Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qormi — Wied il-Kbir

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda u jispiċċa x-xogħol tat-tħaffir tat-trinka biex jitqegħdu l-mains ta' l-ilma f'Wied il-Kbir, Ħal Qormi, skond l-offerta mħabbra fil-gazzetta tal-Gvern, tat-12/10/2001, nru 17,150, Kwot. Nru. 68/2001?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol kellu jibda fil-5 ta' Frar 2002, u jieħu tlett ġimgħat xogħol kumplessivament. Sa llum 75% huwa lest.

Santa Venera — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda u jispiċċa x-xogħol tat-tiswija tad-drenaġġ fi Triq il-Brunżar, Santa Venera, skond l-offerta mħabbra fil-gazzetta tal-Gvern, tat-12/10/01, nru 17,150, Kwot nru 72/2001?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tiswija fi Triq Brunżar, Santa Venera sar bejn il-5 u t-8 ta' Diċembru 2001.

Ħal Farruġ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għal bejgħ ta' fondi f'Ħal Farruġ, Luqa kif imħabbra fil-gazzetta tal-Gvern, tat-12/10/01, nru. 17,150. Avviżi nri. 166, 167, 168 u 169? Kemm kienu l-offerti li ntefgħu skond kull fond? Min ingħatat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet offerti għal bejgħ ta' fondi f'Ħal Farruġ kif ġej: Avviż 166 - Fond numru 20 Luqa Ħal Farruġ L-Awtorita' tad-Djar irċeviet offerta waħda għall-bejgħ ta' dan il-fond mingħand is-Sur Gordon Micallef għall-ammont ta' Lm3500. Il-fond ġie allokat lis-Sur Micallef. Avviż 167 - Fond numru 14 Luqa Ħal Farruġ L-Awtorita' tad-Djar irċeviet żewġ offerti għall-bejgħ ta' dan il-fond kif ġej: a) mingħand is-Sinjura Anna Zammit li offriet Lm3610.75; b) mingħand is-Sur Ronald Meli li offra Lm3501. Il-fond ġie allokat lis-Sur Ronald Meli għall-prezz ta' Lm3610.75 peress illi skond il-kondizzjonijiet relatati mal-bejgħ ta' garaxxijiet b'offerti, dawn jiġu offruti lil min joqgħod l-iżjed viċin tal-garaxx inkwestjoni u bil-prezz ta' l-għola offerta. Avviżi 168 u 169 - Fondi numri 3 u 4 Luqa Ħal Farruġ L-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet l-ebda offerta għal dawn il-fondi.

Qormi — Wied il-Kbir

Question

Jista' l-Ministru jgħid x-xogħol se jsir permezz tal-provista u tqegħid ta' planki pre-stressed tal-konkos f'Wied il-kbir, Ħal Qormi, skond l-offerta mħabbra fil-gazzetta tal-Gvern , tat-12/10/01 nru 17,150, kwot nru 73/2001? Meta huwa ppjanat li jibda u jitlesta x-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet ma kienet irċeviet ebda offerti. L-offerta reġgħet ħarġet bħala Kwotazzjoni 81/01, li qed tirreferi għaliha fil-mistoqsija tiegħek numru 32135.

Bejgħ ta' Fond

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għal bejgħ ta' fond f'Ħal Kirkop, kif imħabra fil-Gazzetta tal-Gvern, tat-12/10/01, nru. 17, 150, avviż nru. 161? Kemm kien hemm l-offerti li ntefgħu skond kull fond? Lil min ingħatat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-fond li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti, li jikkonsisti f'garaxx li qiegħed numru 6, Triq tal-Fieres, Ħal-Kirkop, kien ġie oriġinarjament offrut flimkien ma' appartament numru 5 fi blokk 7, Triq tal-Fieres, Ħal-Kirkop skond Avviż Numru 64, li ġie ppubblikat fil-Gażżetta tal-Gvern tat-30 ta' Mejju 2000. L-applikanta li ġiet offruta dan l-appartament u l-garaxx riedet tixtri l-appartament biss u għalhekk il-garaxx reġa nħareġ għall-bejgħ bl-offerti b'Avviż Numru 161, li ġie ppubblikat fit-12 ta' Ottubru 2001. L-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda offerta għal dan il-garaxx. Eventwalment din l-applikanta rrifjutat li tixtri anki l-appartament u għalhekk il-garaxx reġa nħareġ għal bejgħ flimkien ma' l-appartament imsemmi skond Avviż Numru 66 ippubblikat fil-Gażżetta tal-Gvern fis-26 ta' Novembru 2001. L-applikazzjonijiet dwar dan l-Avviż għadhom qed jiġu proċessati.

