għal dawn ir-raġunijiet, ma tinżammx statistika dwar il-klassifikazzjoni ta’ pensjonanti skond id-dħul tagħhom.
Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u job description tal-ħaddiema li huma mpjegati fis-servizz pubbliku bħala general hand?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-job description, bil-kundizzjonijiet tax-xogħol, għall-grad ta’ General Hand fis-Servizz Pubbliku.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Ġnien li ħareġ għall-offerti
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ġnien li ħareġ għall-offerti permezz ta' Avviż nru. 170 fuq paġna 8747 tal-Gazzetta tal-Gvern bid-data tat-30 ta' Awissu 2005 f'ħarġa nru. 17811 hux maħsub għal użu pubbliku jew privat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sit ta' ċirka 10 metri kwadri li ħareġ għall-offerti permezz ta' Avviż Nru. 170 fil-Gazzetta tal-Gvern tat-30 ta' Awissu 2005 biex jintuża bħala ġnien huwa għal użu privat. Kien hemm offerta waħda, u l-ftehim tal-kirja ġie iffirmat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13927 li għamilt lill-Ministru tas-Saħħa, jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li qed issir inkjesta dwar ir-riżultat tal-practical exam (OCSI) fil-kors tad-diploma nursing ta' l-2003?
Jista' jgħid jekk hux veru li minn 104 studenti m'għaddewx minn dan l-eżami 73 u għaddew biss 31 student? X'inhi r-raġuni għal dan? Jekk qed issir inkjesta, tlesta r-rapport tal-findings? Jekk tlesta, jista' il-Ministru jissottomettih fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-riżultat tal-OSCI u r-rapport imħejji mill-Bord tal-eżaminaturi għall-eżami msemmi ġew diskussi fit-tul mill-Bord ta' l-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa ta' l-Universita' ta' Malta.
Informat li mir-rapport li ġie sottomess jirriżulta li l-proċeduri kollha li ġew segwiti waqt l-eżami ta' l-OSCI kienu korretti u li l-istudenti li ma kienux temmew dan is-suġġett b'suċċess (69 minn 102) weħlu minħabba 'unsafe practice'. Għaldaqstant il-Bord ħass li ma kellha ssir l-ebda nkjesta u r-riżultat ġie kkonfermat.
Informat ukoll li mill-58 student li kienu eliġibli biex joqgħodu għar-'resit' f'dan is-suġġett, 52 student għaddew u sitta weħlu.
Jista' il-Ministru jinnota li qed jiġi mpurtat filugranu li mhux maħdum bl-idejn u li qed jikkompeti ma' dak maħdum bl-idejn f'Malta? X'qed jagħmel il-Malta Crafts Council dwar dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Kunsill Malti għall-Artiġjanat joħroġ tags li jitwaħħlu fuq prodotti artiġjanali Maltin u li jiċċertifikaw l-ġenwinita ta' prodotti magħmulin bl-idejn. Il-Kunsill Malti għall-artiġjanat jara wkoll li ma jsirux abbużi f'dan il-qasam u flimkien mad-Dipartiment tal-Konsumatur sejjer fix-xhur li ġejjin iżid s-sorveljanza tiegħu fuq kull prodott bit-tikketta sabiex jiċċertifika l-awtentiċita tal-prodotti. Għalhekk abbużi li jista jkun hemm jiġu ndirazzati permezz ta' din il-kampanja ta' sorveljanza u moniteraġġ.
