Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Anzjani u Servizzi Komunitarji hux bi ħsiebu jiftaħ aktar ċentri żgħar fil-komunita' biex inaqqas min-numru kbir ta' klijenti li hemm bħalissa, b'mod speċjali fl-Imtarfa, f'Marsascala u fi Fleur-de-Lys?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li sabiex jitnaqqsu n-numru kbir ta' klijenti li jattendu f'ċerti Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita', d-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' qiegħed f'diskussjonijiet ma' l-Awtorita' tad-Djar sabiex jikri postijiet oħra fil-komunita' biex jikkonvertihom bħala Ċentri żgħar (Resource Centres) għall-persuni b'diżabilita'. Tajjeb li wieħed isemmi li din is-sena sejrin jinfetħu żewġ Ċentri ġodda f'Pembroke u fil-Kottonera.
B'riferenza għar-risposta għal-mistoqsija parlamentari nru. 7282 bid-data ta' l-24 ta' Mejju 1999, jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema professjonali li jinkludu nurses, fizjoterapisti, occupied therapists u social workers ġew impjegati biex jaħdmu fiċ-Ċentru tal-Persuni b'Diżabilita?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li fiċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita' hemm dawn il-ħaddiema professjonali: żewġ nurses u Training Consultant. Bla dubju ta' xejn hemm bżonn li jiġu mpjegati aktar ħaddiema professjonali li għandhom jinkludu Fiżjoterapisti u Occupational Therapists. Fil-futur qarib sejra toħroġ sejħa għall-Applikazzjoni biex jiġu impjegati Professional Support Workers biex jaħdmu f'dan il-qasam tad-diżabilita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk din is-sena ċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita humiex sejrin jaċċettaw lill-istudenti li ser jispiċċaw mill-Iskejjel Speċjali? Jekk iva, qiegħed isir il-proċess ta' tranzizzjoni ta' dawn l-istudenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li bħal ma sar is-sena l-oħra, iċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita' diġa' qegħdin jippreparaw biex ikunu f'qagħda li jieħdu studenti mill-iskejjel speċjali. Saru diversi kuntatti neċessarji mat-Transition Officer tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u ġew identifikati dawk l-istudenti li jistgħu jibbenefikaw minn din it-tranżizzjoni. Id-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' ukoll qed jieħu ħsieb li jiftaħ Ċentri żgħar ġodda fil-komunita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibli li din is-sena ċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita jingħataw aktar fondi peress li l-Gvern, fil-budget tiegħu, naqqas in-nefqa fuqhom b'aktar minn Lm 21,000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-Ċentru tal-Persuni b'Diżabilita', s-servizzi jingħataw bl-aktar mod effettiv u effiċjenti rrispettivament mill-fondi li hemm għad-dispożizzjoni tagħhom.
Barra minn hekk, tajjeb li wieħed jgħid li ċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita' jifformaw parti mid-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' li l-vot ta' din is-sena 2002 żdied b'Lm783,000 fuq is-sena 2001.
B'riferenza għall-mistoqsija u għat-tweġiba nru. 24905 dwar l-installazzjoni ta' traffic lights fi Triq Ħal Qormi, fl-area ta' Ħal Farruġ, Ħal Luqa, jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tat-toroq lestiex is-survey, lestiex il-pjanti neċessarji għall-approvazzjoni tat-Traffic Control Board u jekk it-Traffic Control Board approvax dawn il-pjani, kif ġie indikat mill-istess Ministru fit-tweġiba tiegħu bid-data ta' l-4 ta' April 2001?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-survey tlesta' u x-xogħol biex isiru d-disinni neċessarji qiegħed għaddej.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq is-Serer f'Ħal Qormi li illum hija żviluppata kollha u hija kollha okkupata minn residenti? Jaf minn liema tbatija qed jgħaddu minna dawn iċ-ċittadini li ilhom is-snin li ħallsu dak li hu dovut minnhom lid-Dipartiment tat-Toroq biex issir it-triq, kemm fix-xitwa kif wkoll fis-sajf? Jidhirlu li hu ġust li dak li hu dovut lil dawn iċ-ċittadini bid-dritt, l-awtoritajiet konċernati qed jinjoraw it-twettiq ta' dan id-dritt? X'azzjoni konkreta se ttieħed u meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. W256.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm purtirnara fil-Junior Lyceum ta' l-Imrieħel? Kemm suppost ikun il-compliment u jekk dan allura hux milħuq? Jaf li t-toilets f'din l-iskola qed jkunu maħmuġin u li hemm ħsarat fil-flushings li issa ilhom ċertu żmien għad-detriment ta' l-istess indafa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Complement ta' l-istaff fil-Junior Lyceum "Santa Theresa" fl-Imrieħel hu ta' 5 full-time cleaners u 5 part-time cleaners.
