Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #32902 Sitting 729 2002-04-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Żammit Clapp

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-Isptar Żammit Clapp hemmx il-compliment kollha ta' l-istaff mediku, para mediku u dak li mhux? Jekk hemm staff nieqes f'liema kategoriji?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li bħalissa għaddejin diskussjonijiet mal-Unions, ma nħossx li f'dan l-istadju jkun prudenti li nagħti aktar dettalji.

Triq il-Maħsel — Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq il-Maħsel f'Ħal Qormi se tiġi mibnija għaliex illum il-bini f'din it-triq inbena kollu u għalhekk il-gvern m'għandux problema li jrid isegwi l-policy u jibni triq meta din tkun inbniet kollha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq il-Maħsel, li hi triq żgħira (cul-de-sac), ser tiġi asfaltata ma' toroq oħra fl-inħawi mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi.

Kostruzzjoni tal-Bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati spetturi (saħħa sigurta) fid-dipartiment ta' l-industrija fil-kostruzzjoni tal-bini fit-taqsima tax-xogħlijiet skond l-avviż li deher fil-gazzetta tal-gvern nru. 17163 bid-data 20/11/01? Dan in-nimri huwa suffiċjent skond il-bżonn tad-dipartiment? X'inhuwa l-compliment stabbilit? Dawn se jaqgħu taħt l-superviżżjoni ta' l-awtorita' ġew se jkunu għar-rashom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proċess ta' mili ta' postijiet ta' Spetturi tas-Saħħa u Sigurta' fid-Dipartiment ta' l-Industrija fil-Kostruzzjoni tal-Bini għadu għaddej. L-istess jista' jingħad għall-ingaġġ ta' numru ta' Spetturi fuq Taħriġ. Il-compliment stabbilit tal-Unit Saħħa u Sigurta' fit-Taqsima tax-Xogħlijiet huwa ta' Spettur Prinċipali, żewġ Spetturi Anzjani u sitt Spetturi li jistgħu jinkludu wkoll Spetturi fuq Taħriġ. L-Ispetturi tas-Saħħa u Sigurta' fid-Dipartiment ta' l-Industrija fil-Kostruzzjoni tal-Bini jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.

Monitoring — Ċomb fl-Arja

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1995 sa' l-2001 sena b'sena kemm il-darba id-dipartiment ikkonċernat għamel eżerċizzji ta' monitoraġġ ta' livelli taċ-ċomb fl-arja u f'liema lokalitajiet f'Malta? X'irriżultati inkisbu lokal b'lokal, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32711.
Leg 9 PQ #32717 Sitting 728 2002-04-29 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Special Needs Emergency Helpers-On Call

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati special needs emergency helpers-on call fid-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex jgħinu tfal/studenti bi bżonnijiet speċjali f'ambjent skolastiku inklussiv? X'taħriġ ingħataw? Meta se jibdew jaħdmu? B'hekk se jkollu biżżejjed impjegati f'qan il-qasam biex ilaħħqu mal-bżonnijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'April 2001 id-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni impjegat ħamsa u għoxrin "On Call" Special Needs Emergency Helpers iżda minħabba li kien baqa' biss tnejn reġgħet ħarġet sejħa oħra f'Novembru 2001, u qed isiru l-interviews għal dawn l-applikanti f'Malta. F'Għawdex diġa' saru l-interviews u ġew ingaġġati ħdax-il "On Call" Special Needs Emergency Helpers mit-8 ta' April 2002. It-taħriġ għal dawn l-Emergency Helpers qed isir in parti waqt l-istess xogħol u in parti ser isir aktar 'l quddiem.

