Legislature:
Category:
Reset
Active:

ATC — Pembroke

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif din il-persuna ingħatat din il-kariga fiċ-ċentru tat-taħriġ għall-adulti (ATC) ta' Pembroke meta diġa hemm lista ta' għoxrin (20) persuna oħra li kienu għamlu l-interview għal senior care worker fl-ATC's f'Settembru tat-2000, liema riżultat ħareġ fil-bidu ta' Marzu 2001, u liema lista kienet teskadi fil-bidu ta' Marzu 2002 u li minħabba dan il-posting kienet giet imblukkata l-lista msemmija hawn fuq? Għalfejn din il-kariga ma nagħatatx qabel ma skadiet din il-lista hawn imsemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-fatt ir-riżultat ta' l-intervisti li rreferiet għalihom l-Onor. Interpellanti jiskadi fil-25 ta' Mejju 2002 u mhux fil-bidu ta' Marzu 2002. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' għamel talba lill-Uffiċċju kompetenti biex jimpjega aktar Senior Care Workers mill-lista tal-kandidati li temmew b'suċċess dawn intervisti. Mhux il-każ li s-Senior Care Worker li qed taħdem fiċ-Ċentru ta' Pembroke qed timblokka l-lista msemmija.

ATC — Senior Care Worker

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif f'kull ċentru tat-taħriġ għall-adulti hemm senior care worker filwaqt li f'dak tal-Imtarfa, li jiġbor fih aktar minn mitt (100) klijent, għad m'hemmx senior care worker?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33186 f'din l-istess Seduta, ninfurmha li hemm il-ħsieb li meta tiġi l-approvazzjoni għat-talba biex jiġu mpjegati aktar Senior Care Workers, wiehed/waħda minnhom jiġu allokati fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa.

ATC — Senior Care Worker

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel ix-xogħol li suppost jagħmel is-senior care worker fiċ-ċentru tat-taħriġ għall-adulti (ATC) ta' l-Imtarfa u għaliex, s'issa, għad m'hemmx senior care worker f'dan l-ATC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 33186 u 33187 f'din l-istess Seduta.
Leg 9 PQ #33189 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ombudsman — Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ir-rakkomandazzjonijiet ta' l- Ombudsman fl-investigazzjonijiet ta' inġustizzji li saru fl-Armata u r-rimedji li rrakkomanda l-istess Ombudsman humiex jigu mplimentati mill-brigadier responsabbli mill-Armata? Jista' jgħid kemm kienu n-numru ta' rimedji mwettqa mill-brigadier u kemm kienu r-rakkomandazzjonijiet għar-rimedji mill-Ombudsman lill-brigadier? F'kaz ta' diskrepanza x'inhija r-raguni li r-rakkomandazzjonijiet ta' l-Ombudsman, uhud minnhom xorta qed jigu injorati fl-Armata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda ta’ l-Onorevoli Membru hija fl-affermattiv. Ninsab infurmat li hemm diversi rakkomandazzjonijiet ta’ l-Ombudsman rigward l-Armata li jridu jiġu evalwati flimkien, qabel jiġu implementati. Kien hemm erba’ promozzjonijiet li ġew implementati waqt li hemm erbgħa oħra fil-proċess ta’ implementazzjoni.

Wied — Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titwaqqa' l-parti tal-ħajt li hemm jimblokka l-wied ta' biswit il-fabbrika Lowenbrau f'Ħal Qormi li b'konsegwenza meta tagħmel ix-xita qed jaffettwa permezz ta' għargħar fl-area ta' Vjal de la Cruz - Ħal Qormi u l-area tal-madwar? Meta se jitlesta l-kumplament tal-progett li kien inbeda snin ilu biex tingħeleb il-problema ta' l-għargħar f'din l-area f'Ħal Qormi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Id-Direttorat għat-Toroq qed jara x'jista' jsir fl-area ndikata mill-Onor. Interpellanta.

Medigrain — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-ħaddiema impjegati mal-Medigrain meta din tigi pprivatizzata?