Hemm nuqqas ta' 1 full-time u 1 part-time.
Informat ukoll li x-xogħlijiet imsemmija fuq il-flushings tat-toilets ta' din l-iskola qed jiġu rranġati.
Jista' l-Ministru jgħid x'sistema għandu d-dipartiment tat-toroq fejn jidħlu toroq ġodda li ma jkunux għadhom żvilupati kollha iżda li l-parti l-kbira mit-triq tkun okkupata minn residenti li jkunu ħallsu sehemhom għall-ispejjeż biex issir it-triq, biex dawn ma jbatux il-konsegwenzi ta' triq li lanqas pedament ma tkun għada ingħatat? Ma jidhirlux li mhux ġust għal dawn it-tip ta' residenti li jkunu marru joqgħodu f'darhom u ħallsu dak kollu dovut minnhom w imbagħad iridu joqogħdu jistennew sakemm tiġi żviluppata t-triq kollha li tista' tieħu ħafna snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat tat-Toroq ikun kostantament f'kuntatti mal-Kunsilli Lokali kollha biex ikun jista' jiġi stabbilit ix-xogħol li hemm bżonn isir fuq toroq ġodda fil-pajjiż kollu.
Ta' min iżda jsemmi li hu veru li biex it-toroq jiġu asfaltati mid-Direttorat tat-Toroq irid ikun hemm biżżejjed żvilupp fihom. Skond il-kodiċi tal-pulizija li jirregola dawn l-affarijiet, is-sidien tad-djar li jkunu mibnija fuq dawn it-toroq huma responsabbli li jżommu t-toroq fi stat tajjeb ta' manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex parti min Triq Guże Muscat Azzopardi li tmiss ma' Triq Bellic f'Ħal Qormi, għadha ma saritx meta r-residenti f'din il-parti tat-triq bħal residenti oħra ħallsu l-ispejjeż mitluba minnhom mid-Dipartiment biex issir it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 28715
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm professjonisti full time u part time li qegħdin jaħdmu fl-Iskejjel Speċjali? Kemm intefqu flus is-sena l-oħra għat-taħriġ ta' l-impjegati ta' dawn l-iskejjel? Kemm huwa n-numru ta' studenti f'dawn l-iskejjel u kemm huwa l-istaff-ration f'dawn l-Iskejjel Speċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm b'kollox 38 għalliem professjonali li qegħdin jaħdmu full time fl-Iskejjel Speċjali. Ma hemm ebda għalliem part-time. Is-sena l-oħra intefqu Lm5,000 għat-taħriġ ta' l-impjegati ta' dawn l-iskejjel. Bħal issa hemm 235 studenti li qed jattendu f'dawn l-iskejjel. It-teacher-pupil ratio ivarja bejn 1:7 u 1:10.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 24897 dwar il-pjan għall-proġett ta' embellishment għall-area ta' Ħal Farruġ, jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed kopja ta' dan il-pjan fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati? Jista' jgħid f'hiex wasal dan il-pjan? Meta għandu jibda jitwettaq mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar tal-Ministeru għall-Politika Soċjali flimkien mal-Kunsill Lokali? Meta huwa maħsub li jitlesta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30804 f'Seduta Numru 677.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li x-xogħol maħsub jitlesta sal-bidu ta' l-2004.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 24897 dwar il-bini tat-toroq biswit il-blokki ta' l-appartamenti 'l ġodda jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvatx il-pjan tal-proġett ta' embellishment li kellu jsir mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar tal-Ministeru għall-Politika Soċjali flimkien mal-Kunsill Lokali, kif indikat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari msemmija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-permessi għall-embellishment ħarġu, biss għal dettalji dwarhom nitlob l-Onor. Interpellanta tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija u għat-tweġiba parlamentari nru. 24900, dwar il-bini ma' blokk G f'Ħal Farruġ li kien ippjanat li jsiru ħwienet imma għadhom magħluqin u li hemm boundary wall ta' dan il-bini li jiġi mal-livell tat-twieqi ta' appartamenti b'riskju ta' siġurta għal familji residenti, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien ir-riżultat ta' l-investigazzjoni li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar wettaq? Jista' jqiegħed kopja tar-rapport li sar fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30805 f'Seduta Numru 677.
