Jista' l-Ministru jara għaliex Triq Dun Ġorġ Fenech f' Ħal Qormi saret miżbla u min hu responsabbli mill-art li qed tintuża għal dan bil-għan li jgħalaqha ħalli ma tkunx aktar ta' tentazzjoni għal min qiegħed jħammeġ u jikkawża diżastru sħiħ f' din l-area?
Jista' l-Ministru jara wkoll li l-iskart goff li hemm jitneħħa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jinvestiga dan il-każ, biex imbagħad tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li tiġi nstallata l-faċilita' ta' telephone box f' De La Cruz Avenue - Qormi, minħabba l-għadd ta' nies li jiffrekwentaw l-area kemm minħabba l-area rikreatttiva li hemm fl-akwata, kif wkoll minħabba s-suq kbir li jintrama kull nhar ta' Sibt?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Maltacom li min naħa tagħha ser tiddiskutiha mal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x' konsiderazzjoni qiegħed jingħata l-każ ta' housing soċjali tal-familja li d-dettalji tagħha qed jidhru b' mod kunfidenzjali u separatament, u li qed jgħixu f' kamra waħda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat flimkien ma oħrajn simili li għandu pendenti quddiemu d-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'jiġri mill-perpetrators ta' każijiet regolari ta' bullying fl-iskejjel? Jingħataw għajnuna? X'tip? Jiġu mifruda mill-kumplament tal-klassi jew studenti oħra li ħafna drabi jkunu l-vittma, fis-sens, dawn jintbagħtu f'xi post għal ta' l-apposta fejn ikunu jistgħu jidħlu f'xi programm li permess tiegħu jkunu jistgħu jegħelbu l-problemi tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-politika Nazzjonali dwar l-ibbuljar ġiet ippublikata f'Novembru 1999 u taħseb fi strutturi fuq livell ta' skola u livell ċentrali biex jintervjenu f'każijiet ta' ibbuljar. Din il-politika teżiġi mill-iskejjel li każijiet ta' ibbuljar jiġu ttrattati fl-iskola nnifisha u bil-mezzi ta' l-iskola sakemm dan hu possibli, anke f'dawk li jkunu nvoluti f'azzjonijiet ta' ibbuljar b'mod regolari. Ir-riċerka turi li l-aktar mezzi effettivi biex tiġġieled l-ibbuljar u li jħallu effetti fit-tul huma dawk li jittrattaw il-każ fil-kuntest tiegħu, jiġifieri fl-iskola fejn ikun qed iseħħ l-att innifsu. F'każijiet gravi il-buli jista' jiġi mifrud minn sħabu jew sħabha għal xi żmien predeterminat u mhux twil. F'dawn il-każijiet tiġi offruta għajnuna tat-tip psikoloġiku jew bħala terapija tal-familja jew forom oħrajn li għandna għad-dispożizzjoni. L-effettivita` ta' din l-għajnuna tiddependi naturalment minn kemm il-buli lest jikkopera u jħalli l-għajnuna tagħmel l-effett tagħha.
Jista' l-Onor. Viċi Prim Ministru jwieġeb b' referenza għal PQ 27774, għad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar l-entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-impjegati fis-servizz pubbliku nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru għall-Mistoqsija Numru 27774 f'Seduta Numru 594.
Jista' l-Ministru jgħid b' riferenza għall-PQ nru W258 dwar Triq G. Muscat Azzopardi Qormi, jekk id-Dipartiment tat-Toroq għamilx l-ispezzjoni fit-triq imsemmija u x' konklużjonijiet hemm?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment spezzjona t-triq msemmija mill-onor. Interpellant u jirriżulta illi żewġ terzi min din it-triq huma diġa asfaltati. It-terz li baqa` għadu mhux asfaltat u x-xogħol f`din il-parti tat-triq ikun jista` jsir meta d-Dipartiment tat-Toroq ilesti l-programm għal asfaltar ta` toroq li qed iħejji u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid b'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 26071 kemm fadal persuni li huma fuq in-9th scheme li kienet ħarġet fl-1988, jiġifieri dawk li huma meqjusa bħala s-second tenants ta' plots mogħtija mill-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għas-sidien ta' plots li kellhom l-għażla jirrivertu għall-kondizzjonijiet tad-Disa' Ħarġa u li l-Awtorita' tad-Djar għad ma akkwistatx l-art u minħabba f'hekk il-kuntratt ta' enfitewsi ma jistax isir, dawn jammontaw għal 105.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 26077, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-riżultati ta' l-investigazzjoni li għamlu l-ispetturi tad-dipartiment għal Ħarsien ta' l-Ambjent dwar l-emissions li qed jaffettwaw l-arja fil-madwar ta' Alexandra Square - Ħal Qormi b'detriment għal saħħet ir-residenti? X'passi ttieħdu? Jaf l-Ministru li s-sitwazzjoni għadha l-istess?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li saru diversi spezzjonijiet minn spetturi tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent fiz-zona ta' Alexandra Square f'Ħal Qormi, kif ukoll kien hemm konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi.