Ex ħaddiema tal-BOV — Arranġamenti speċifiċi dwar il-ħaddiema
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamnetari 3764 tad-19 ta' Jannar, 2004 dwar ex ħaddiema tal-Bank of Valletta, jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-arranġamenti speċifiċi maqbula mal-unions dwar dawn il-ħaddiema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14485 tat-12 ta’ Ottubru 2005.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx sistema stabbilita jew regolamenti magħrufa mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni dwar fund raising activities li jsiru fl-iskejjel ta' l-istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel ta' l-Istat, bħal l-iskejjel tal-Knisja u Privati, jistgħu jorganizzaw attivitajiet ta' fund raising flimkien mal-Kunsilli Skolastiċi rispettivi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3764 tad-19 ta' Jannar 2004 dwar ex-ħaddiema tal-Bank of Valletta, jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-"arranġamenti speċifiċi maqbula ma' l-unions dwar dawn il-ħaddiema skond ma ġie kkwotat fil-mistoqsija hawn fuq imsemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-ftehim milħuq mal-Union konċernata kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari W134 u W136 dwar in-national employment authority, jista' il-Ministru jgħid fil-konkret x'se jsir mill-NEA li għadha kif ġiet maħtura biex jiġi assigurat li l-582 każ pendenti li għandha quddiemha u li jmorru lura sa minn Jannar 2005 jiġu ttrattati fl-iqsar żmien possibbli?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Awtorita' qed tiltaqa' b'regolarita' biex tittratta l-każijiet kollha li hemm quddiemha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3764 tad-19 ta' Jannar 2004 dwar ex-ħaddiema tal-Bank of Valletta, jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-"arranġamenti speċifiċi maqbula ma' l-unions dwar dawn il-ħaddiema skond ma ġie kkwotat fil-mistoqsija hawn fuq imsemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux ser jimpjega ħaddiema biex jagħmlu xogħol domestiku fir-residenza ta' l-anzjani San Vincenz de Paule? Jekk iva, meta? Jekk le, hemm ippjanat li jsir dan fil-futur? X'jistgħu jkunu r-requirements għal dawk interessati f'dan it-tip ta' impjieg?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux il-ħsieb tad-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita' li jimpjega ħaddiema biex jagħmlu xogħol domestiku fir-Residenza ta' San Vinċenz.
Stabilimenti tal-catering — Strutturi ta' l-aluminium
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-gvern fir-rigward ta' strutturi ta' l -aluminium fuq barra ta' stabilimenti tal-catering eċċ., u dan biex tiġi estiża l-kapaċita' tal-post?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-estensjonijiet ta' stabbilimenti tal-catering permezz ta' struttura ta' l-aluminium jeħtieġu qabel kollox, il permess tal-MEPA u, jekk fuq art pubblika, il-permess ukoll tad-Dipartiment ta' l-Artijiet. Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onor interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministri konċernati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati lecturers fil-livell post sekondarju u livell terzjarju mill-1987 'il hawn fuq bażi full-time u fuq bażi part-time? Min huma? Xi kwalifiki għandhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li regolarment l-Universita' tippubblika d-direttorju bl-ismijiet, il-kwalifiki u l-pożizzjoni li jokkupaw dawk li jgħallmu fl-Universita'.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux vera li qed issir inkjesta dwar ir-riżultat tal-practical exam (OCSI) fil-kors tad-Diploma Nursing ta' l-2003?
Jista' jgħid jekk hux veru li minn 104 studenti m'għaddewx minn dan l-eżami 73 u għaddew biss 31 studenti?
X'inhi r-raġuni għal dan?
Jekk qed issir inkjesta, tlesta r-rapport tal-findings? Jekk tlesta, jista' jissottomettih fuq il-mejda tal-Kamra?
Jista' il-Ministru jgħid x'għarfien għandha n-National Diploma in Early Years (BTEC)?
Għandha għarfien mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni f'Malta? Liema istituzzjonijiet barranin jagħtuha għarfien?
Jistgħu l-istudenti li spiċċaw b'suċċess dan il-kors fl-MCAST japplikaw għal Kindergarten Assistants fl-iskejjel ta' l-istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-materja mqanqla għada qed tiġi konsidrata mill-awtoritajiet edukattivi.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex dan l-aħħar fi Triq il-Ħarifa, f'Ħal Qormi kien qiegħed jinqata' is-servizz ta' l-ilma? X'qed isir biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-perjodu li saret il-mistoqsija parlamentari, l-estate Ta' Farzina kellu provista ta' ilma stabbli ħafna, inkluż Triq il-Ħarifa.
