Jista' l-Ministru jgħid kif il-persuna li ddettalji tagħha qed jindhru separatament u kunfidenzjalment ġie terminat l-impjieg tiegħu minn mal-Korporazzjoni Enemalta fl-1999, meta ċ-ċirkostanzi tiegħu kienu dderminati minn mard tiegħu personali u mard serju ieħor fil-familja tiegħu? Jista' jgħid x'kienet il-bażi tat-terminazzjoni u jekk fil-proċess qatt ġie kkunsidrat il-każ umanitarju tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna konċernata kien assenti mix-xogħol mingħajr awtorizazzjoni għal diversi ġranet, u dan kontra ta' dak li hemm stipulat fil-Ftehim Kollettiv. Il-Korporazzjoni, kif tagħmel f'każi simili, infurmatu dwar dan bil-miktub permezz ta' ittri irreġistrati kemm il-darba. Madanakollu t-twissijiet kollha ġew injorati ripetutament. Għaldaqstant il-Korporazzjoni ma kien fadlilha ebda triq oħra għajr li tapplika l-provedimenti tal-Ftehim Kollettiv u titterminalu l-impjieg.
Jaf l-Ministru li studenti li jmorru fl-iskola Adelaide Ċini, iż-Żurrieq ikollhom jinġabru fis-6.30a.m. biex jirkbu t-trasport ta' l-iskola, jaslu fis-7.00a.m. u jibdew l-iskola fit-7.30a.m.?
Għaliex dawn l-istudenti qed imorru daqshekk kmieni?
Jista' l-Ministru jara kif din il-problema tiġi megħluba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xufier li jibda l-vjaġġ fis-6.30 minn ġol-pjazza ta' Bubaqra jibqa' sejjer Vjal l-Indipendenza u sakemm jasal fejn ix-Xarolla jsiru s-6.45, jasal l-iskola fis-7.15 u l-iskola tibda fit-7.50.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-somma ta' Lm783,000 miżjuda mal-budget tal-Welfare for the Elderly & Community Services ser tmur għall-Adult Training Centres?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li ż-żieda fil-Budget ta' Lm783,000 hi ndirizzata għad-Dipartiment ta' l-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' kollha u dawn il-flus jitqassmu skond il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tal-klijenti sew anzjani kif ukoll persuni b'diżabilita'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm l-MDC għandha applikazzjonijiet pendenti ta' tkabbir jew ta' industrija ġdida?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-preżent il-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp qed tipproċessa erbatax-il applikazzjoni kemm għal proġetti ġodda kif ukoll għal dawk ta' tkabbir.
Jaf l-Ministru li studenti li jmorru l-Iskola San Franġisk ta' Assisi miż-Żurrieq u li joqgħodu n-Nigret ikollhom jmorru l-Pjazza biex jirkbu, jiġifieri mixja ta' madwar 35 minuta bil-basktijiet fuq daharhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li l-ilment jiġi mistħarreġ u ġejt informat li x-xufier kemm-il darba talab lit-tfal biex jistennewh in-Nigret. Pero` t-tfal ikunu jridu jinżlu ħdejn il-venda tal-karozzi tal-linja. Mhux l-ewwel darba li x-xufier tela' n-Nigret u ma sabx tfal jistennewh hemmhekk. Mill-iskola lejn id-dar it-tfal jitwasslu san-Nigret.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux permess li jinżammu ħażniet ta' kimiċi eċċ f'imħażen f'areas semi-industrijali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-ħruġ ta' liċenzji mhuwiex fil-kompitu ta' xi azjenda, korporazzjoni jew dipartiment li jifforma parti mid-dekasteru tiegħi, nissuġġerixxi li din il-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm stranġieri li qed jaħdmu Malta fin-negozju tar-retail u fi professjonijiet oħra li huma rreġistrati mal-VAT Department?
Kemm huwa d-dħul li qed jiġi rreġistrat minn dan is-sors?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tinġabarx waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni tat-taxpayers.
Jista l-Ministru jgħid jekk qatt sarx testijiet ta' l-arja fi Triq il-Kanun, Ħal Qormi biex jiġi stabbilit il-ħsara li qed issir lil saħħet in-nies minħabba d-dħaħen li ħerġin minn ċumnija ta' industrija li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament u kunfidenzjalment? Jekk saru dawn it-testijet x'irriżulta? Jekk ma sarux, x'se jagħmel id-dipartiment biex tiġi assigurata li ma ssirx aktar ħsara lill-ambjent u lil saħħet in-nies fl-area milquta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għalkemm id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent għamel testijiet f'Ħal-Qormi, dawn ma sarux fi Triq il-Kanun.
Id-Dipartiment se jagħmel stħarriġ fuq l-industrija ndikata mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx saru testijiet ta' l-arja fi Triq Pawlu Farruġia Ħal Qormi jew kif kienet magħrufa qabel bħala Trejqet il-Wied, minħabba li numru ta' industriji li hemm?
