Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qormi — Qormi Raod

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tat-toroq qatt għamilx studju biex jistabbilixxi l-bżonn kbir ta' xi xorta ta' faċilita' ta' pedestrian crossing f'Qormi road, Ħal Qormi, ħdejn Posta Ltd? Jekk iva, x'ġie stabbilit? X'azzjoni se tittieħed? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li tħejjew il-pjanti mid-Direttorat għat-Toroq sabiex isiru pelican lights fil-lokal u l-pjanti qegħdin għall-approvazzjoni tad-Direttorat għat-Toroq u ta' l-Immaniġjar għat-Traffiku.

Qormi — Triq in-Nassab

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq in-Nassab Ħal Qormi? Ma jidhirlux li mhux sew li ċittadini li jkunu ilhom is-snin li ħallsu l-ispejjeż biex issir it-triq jibqgħu mingħajr is-servizz għal snin kbar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq u l-Kunsill Lokali qegħdin jagħmlu spezzjonijiet f'diversi toroq tal-lokal biex jiġi stabbilit liema toroq jista' jsir xogħol fihom, u Triq in-Nassab hija waħda minn dawk li ser ikunu spezzjonati.

Qormi — Qormi Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-bus shelter li kien hemm f'Qormi road Ħal Qormi, jiġifieri ħdejn Posta Ltd tneħħa u ma ġiex sostitut għad-detriment ta' mijiet ta' residenti li jgħixu fuq in-naħa l-oħra tat-triq? Jista' jgħid jekk hux se jsir wieħed flok dak li kien hemm? Fejn? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-bus shelter li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta tneħħa wara li dan tkisser kaġun ta' inċident tat-traffiku. Fil-fratemp twaħħal bus stop sabiex ikomplu jinqdew ir-residenti ta' l-akwata. Tajjeb wieħed ifakkar li t-twaħħil ta' bus shelters issa huwa responsabilta' tal-Kunsilli Lokali.

Qormi — Triq il-Kanun

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tat-toroq għamilx studju fuq il-bżonn ta' xi tip ta' pedestrian crossing għal Triq il-Kanun Ħal Qormi, jiġifieri qrib is-showroom tal-kumpanija Flamingo? Jekk iva, x'irriżulta? X'passi se jittieħdu biex jingħeleb il-perikolu li hemm gċal kull min jgħix u jaħdem f'din l-area? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq m'għandu l-ebda studju speċifiku dwar faċilitajiet għal biex jaqsmu pedestrians f'din it-triq. Għalkemm ġew osservati nies jaqsmu din it-triq minn żmien għal żmien, dan mhux lokal fejn il-qsim tat-triq għandu jiġi nkoraġġit peress li barra li jgħaddi ħafna traffiku, hemm diżlivell bejn il-karreġjati, iktar u iktar meta jidher li hemm mezzi oħra ta' kif persuni f'dawn l-inħawi jistgħu jaqsmu. Madankollu tajt struzzjonijiet lid-Direttorati għat-Toroq u dak ta' l-Immaniġjar għat-Traffiku biex jaraw xl-aħjar li jsir biex ikun evitat il-periklu f'din it-triq.

Qormi — Triq M A Vassalli

Question

Jaf l-Ministru li l-mina faċċata ta' Triq M A Vassalli u l-isfel mit-Triq Aħwa Żammit f'Ħal Qormi u li suppost hija mezz sigur biex pedestrians li jkollhom bżonn jaqsmu għan-naħa ta' Sta. Venera, tinsab bla dawl u għalhekk l-użu tagħha huwa mxekkel? Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru l-faċilitajiet meħtieġa biex din il-mina tkun tista' tintuża b'mod kif suppost?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq fil-preżent qed jagħmel l-arranġamenti mad-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Servizzi fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet biex isir id-dawl f'din il-mina u wara tingħata tindifa u facelift.

CSA — Sick Leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sick leave tas-CSAs li jaħdmu ma' l-anzjani jiġifieri kemm huma intitolati għal sick leave bil-ħlas sħiħ, b'nofs paga eċċ.? X'inhuma l-kundizzjonijiet li jirregola t-tmiem ta' l-impjieg, fis-sens ta' terminal benefits eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti għal finijiet ta' mpjieg l-Assistenti Soċjali Każwali li huma meqjusa bħala persuni li jaħdmu għal rashom u għaldaqstant iħallsu l-kontribuzzjoni tat-tieni klassi. Għaldaqstant id-dritt tagħhom għas-sick leave bi ħlas huwa regolat mill-Liġi tas-Sigurta' Soċjali. Bħala nies li jaħdmu għal rashom l-Assistenti Soċjali Każwali m'għandhom l-ebda terminal benefits.