Jien infurmat ukoll illi fix-xhur preċedenti, minħabba xogħol ta' toroq fi Triq l-Mdina Ħal-Qormi u anke f'Ħaż-Żebbuġ, ġieli kellha tiġi sospiża il-provista tal-ilma fl-Estate kollu Ta' Farzina u inħawi oħra madwar Triq l-Imdina u anke l-Ħandaq.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-inkjesta dwar il-problema li kienet tinvolvi lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li qiegħed miżmum fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin hijiex lesta? Jekk iva, jista' iqiegħed ir-rapport ta' din l-inkjesta fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mid-dettalji mogħtija mill-Onor. Interpellanti, anki dawk mogħtija separatament, ma kienx possibli li tiġi identifikata l-inkjesta. Nitlob lill-Onor. Interpellanti biex tagħtini aktar dettalji.
Tista' il-Ministru tgħid jekk l-aġenzija Appoġġ titħallasx mingħand klijenti, eċċ. għal servizzi li tagħti? Liema servizzi jintalab ħlas għalihom? Xi kriterji jintużaw biex l-aġenzija tistabilixxi liema servizzi jimmeritaw ħlas mill-klijenti, eċċ u xi kriterji jintużaw dwar min mill-klijenti għandhom iħallsu għal dawn is-servizzi? Kemm daħlet fondi l-aġenzija Appoġġ minn dan it-tip ta' ħlas minn kemm ilha mwaqqfa l-aġenzija, sena b'sena? Għal xiex ġew użati l-fondi miġbura?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Aġenzija APPOĠĠ toffri 28 servizz differenti u kollha jiġu pprovduti bla ħlas. L-Aġenzija tiġi wkoll mitluba biex tassisti fl-għoti ta’ servizzi li l-Aġenzija ma’ tipprovdix hi direttament, bħal per eżempju, rapporti ta’ esperti lill-Qorti jew interventi li jintalbu mill-Qorti. F’dawn il-każijiet, l-Aġenzija tfittex freelancers biex jagħmlu dan ix-xogħol li għalih iħallas il-klijent. Id-digriti tal-Qorti fejn jintalab dan is-servizz jiġu riferuti lill-APPOĠĠ biex jinstabu dawk l-esperti li jkunu lesti li jagħmlu dan ix-xogħol. Għal konvenjenza tal-klijent, il-ħlas isir fl-uffiċini ta’ l-Aġenzija APPOĠĠ.
Ninsab infurmata li s-servizzi bi ħlas huma dawn:
Aċċess b’Superviżjoni – jitħallas depositu ta’ Lm 10 li jiġu rifużi lura kemm il-darba l-klijenti jonoraw il-laqgħat kollha li jkollhom ma’ uliedhom. Ħlasijiet għall superviżjoni jsiru biss f’ każijiet eċċessjonali u meta tkun il-Qorti li tordna l-ħlas.
Terapija Psikoloġika, jew Terapija għall-Familja ordnata mill-Qorti, f’liema każijiet il-klijenti jkunu jafu li ser jitqabdu professjonisti biex jagħmlu dan ix-xogħol fil-ħin tagħhom u jitħallsu mill-istess klijenti.
Psikoloġija tat-tfal ordnata mill-Qorti – f’każ fejn il-genituri jagħżlu li ma jistennewx biex jinqdew mis-servizz mogħti bla ħlas mill-Aġenzija, dawn jistghu jagħżlu li jitqabbad professjonist biex jagħmel dan ix-xoghol fil-ħin tiegħu u jitħallas mill-genituri.
Moniteraġġ ta’ sitwazzjonijiet ordnati mill-Qorti meta dan is-servizz jinghata minn freelance social workers fil-ħin tagħhom li jitħallsu għal dan ix-xogħol mill-klijent.
Ninsab infurmata li l-fondi li tħallsu mill-klijenti lill-Aġenzija matul dawn l-aħħar tlett snin, liema flus tħallsu lill-professjonisti mqabbda biex jagħmlu x-xogħol imsemmi qabel, kien kif ġej:
Sena
Total
Lm
2003
850
2004
2,200
2005
2,536
Ninsab infurmata wkoll li fil-każ ta’ l-iSmartKids Child Care Service, imexxi mill-APPOĠĠ jista’ jintalab ħlas nominali skond il-mezzi tal-familja.
Jaf il-Ministru li qed jiġi mpurtat filigranu li mhux maħdum bl-idejn u li qed jikkompeti ma' dak maħdum bl-idejn f'Malta? X'qed jagħmel il-Malta Crafts Council dwar dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tieghu lill-Ministru koncernat.