Jekk sar x'irriżulta?
Jekk ma sarx, jista' l-Onor. Ministru jara li jittieħdu l-prekawzjonijiet li hemm bżonn biex tiġi assigurata saħħet ir-residenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għalkemm id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent għamel testijiet f'Ħal-Qormi, dawn ma sarux fi Triq Pawlu Farrugia.
Id-Dipartiment se jagħmel stħarriġ fuq fuq din it-triq.
Trasport PubblikuJista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorita tat-Trasport Pubbliku se testendi s-servizzi tat-trasport pubbliku fl-area f'Ħal Qormi fejn jinsabu fost oħrajn dawn it-Toroq: Triq l-Aħwa Żammit, Sqaq tal-Armal, Triq tal-Bajjada, Triq Ġdida f'Tal-Bajjada, Triq Pawlu Farruġia jew Trejqa tal-Wied, Triq il-Kaċċatur, Triq il-Kanun, Triq in-Nassab, Triq A.M. Vassalli, Valletta Road, Triq il-Furnar u oħrajn fl-akwata, bil-għan li tiġi mgħeluba t-tbatija tan-numru kbira ta' Residenti li joqgħodu hemm hekk?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta, l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku u l-Kunsill Lokali Qormi biex tiġi devjata r-rotta minn Triq il-Belt Valletta, sabiex din l-akwata tkun moqdija aħjar. Hemm indikazzjoni li dawn l-arranġamenti jidħlu fis-seħħ dalwaqt.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 280, jista' l-Ministru jgħid kemm il-passigier ħarab mid-departures ta' l-ajruport ta' Malta bejn l-Lulju u Awissu 2001 u li kellhom jitilqu mat-titjira ta' Damascus fis-Sirja? X'passi ttieħdu? X'irriżulta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kienx hemm każijiet fejn ġew irrapurtati li ħarbu xi passiġġieri mid-departures lounge ta` l-ajruport internazzjonali ta` Malta. Pero` ninsab infurmat illi fil-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellanti, kien hemm żewġ każi fejn passiġġier kien instab nieqes minn fuq l-ajruplan wara li kien ħareġ mid-departures lounge. F`kull wieħed minn dawn il-każijiet, saret il-proċedura ta` sigurta` pre-stabbilita qabel ma` l-ajruplan tħalla jitlaq, pero` ma kien irriżulta xejn.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26255, peress li l-Ministru wieġeb li l-Ministeru tiegħu ma ħareġ l-ebda offerta għax-xogħol f'din l-area, jista' jgħid kienx il-kunsill Lokali li ħareġ l-offerta u jekk huwa l-każ, għaliex il-Kunsill Lokali ta' Santa Venera li jaqa' taħt ir-responsabilita' ta' l-Onor. Ministru għażel l-ogħla offerta?
Jekk ma kienx il-Kunsill Lokali li ħareġ l-offerta, jista' jgħid min?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esiżiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir għall-ewwel darba it-Trejqa tal-Wied jew Triq Pawlu Farruġia f'Ħal Qormi li llum hija kollha mibnija bil-għan li kemm ir-residenti kif woll l-industrija li topera minn din l-area ma jiqgħux isofru ħsarat u konsegwenzi oħra minħabba t-tħarbit li hemm?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru W 265/01.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi ta' ħwienet tax-xogħol u ta' negozju ieħor hemm fi Triq Pawlu Farruġia Ħal Qormi jew kif kienet magħrufa qabel bħala Trejqet il-Wied?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellanti hemm erba' (4) postijiet li fuqhom hemm liċenzja tan-negozju maħruġa mill-pulizija. Dawn ikopru manifattura ta' twiebet, spray u polixjar ta' għamara, manifattura u bejgħ ta' aluminium u ieħor laundry.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30435, jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif kif klassifikat f'din il-mistoqsija parlamentari dwar ħaddiema qegħda, jiġifieri lokal b'lokal, eta' nisa w rġiel, il-kategorija ta' xogħol jew professjoni eċċ, sena b'sena (skond Diċembru ta' kull sena), mill-1995 sas-sena 2001? Jista' jagħti tagħrif wkoll dwar il-gainfully employed u self-employed, bl-istess klassifika u għall-istess perjodu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u Tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament u kunfidenzjalment għada ma ġietx offruta l-ebda akkommodazzjoni soċjali alternattiva partikolarment meta wieħed iqis it-tbatija finanzjarja li għaddejja minnha hi u l-familja tagħha?
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha punti u meta se tkun offruta xi opportunita ta' akkomodazzjoni soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat ma' oħrajn simili.
Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar sentejn skolastiċi (sena 2000 - 2001) fl-iskejjel speċjali (a) kemm daħlu studenti ġodda (b) kemm ħarġu studenti minn dawn l-iskejjel u (c) kemm kienet l-ispiża kapitali u rikorrenti f'dawn l-iskejjel speċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.