Xiri ta' Vettura

Question

Jista' l-Ministru jgħid lil min ingħatat l-offerta għal xiri ta' vettura bit-tail lift (second hand) għar-residenza San Vinċenż de Paule, Ħal Luqa skond il-Gazzetta tal-Gvern ta' 12/10/01 nru 17, 150? Għaliex din il-vettura qed tinxtara second hand? Kemm tiswa ġdida? Kemm tiswa second-hand?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma ġiet aċċettata ebda offerta għax-xiri ta' vettura bit-tail lift għar-Residenza San Vinċenz peress li ebda offerta ma kienet tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti.

PA — Proġett ta' Embellishment

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 30806, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 24897 dwar il-bini tat-toroq biswit il-blokki ta' l-appartamenti l-ġodda jekk l-PA approvatx il-pjan tal-proġett ta' embellishment li kellu jsir mid-Dipartiment tal-Bini u tat-Tiswija tad-Djar tal-Ministeru għall-Politika Soċjali flimkien mal-Kunsill Lokali, kif indikat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari msemmija u peress li skond l-Ministru Ċensu Galea fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 30806, qal li huwa infurmat li peress li l-applikazzjoni lill-PA għall-Embellishment qed jieħu ħsiebha id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar tal-Ministeru għall-Politika Soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif qal tajjeb il-Ministru Ċensu Galea fir-risposta tiegħu għal Mistoqsijiet Parlamentari Nru 24897 u 30806, id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Ħal-Luqa qiegħed jieħu ħsieb il-proġett ta' embellishment f'Ħal-Farruġ. Jien infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għadha kif approvat dan il-proġett u la darba dan ikun lest, ikunu jistgħu jsiru t-toroq tal-madwar.

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhija l-problema tad-drenaġġ li qed ifur fi Triq il-Kaċċatur, Ħal Qormi quddiem il-maħżen tal-Sigma, kull meta tagħmel ix-xita? X'azzjoni se ttieħed?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ser isir it-tindif neċessarju fuq is-sewer main fi Triq il-Kaċċatur, Qormi.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tinbena t-Triq tal-Frieres f'Ħal Kirkop meta hemm residenti li ilhom joqgħodu f'din it-triq għal aktar minn tnax-il sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qed iħejji l-istimi għal dan ix-xogħol biex din it-triq tkun tista' tiġi aktar 'il quddiem.

Price Club

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'security kellhom il-Price Club biex jagħmel tajjeb għad-djun?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kumpanija li qed issir riferenza għaliha kienet waħda privata u l-Gvern ma jidħol xejn f'dak li jirrigwarda security li tintalab mill-banek u/jew kredituri privati.