Irriżulta li fil-viċinanzi ta' din il-pjazza hemm forn li għal xi żmien kellu problema fiċ-ċumnija. Din kienet qed tkun kaġun ta' emissjonijiet eċċessivi u kien hemm ilmenti mir-residenti ta' l-inħawi.
Din il-problema issa kienet riżolta u ma jirriżultax li għad hemm emissions eċċessivi fl-inħawi.
Il-każ se jkompli jkun segwit.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' liema DVD's huma llegali? Jekk hux dawk magħrufa bħala region 1 jew region 2 eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond l-artikolu 289B tal-Kodiċi Kriminali, ikun qed jikkommetti reat kull min, għal qligħ, jew bi skop ta` kummerċ, jistampa, jimmanifattura, jidduplika jew mod ieħor jirriproduċi jew jikkopja, jew ibiegħ, iqassam, jew mod ieħor joffri għall-bejgħ jew biex jitqassam xi artikolu jew xi ħaġa oħra bi ksur tal-jeddijiet li joħorġu mid-drittijiet ta` l-awtur li jkollha persuna oħra u protetti bil-liġi ta` Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pensjoni tad-diżabilita' tiġiex effetwata jekk persuna b'diżabilita' tiret aktar minn erbat elef lira?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li r-rata tal-pensjoni mhux kontributorja ta' diżabilita' ma tiġix ikkalkulata fuq il-kapital iżda fuq id-dħul ta' dak li jkun. Ir-rata ta' din il-pensjoni ma tonqosx jekk id-dħul globali fil-ġimgħa, inkluż il-pensjoni, ma jeċċedix il-paga minima nazzjonali.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 26060, jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir biex jiġi kkontrollat il-parking ta' vetturi kbar fl-areas semi-industrijali biex ma jkunux ta' periklu għar-residenti fit-toroq ta' dawn l-areas?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-liġi ma tippermettix il-parkeġġ ta' vetturi kummerċjali fl-ebda triq ħlief f'dawk il-postijiet fejn il-parkeġġ għal dan it-tip ta' vetturi huwa awtoriżżat.
Għaldaqstant parkeġġ f'postijiet mhux awtoriżżat għandu jiġi rrapportat lill-Pulizija biex jittieħdu l-passi meħtieġa.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari jgħid x'inhuma t-terms of reference tas-senior care workers għal adult training centres li sarulhom l-interviews f'Settembru 2000? X'kienu r-requirements, kwalifiki u esperjenza li ġew mitluba? Min huma l-applikanti kollha li applikaw? Min huma dawk li għaddew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-deskrizzjoni tax-xogħol tas-Senior Care Workers fl-Adult Training Centres, kopja tas-sejħa għall-applikazzjonijiet għal dawn il-karigi li ġġib id-data tas-17 ta' Novembru 2000, lista ta' l-applikanti u r-riżultat finali.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru 298 (27/08/01) dwar il-pagi tal-Ward Clerks. Jista' l-Ministru jindika min huwa responsabbli li għalih qed jirreferi fit-tweġiba peress li dawn il-ħaddiema jaħdmu fl-Isptarijiet li nifhem li jaqgħu taħt ir-responsabilita' ta' l-Ministru tas-Saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-paga tal-Ward Clerks ġiet iffissata f'Agreement bejn l-MPO, fl-uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Unions. Għalhekk inħoss li din il-mistoqsija għandha tintbagħat lill-uffiċċju tal-Prim Ministru.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27774 jista' l-Ministru jwieġeb għad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li mill-1 ta' Settembru 1998 sa llum daħlu 240 persuna mas-Servizz Pubbliku fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Il-gradi tagħhom u s-sena meta daħlu huma kif jidher hawn taħt:
Sena Grad Numru ta' Impjegati
1998 Xejn
1999 Xejn
2000 Labourer 1
Labourer (ex AWTS) 4
Labourer (ex Impressed) 3
2001 Labourer (ex Impressed) 232
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27774, jista' l-Ministru jwieġeb għad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija dwar in-numru ta` impjegati Industrijali fis-Servizz Pubbliku nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27774.
Ninsab infurmat illi minn Settembru 1998 sal-lum, daħlu 18-il impjegat bħala Labourers (ex Impressed Drivers) ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.