Qormi — Triq 10 ta' Settembru

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 30795 dwar Triq l-10 ta' Settembru f' Ħal Qormi, u għat-tweġiba għaliha, fid-dawl tal-fatt li l-problema tal-għargħar f'din it-triq mhix kwistjoni tal-livell mal-wied kif indikat, iżda kwistjoni ta' kif taqleb it-triq minħabba li għadha mingħajr tarmac?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta parlamentari Nru. 30795, tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq biex fil-każ li din it-triq tista' tiġi rranġata mingħajr ma jiġu kkaġunati aktar problemi ta' għargħar fl-akwati, jittieħdu l-passi neċessarji biex ix-xogħol meħtieġ fiha jitwettaq.
Leg 9 PQ #32605 Sitting 724 2002-04-17 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ESTS — Stone Carvers

Question

Jista' l-Ministru bil-kundizzjonijiet mill-agħar li qed jaħdmu fihom studenti ta' l-ESTS li qegħdin fil-course ta' stone carvers? Jaf il-Ministru li dawn qed jiġu mġiegħla jaħdmu kważi full time mal-privat bi ħlas ta' Lm53.16 fil-ġimgħa? X'qed jagħmel id-dipartiment jew x'se jagħmel biex iwaqqaf dawn l-abbużi?

Response (GALEA, LOUIS)

L-iskultura u t-tinqix tal-ġebel tal-franka jiġġeneraw trabijiet fini minħabba n-natura tal-materjal innifsu u l-proċessi meħtieġa waqt ix-xogħol. Informat li minħabba li n-numru ta' studenti li qed jattendu bħalissa huwa relattivament kbir, hemm il-ħsieb li l-workshop ta' l-artiġjanat fil-ġebel jitkabbar u jiġu stallati 'extractors' skond il-ħtieġa. Il-Kors ta' Stone Carvers huwa ta' tlett snin u jifforma parti mill-iskema ta' l-apprendistat imsejħa Extended Skill Training Scheme. Fl-ewwel sena tal-kors il-parteċipanti jridu jattendu l-istabbiliment edukattiv il-ġimgħa kollha u jirċievu stipendju ta' Lm40 fix-xahar. Matul it-tieni u t-tielet sena l-apprendisti jattendu l-istabbiliment edukativ għal jumejn u ġurnata, rispettivament. Matul dan il-perjodu l-apprendisti jirċievu stipendju ta' Lm40 fix-xahar mingħand id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u Lm20.50 u Lm21.46 fil-ġimgħa fit-tieni u t-tielet sena rispettivament mingħand min qed jipprovdi t-taħriġ prattiku. Għal aktar tagħrif l-Onor. Membru tista' tirreferi lill-ETC li hi responsabbli mill-fażi ta' xogħol ta' l-apprendistat.

Qormi — Area ta' Marsina

Question

Jaf il-Ministru li minkejja d-diversi mistoqsijiet u tweġibiet fil-pożittiv min-naħa ta' l-Ministru dwar mugrufun li joħroġ minn laundry fl-area ta' Farsina, Ħal Qormi, il-problema għadha teżisti u saħħet in-nies għadha f'riskju? X'inhuma r-raġunijiet li ma jittiħdux il-passi meħtieġa biex din il-problema tingħeleb darba għal dejjem? X'testijiet saru min-naħa ta' l-awtoritajiet ta' l-arja biex tiġi iċċekkjata l-arja minħabba l-emissions? X'tip ta' modifikazzjonijiet talab li jsiru, mill-kumpanija tan-negozji indikata u kif ġie mistqarr mill-ministru fit-tweġiba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi Spetturi tad-Direttorat għall-Ħarsien ta` l-Ambjent għamlu 7 spezzjonijiet din is-sena fl-area indikata mill-Onor. Interpellanti. Ma jirriżultax li f`dawn il-ġranet u ħinijiet kien hemm emissjonijiet eċċessivi ta` dħaħen minn dan l-istabbiliment.

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokazzjoni se tiġi nstallata s-sub station ta' l-elettriku fl-akwata magħrufa bħala ta' Farsina f'Ħal Qormi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ilha żmien tipprova takkwista art fl-inħawi ta' Farżina jew aktar preċiż lejn tarf Triq ix-Xitwa n-naħa ta' Tal-Ħammieri biex tinbena substation fuqha. S'issa l-Korporazzjoni għadha ma sabitx art u tapprezza jekk tingħata informazzjoni dwar art jew propjeta' oħra fl-inħawi msemmija li huma għall-bejgħ.

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-korporazzjoni Enemalta se tieħu l-passi meħtieġa biex fl-area ta' Triq l-Iżbandola u t-toroq tal-madwar f'Ħal Qormi, tgħolli l-vultaġġ tad-dawl biex ir-residenti ma jibqgħux ibatu konsegwenzi ta' ħsarat fl-appliances ta' elettriku eċċ.?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li saru mill-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li fl-area imsemmija hemm bżonn tinbena substation sabiex tiġi eliminata l-problema ta' vultaġġ baxx. Fil-fatt il-proċess biex tinbena tali substation jinsab fl-ewwel stadju tiegħu.

Servizz Pubbliku

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet nri. 27774 ( u cioe, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu nies fi grades industrijali mal-gvern u f'liema gradi minn Settembru 1998 sal-lum, sena b'sena, fis-servizz pubbliku kif ukoll f'entitajiet oħra bħal korporazzjonijiet u kumpanniji tal-gvern eċċ. entita', entita'?) u 28631 (u cioe b'riferenza għal mistoqsija parlamentari 27774, jista' l-Ministru jwieġeb għad-dipartiment u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?), jista' Ministru jagħti tweġiba?