Safeguards

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux jaħseb biex jiddaħħlu safeguards permezz ta' legislazzjoni etc biex jiġu mħarsa negozjanti żgħar mill-effeti ta' mismanagment, fallimenti etc ta' negozji w kumpaniji li jkunu qed jiġu fornuti b'xogħol jew b'servizzi mingħand dawn it-tip ta' negozji?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Att għall-Promozzjoni tal-Kummerċ (Business Promotion Act) jinkludi provvedimenti intiżi sabiex jagħmluha aktar faċli għall-intrapriżi ż-żgħar li jiġbru l-flus dovuti lilhom min għand kumpaniji akbar minnhom. Xorta waħda, iżda, jibqa l-bżonn li kull kumpanija teżerċita' kull attenzjoni possibbli fin-negozju tagħha ma kumpaniji oħra sabiex ma ssibx ruħha skoperta fil-każ li xi waħda minn dawn il-kumpaniji tispiċċa tfalli, per eżemplu minħabba tmexxija ħażina. Għal dan il-għan, l-aqwa strument huwa t-taħriġ, speċjalment ta' l-intraprendituri ż-żgħar, sabiex wieħed jitgħallem jirregola aħjar in-negozju tiegħu ma kumpaniji oħra. F'dan il-kuntest huma relevanti ħafna d-diversi inizjattivi ta' taħriġ imnieda kemm mid-Dipartiment għan-Negozji ż-Żgħar u l-Artiġjanat fi ħdan il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi u mill-IPSE.
Leg 9 PQ #31855 Sitting 708 2002-03-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Merchant Request — Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-siegħa overtime ħadmu ż-żewġ skrivani li xogħolhom hu li jdaħħlu l-merchant request jew aħjar l-F12 fil-computer minn Diċembru 2001 sa Frar 2002, fid-Dwana? Jista' jgħid liema xahar fil-backlog kienu wasslu sa l-aħħar ta' Diċembru 2001 u sa liema xahar fil-backlog wasslu sa llum? Jista' jgħid jekk b'konsegwenza ta' dan l-backlog il-ħaddiema għadhom ma tħallsux tax-xogħolu ta' l-ispejjeż li għamlu f'Ottubru 2001? U dan ifissirx wkoll li l-importaturi u l-esportaturi għadhomx iridu jagħmlu l-costings ta' l-ispejjeż kollha inklużi tal-Fizzjali tad-Dwana, sa lura sa Ottubru 2001?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li ż-żewġ skrivani impjegati fl-'Outdoor Services Section' tad-Dwana li jdaħħlu l-'Merchants Requests' fil-computer ħadmu 108 siegħat 'overtime' kull wieħed fit-tlett xhur bejn Dicembru 2001 u Frar 2002. Sa l-aħħar ta' Diċembru 2001, il-Fizzjali tad-Dwana tħallsu l-'overtime' li għamlu f'Awissu 2001. Sa l-aħħar ta' Frar 2002 kważi il-Fizzjali kollha tħallsu tal-'overtime' li għamlu sa nofs Ottubru 2001. Dan jgħodd ukoll għat-'Travelling Allowances' li jidħlu fl-istess kontijiet. L-importaturi u l-esportaturi stabbiliti m'għandhomx għalfejn jistennew il-kont mid-Dwana biex jagħmlu l-'costings' tagħhom għaliex żgur jafu x' inhija l-medja ta' dawn l-ispejjez. Wieħed irid ukoll jinnota li f'Diċembru 2001 skrivan li kien jaħdem fuq dan ix-xogħol ġie trasferit barra d-Dipartiment mingħajr ma ġie ieħor floku. Tajjeb ukoll li wieħed jirrimarka dwar il-fatt illi jintilef ħafna żmien biex ikunu validati l-Forms 12 minħabba raġunijiet varji waqt li jkun hemm każi fejn xi Fizzjali ma jkunux solliċiti biex jissottomettu l-Formula 12.

Kirkop — Fossa

Question

B'riferenza għall-PQ 29933, dwar x'passi ttieħdu dwar fossa li tħaffret minn impjegati tal-Gvern qrib għalqa fil-limiti ta' Ħal Kirkop li hija bi qbiela għand persuna li d-dettalji tajthom mal-mistoqsija oriġinali, u li fil-fossa qed jintrema' kull xorta ta' ħmieġ, meta l-art f'idejhom fl-inħawi fejn tinsab l-art indikata tħallsu l-kumpens talli tħaffret fossa fl-istess art tagħhom pero' l-persuna msemmija ma tħallset xejn u aktar minn hekk donnu l-art tagħha qegħda tkun immirata għal kull rimi li jsir? Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-fossa li qed tissemma fil-mistoqsija ma hi fossa xejn iżda sempliċi manhole fuq il-main tad-drenaġġ u mhux li tħaffret issa iżda ilha hemm minn meta sar il-main. Rigward kull xorta ta' ħmieġ li qiegħed jiġi allegat illi qiegħed jintrema, l-Onorevoli Interpellant hija mitluba tispeċifika x'inhu dan il-ħmieġ, għax sa fejn hu konċernat id-Dipartiment tad-Drenaġġ, din il-manhole, illi hija discharge point, jintefa' fiha drenaġġ likwidu mill-bowsers u li dan id-drenaġġ imur ġol-main u mhux fl-għalqa msemmija. Rigward il-kumpens illi l-persuna qed titlob, mhux magħruf x'inhu, jekk hux għal meta sar il-main tad-drenaġġ jew għal xi ħaġa oħra.

Pustiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid li minkejja l-bidla fil-ħin tax-xogħol għal pustiera fis-sajf, xorta m'humiex jiffrankaw xejn mill-qilla tax-xemx? Ma jidhirlux l-Ministru li għandu jindaġa kif saħħet dawn il-ħaddiema tista' tiġi mħarsa aktar billi jiġi organizzat ahjar is-siegħa qabel li jidħlu għax-xogħol?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li qed jiġi studjat pjan globali li jieħu in kunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni.

Residenza San Vinċenz De Paule

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti qed isiru fin-nuqqas ta' nurses biex residenti fil-bżonn li jiġu akkumpanjati fir-residenza San Vinċenz De Paule, jkunu jistgħu joħorġu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-akkumpanjament tar-residenti f'San Vinċenz de Paule reġa' ġie bħas-soltu wara l-ftehim milħuq mal-Union tan-Nurses.

Hospital Auxiliary

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 30152 li titlob tagħrif dwar jekk hemmx ħaddiem f'SVDP li mhumiex hospital auxiliary iżda qed jagħmlu overtime f'dan il-grad?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li minnħabba l-kobor u l-ħtiġijiet ta' ndafa li hemm fir-Residenza ta' San Vinċenz, hemm gradi oħra li mhumiex Hospital Auxiliaries li jagħmlu overtime f'dan il-grad.

Maltacom — Promozzjonijiet

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 30150, jista' l-Ministru jagħti t-tweġiba għal mistoqsija dwar kemm kien hemm impjegati tal-Maltacom minn Settembru 1998 sa Settembru 2001 li ġew mogħtija promozzjonijiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u Settembru 2001, fil-Maltacom kien hemm mija u sitta u sebgħin persuna li ngħatat promozzjoni. Id-dettalji l-oħra mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra

Permessi ta' Ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' permessi ta' ħwienet tax-xogħol u negożji hemm fi Triq il-Kaċċatur - Ħal Qormi u t-toroq tal-madwar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-postijiet li fuqhom hemm liċenzja tan-negozju maħruġa mill-Pulizija fit-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellanti huma kif ġej:- Triq il-Kaċċatur Triq in-Nassab Public Service Garage 1 1 Manifattura ta` aluminium 1 - Tellar 2 1 Mastrudaxxa 3 - Kostruzzjoni ta` dgħajjes 1 - Mekkanik - 1 Manifattura ta` żebgħa 1 -
Leg 9 PQ #31850 Sitting 707 2002-03-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Security Guards — Riżultati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat tas-sejħa għal security guards li saret f'Diċembru 2000?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li wara sejħa għall-applikazzjoni għall-post ta' Security Guard fid-Diviżjoni tas-Saħħa maħruġa mill-Management and Personnel Office fil-21 ta' Awwissu 2000, id-Diviżjoni tas-Saħħa rċeviet ir-riżultat tal-eżami tal-kitba fit-13 ta' Marzu 2001 mill-Public Service Commission. Minn din l-ewwel parti tal-kitba kienu għaddew 54 kandidat, filwaqt li kandidat ieħor kien ġie skwalifikat. Fis-26 ta' Settembru 2001 ġie ppublikat it-tieni parti tar-riżultat ta' l-intervista u li minn din il-parti kienu għaddew 36 kandidat. Disgħa minn dawn ta' l-aħħar kienu rrifjutaw l-Appointment ta' Security Guard.