Qgħad

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 31477 li t-titolu tagħha (Għawdex-Qgħad) ma jirriflettiex il-kontenut, u li kienet dwar tagħrif fuq ħaddiema bla xogħol, il-gainfully employed u self-employed skond il-klassifiċi mitluba fl-istess mistoqsija, jista' l-viċi prim ministru jgħid għaliex fit-tweġiba mogħtija fis-seduta nru. 715 tat-13 ta' Marzu 2002: 1) ma ġiex mogħti tagħrif dwar il-ħaddiema bla xogħol għas-snin 1995 u 2001 fil- papers laid mat-tweġiba u kontra dak li huwa indikat fl-istess tweġiba ta' l-Onor Viċi Prim Ministru, 2) ma ġietx mogħtija l-klassifika skond il-professjoni jew sengħa eċċ, għas-snin 1996, 1997 u 1998, bħal ma ingħatat għas-snin 1999 u 2000; u 3) ma ġiex mogħti tagħrif dwar il-gainfully employed ta' sena sħiħa 2001, iżda sa Ottubru 2001 biss, jista' jagħti l-informazzjoni dwar is-self employed fil-format li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31477 f'Seduta Numru 715, ninfurmha li: 1. f'Diċembru 1995 l-istatistika dwar ħaddiema bla xogħol ma kinitx tinġabar fil-format mitlub. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli bl-informazzjoni mitluba f'dan ir-rigward għal Diċembru 2001; 2. fit-Tweġiba hawn fuq imsemmija kont infurmajt lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni mitluba dwar ħaddiema li jaħdmu bi qliegħ (gainfully occupied) għas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 ma kinitx tinġabar separatament għal Malta u Għawdex u għalhekk ma setgħetx tingħata fil-format mitlub; 3. l-informazzjoni li ngħatat dwar il-gainfully occupied kienet dwar Ottubru 2001 għax dik kienet l-aħħar informazzjoni ppubblikata. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni dwar is-self-employed għal Diċembru mis-sena 1995 sas-sena 2000 u għal Ottubru 2001 għal Malta u Għawdex f'daqqa.
Leg 9 PQ #32790 Sitting 728 2002-04-29 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex in-nisa fl-armata mhux jingħataw il-benefiċċji tar-reduced hours bħall-impjegati l-oħra tas-servizz pubbliku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onorevoli Interpellant tidher li qed tirreferi għal Ċirkulari maħruġa mill-Uffiċċju tiegħi, Numru 25/99 ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999. Din teskludi li membri ta’ l-Armata kemm nisa kif ukoll irġiel milli jiġu ntitolati għall-benefiċċji tar-“reduced hours”. Wieħed jifhem li fin-natura tax-xogħol tagħha, l-Armata ma tistax taħdem fuq sistema ta’ “reduced hours”.

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadha ma ttieħditx azzjoni fuq il-leak tad-drenaġġ f'razzett, f'Ħal Farruġ limiti ta' Ħal Qormi li qiegħed fuq il-pumping station ta' l-ilma tax-xorb? Peress li dan il-leak issa ilu s-snin għad-detriment ta' saħħet in-nies u l-bħhejjem li jitrabbew f'dan ir-razzett, jista' jgħid meta se tittieħed azzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tispeċifika fejn qiegħed dan il-'leak', għax id-Dipartiment tad-Drenaġġ m'għandu l-ebda rapport ta' leak f'xi razzett f'Ħal Farruġ.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għal bejgħ ta' sit fi Triq Valletta, Ħal Kirkop permezz ta' avviż nru.126

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar qatt ma kellha fil-pussess tagħha sit fi Triq Valletta, Ħal-Kirkop li setgħet ħarġet għall-bejgħ. Ninsab infurmat ukoll li din is-sena l-Awtorita' ma ppubblikatx avviż li jġib in-numru 126.
Leg 9 PQ #32704 Sitting 727 2002-04-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skrivani Part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal ingaġġ ta' skrivani part-time fi skejjel statali skond l-avviż imxandar fil-gazzetta tal-gvern nru. 17,172, bid-data tas-7/12/01? Min huma dawk li ntagħżlu u f'liema skejjel intbagħtu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-Sejħa għall-Applikazzjonijiet imxandra fil-Gazzetta tal-Gvern tas-7 ta' Diċembru 2001 u li għaliha kien hemm korrezzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern ta' l-14 ta' Diċembru 2001, kien hemm ħdax-il skola indikati. Lista bit-tagħrif mitlub qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qormi — Wied il-Kbir

Question

B'referenza għal kwot nru. 81/01 u 82/01 kif minħabbra fil-gazzetta tal-gvern 17,157 - 2/11/01 dwar provista u tqegħid ta' ċangaturi tal-koskos pre-stressed għal Wied il-Kbir Ħal Qormi, jista' l-Ministru jispeċifika x'tip ta' xogħol qed isir mill-Gvern Ċentrali f'din il-lokalita'?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li qed isir f'din il-lokalita' jikkonsisti f'tindif ta' materjal u skart ieħor minn parti minn Wied il-Kbir, Qormi. Barra dan ix-xogħol qed jinbnew mill-ġdid żewġ pontijiet minflok dawk li kien hemm għaliex ma kinux ilaħħqu mal-volum ta' l-ilma li jgħaddi minn dan il-wied. Il-planki (pre-stressed slabs) li qed tirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant ġew ordnati għal dawn il-pontijiet. Ix-xogħol kollu qed isir mid-Direct Labour Force tal-Unit għas-Servizzi ta' Tisbiħ.