Response (BONNICI, JOSEF)

Twġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Vetturi — Plates

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 31851 dwar jekk jistax l-Ministru jgħid x'qed isir minn number plates tal-vetturi li jiġu scrapped?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-Number Plates tal-vetturi li jiġu scrapped jitqattgħu f'dik il-ġurnata li jiġu rritornati fid-Direttorat. Dan, naturalment igħodd għal dawk il-każi fejn min jiskrappja vettura, jinforma lid-Direttorat.

Public Works

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30870, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ngħatawx safety shoes l-impjegati tar-road section tal-public works li jinsabu stazzjonati l-Bombi, l-Furjana?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli Interpellant tidher li qed tirreferi għall-Unit għas-Servizzi ta' Tisbiħ. Ninsab infurmat li s-safety boots ma ngħatawx lill-ħaddiema kollha għaliex l-Aġent kien qiegħed jistenna l-kunsinna minn barra. F'dawn il-ġranet il-kunsinna li għaliha kienet saret it-talba waslet u l-ħaddiema qegħdin jibdlu s-safety boots kif jesiġi l-istess Unit.

Qormi — Triq il-Kanun

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt sarux testijiet ta' l-arja fi Triq il-Kanun, Ħal Qormi, biex jiġi stabbilit il-ħsara li qed issir lil saħħet in-nies minħabba d-dħaħen li ħerġin minn ċumnija ta' industrija li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament u kunfidenzjalment? Jekk saru dawn it-testijiet x'irrżulta? Jekk ma sarux, x'se jagħmel id-dipartiment biex jiġi assigurat li ma ssirx aktar ħsara lill-ambjent u lil saħħet in-nies fl-area milquta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi Uffiċjali mid-Direttorat tal-Protezzjoni ta` l-Ambjent ippruvaw diversi drabi jagħmlu spezzjoni fil-post indikat mill-Onorevoli Membru, iżda din l-industrija ma setghatx tinstab. Infurmat ukoll illi filwaqt li dawn l-Uffiċjali kienu qed ifittxu din l-industrija, f`din iż-żona ma nnutawx emissjonijiet eċċessivi kif hemm indikat fil-Mistoqsija Parlamentari.
Leg 9 PQ #32602 Sitting 723 2002-04-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Għalliema

Question

Jaf il-Ministru li hemm għalliema fl-MCAST fil-matriculation course li ma jattendux regolarment u mbagħad isiru lezzjonijiet fil-break? X'qed jagħmel id-dipartiment biex din il-qagħda tiġi regolarizzata?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema tal-Matriculation Course fl-MCAST jattendu b'mod regolari u jagħtu lezzjonijiet fil-'break' bħala miżura biex jiġu ikkumpensati 'clashes' fit-timetable. Tajjeb ukoll li niġbdu l-attenzjoni, li bosta huma l-istudenti li jkunu jixtiequ li jsirulhom lezzjonijiet fil-break ħalli dawn ikunu jistgħu jitilqu qabel id-dar. Dan qatt ma ġie aċċetat mill-Amministrazzjoni ta' l-Istitut anke jekk kien hemm ħafna pressjoni biex iseħħ dan kemm minn studenti, kif ukoll minn għalliema u xi kultant minn ġenituri.

Planning Authority

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hiex normali li l-Planning Authority toħroġ permess għal estenzjoni ta' bini fuq bini eżistenti, meta l-bini eżistenti jkun iċ-ċentru ta' kontroversja u jkun hemm proċeduri dwaru għaddejjin fil-Qorti?

Response (BORG, TONIO)

Meta tagħti permess, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma tidħolx fil-mertu ta` jekk hemmx xi proċeduri fil-Qorti dwar is-sit li dwaru qed jinħareġ il-permess, sakemm il-każ fil-Qorti ma jirrigwardax aspetti ta` ippjanar.

Increments

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm u min huma dawk l-impjegati f'St Vincent de Paule Residence li twaqqfulhom l-increments minħabba li huma fuq light duties u mhux jagħmlu xogħol skond is-salary grade tagħhom? Kemm ilhom li twaqqfulhom l-increments?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li m'hemm l-ebda impjegati fir-Residenza ta' San Vinċenz li twaqqfulhom l-increments minħabba li huma fuq light duties u mhux jagħmlu xogħol skond is-salary grade tagħhom.
Leg 9 PQ #32504 Sitting 722 2002-04-15 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Speċjali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm professjonisti full-time li qegħdin jaħdmu fl-iskejjel speċjali? Kemm intefqu flus is-sena l-oħra għat-taħriġ ta' l-impjegati ta' dawn l-iskejjel? Kemm huwa n-numru ta' studenti f'dawn l-iskejjel u kemm huwa l-istaff ratio f'dawn l-iskejjel speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31340 ta' l-istess Onor. Membru.