B'riferenza għal mistoqsija u tweġiba parlamentari nru. 24901, dwar il-propjeta tal-Gvern f'Ħal Farruġ li hija magħluqa u li tista' sservi bħala ħwienet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorita tad-Djar ħarġetx l-offerti għall-bejgħ ta' din il-propjeta li kellha sservi għal faċilitajiet ta' ħwienet kif ġie indikat fit-tweġiba għal mistoqsija msemmija hawn fuq fit-3 ta' April 2001? Jekk iva, meta se jingħataw , jekk sa' llum għadhom ma ingħatawx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30803 f'Seduta Numru 677.
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ħarġet l-offerti għall-bejgħ għall-ħwienet numru 2 u 4 f'Ħal-Farruġ u dawn l-offerti ser jagħlqu fil-15 ta' Frar 2002.
B'riferenza għall-mistoqsija u għat-tweġiba parlamentari nru. 24902, dwar kemm hija regolari l-ħidma tal-mobile squad tal-pulizija fl-area ta' Ħal Farruġ, Ħal Luqa, jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena li għaddiet il-Pulizija żidietx il-ħidma tagħha permezz tal-mobile squad jew mezzi oħra f'din l-area bil-għan li jiġi assigurat aktar sigurta' f'din il-kommunita?
B'riferenza għall-mistoqsija u għat-tweġiba parlamentari nru. 24903 dwar il-problema tal-ġrieden fl-area ta' Ħal Farruġ f'Ħal Luqa, jista' l-Ministru jgħid b'liema mod ġiet segwita regolarment matul is-sena li għaddiet mis-sezzjoni tal-pest control tad-Dipartiment tas-Saħħa, il-problema tal-ġrieden li hemm f'din l-area u kif indika l-istess Ministru fit-tweġiba tiegħu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Tweġiba għal domanda simili (Mistoqsija Parlamentari Nru. 30800) diġa' ngħatat fil-15 ta' Jannar 2002 f'Seduta Nru 676.
F'Jannar ta' din is-sena saru żewġ trattamenti oħra mis-Sezzjoni tar-Rodent Control tat-Taqsima Saħħa Pubblika fl-inħawi indikati mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ngħatawx safety shoes l-impjegati tar-Road Section tal-Public Works li jinsabu stazzjonati l-Bombi, l-Furjana?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ħaddiema li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellanta jaħdmu fid-Diviżjoni tax-xogħlijiet tal-Ministeru ta' l-Ambjent, u għalhekk hi mitluba tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Konvenzjoni għall-Eliminazzjoni ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) li Malta kienet fl-1991?
Response (BORG, JOE)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Konvenzjoni għall-Eliminazzjoni ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li Malta aċċediet għaliha f'Marzu tal-1991.
Jista' l-Viċi Prim Ministru iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-European Convention on the Adoption of Children 1967 li tagħha Malta kienet waħda mill-firmatarji oriġinali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-European Convention on the Adoption of Children ta' l-1967.