SVDP — Servizzi Mekkaniċi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma u għal x'hiex se jintużaw is-servizzi mekkaniċi u ta' l-elettriku għas-swali 1-2 u 3-4 ta' l-Irġiel u tal-Nisa fir-Residenza ta' l-Anzjani f'SVDP skond l-avviż fil-gazzetta tal-Gvern nru. 17,170 ta' l-4/12/01?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li s-servizzi mekkaniċi u ta' l-elettriku jikkonsistu fis-sistemi kollha li hemm bżonn biex il-wards fl-SVPR jkunu attrezzati f'dak kollu li hu meħtieġ għall-anzjani bħal per eżempju - dawl, ilma, air-conditioning u nurse-call system.

Monitoraġġ tal-Livell taċ-Ċomb fl-Arja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment ikkonċernat għandux apparat teknoloġikament adekwat biex jagħmel il-monitoraġġ ta' livelli taċ-ċomb u tossiċi oħra fl-arja? X'apparat jeżisti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sa mill-1999 id-Direttorat għall-Protezzjoni ta` l-Ambjent beda għaddej bi programm ta` monitoraġġ tal-kwalita` ta` l-ajra billi jitkejlu livelli ta` għadd ta` gassijiet fosthom SO2 (Sulphur Dioxide), NO2 (Nitrogen Dioxide), O3 (Ozone) u CO (Carbon Monoxide). Il-livelli reġistrati jinstabu ippublikati fuq il-website tad-Direttorat (www.environment .gov.mt). Fir-rigward ta` livelli taċ-ċomb fl-arja, id-Direttorat ikkummissjona kuntratt biex jibda jsir dan il-monitoraġġ. Dan il-monitoraġġ hu mistenni li jibda f`Mejju 2002.

SABS System — System Manager

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għall-post ta' system manager (SABS System) fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali? Min huma? Min intagħżel? Xi kwalifiki għandu/għandha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għall-post ta' Systems Manager(SABS System) fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, applikaw żewġ persuni jiġifieri: Is-Sur Joseph Gatt I.D. 91470 (M) u Is-Sur Clifford Schembri I.D. 150267 (M) Intagħżel is-Sur Clifford Schembri. Minbarra li ilu jaħdem fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali mill-1986 u fil-Computer Section ta' l-istess Dipartiment mill-1991, is-Sur Clifford Schembri segwa numru ta' training courses fil-komputeriżżazzjoni u fl-amministrazzjoni.

CSA

Question

Jista' l-Ministru jispjega xi tfisser li CSA li jkollha tirreżenja minħabba mard fit-tul, biex tinsab replacement, tibqa fuq lista prijoritarja meta jiġu biex jimtlew vakanzi futuri, kif ġie stipulat permezz taċ-ċirkolari ffirmata mill-uffiċjal inkarigata mill-home help bid-data tat-23 ta' Jannar 2002? Dan ifisser li CSA li jkollha tgħaddi minn din il-proċedura malli tkun f' saħħitha terġa' tiddaħħal jew trid tistenna l-mument li d-dipartiment jagħmel sejħa biex jirrkluta l-godda? Jekk huwa l-aħħar każ iffisser li dawk li diġa għamlu xogħol ta' CSAs ikollhom jerġgħu jibdew kollox mill-biedu bħalikieku qatt ma taw servizz qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li f'każijiet fejn Assistenta Soċjali Każwali ma tkunx tista' taqdi d-doveri tagħha ma' l-anzjani għal perjodu itwal minn tlett ġimgħat, ikollha tinstab persuna oħra li tkun tista' tgħati servizz lill-istess anzjani. Meta l-Assistenta Soċjali Każwali tkun f'pożizzjoni fejn saħħitha jew iċ-ċirkostanzi tagħha jippermettulha li tirriżumi x-xogħol din tingħata preferenza fuq applikanti oħra sabiex terġa tibda taħdem bħala Assistenta Soċjali Każwali hekk kif jinħoloq l-ewwel ċans.

Labour Force Survey

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-mistoqsijiet li jiġu mistoqsija lil dawk li jiġu intervistati dwar il-labour force survey?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Labour Force Surveys jitmexxew mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika. Ghalhekk nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Esproprjazzjoni ta' Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-proċedura biex tiġi esproprjata art fil-parti ta' Triq il-Belt Valletta, ħdejn il-housing estate ta' Tal-Blat 1f'Ħal Qormi, biex permezz t'hekk tiġi imwessa' t-triq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet ma għandu l-ebda talba għall-esproprjazzjoni ta` art biex tiġi mwessa` dik il-parti tat-triq li qegħda tagħmel riferenza għaliha l-Onorevoli Membru.

Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-permessi mogħtija għal imħażen li hemm fil-parti tat-Triq il-Belt Valletta, ħdejn il-housing estate ta' Tal-Blat 1?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-proċess tad-devoluzzjoni tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju mingħand il-Pulizija għal dan il-Ministeru għadu fi stadju ta' transizzjoni, nissuggerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.