Response (BONNICI, JOSEF)

F'dan l-istadju ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 31846 dwar l-istess materja waqt is-Seduta numru 706.
Leg 9 PQ #33180 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti — Żurrieq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel id-dipartiment biex studenti miż-Żurrieq li jmorru l-iskola ta' Adelaide Cini ma jibqgħux jinġabru fis-6.30 a.m. u jaslu l-iskola fis-7.00 a.m., meta fil-fatt jibdew fit-7.50 a.m.?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li x-xufier tal-vettura li jġorr it-tfal miż-Żurrieq għall-iskola Adelaide Ċini fil-Ħamrun jibda l-vjaġġ siegħa qabel ma tibda l-iskola (6.45 am).
Leg 9 PQ #33181 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti — Żurrieq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel id-dipartiment biex studenti li joqogħdu in-Nigret fiż-Żurrieq ma jibqgħux jinġabru għall-iskola mill-pjazza u jimxu madwar 35 minuta bil-basktijiet fuq daharhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xufiera kemm-il darba talbu lit-tfal biex jistennew ġo Nigret, iżda t-tfal ikunu jridu jinżlu l-pjazza. Ix-xufiera nfurmaw lid-Diviżjoni li ser jibdew il-vjaġġ min-Nigret.

Toroq — Santa Venera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qamu flus u min kienu l-kuntratturi biex saru t-toroq: Kanonku Bonnici, Triq il-Ġdida f'Kanonku Bonnici, Vincenzo Buġeja, Abela, Triq il-Gdid f'Guze Pace f'Sta Venera?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħlijiet imsemmija kienu mqassma bejn 3 kuntratturi kif ġej:- Triq Kanonku Bonniċi u Triq Ġdida fi Triq Kanonku Bonniċi kienu f'idejn C.J.P Tarmac Ltd.; Triq Abela u Triq C Buġeja kienu f'idejn Polidano Bros. Ltd; Triq G. Pace u Triq Ġdida fi Triq C. Buġeja kienu f'idejn P. Agius and Sons Ltd. Ix-xogħlijiet huma stmati li ser jiġu jiswew Lm75,000.

Triq l-10 ta' Settembru — Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq l-10 ta' Settembru 1456 Ħal Qormi se tiġi mibnija għaliex illum il-bini f'din it-triq inbena kollu u għalhekk il-gvern m'għandux problema li jrid isegwi l-policy u jibni triq meta din tkun inbniet kollha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ħarġet sejħa għall-offerti biex isiru xogħlijiet f'din it-triq. Din is-sejħa għall-offerti li ġġib in-numru Adv. No. 63 ġiet ippubblikata fit-12 ta' April qabel ma saret id-domanda parlamentari, u tagħlaq fit-tlieta ta' Mejju 2002.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi każ ta' mara tqila f'industrija privat irriżulta li min-natura ta' l-impjieg tagħha b'shift bil-lejl, kienet qed isirilha ħsara lil saħħitha? Jista' jgħid jekk l-employer sabx xogħol alternattiv lil din il-mara u dan b'konformita' mad-direttiva dwar il-maternita' ta' l-Unjoni Ewropea (Seveso Directive) li l-gvern suppost ikkonforma magħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol ġiet mitluba tintervjeni f'każ wieħed fejn, wara l-investigazzjonijiet tagħha u wara li ġew mogħtija ordnijiet lil min iħaddem, l-Awtorita' kienet sodisfatta li l-provedimenti relevanti kif kontemplati fil-liġi kienu qed jiġu osservati.
Leg 9 PQ #32906 Sitting 730 2002-05-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Central Bank

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif fir-rapport annwali għas-sena 2001 tas-central bank fuq paġna 35 fejn intqal: unemployment is expected to edge up slightly in 2002 imbagħad fuq paġna 34 f'tabella 2.9 - outlook for selected economic indicators fir-rigward ta' l-item unemployment rate tingħata l-istatistika: 2000 = 5.0 2001 = 5.1 2002 = 5.0 - 5.5, meta r- range propettiv li ingħata jibda minn 5.0% meta dan jiġi saħansitra anqas mir-rata ta' qgħad għas-2001?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istimi tal-Banl Ċentrali jingħataw bħala medda ta' valuri, minħabba li jista' jkun hemm varjazzjoni. F'dan il-każ, ir-rata tal-qgħad kienet mistennija tvarja minn 5% sa 5.5%, iżda l-medja kienet ta' 5.25%. Kien għalhekk li l-Bank bassar żieda żgħira fir-rata tal-qgħad.
Leg 9 PQ #32907 Sitting 730 2002-05-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Central Bank

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif it-tabella 1.2 average exchange rate of the euro, sterling, and the yen against the us dollar 2001 li deheret fl-annual report 2001 tas-central bank fuq paġna 22, fir-rigward tal-percentage appreciation (+)/depreciation (-) of the currency vs the dollar from closing rate on 29.12.00 to closing rate on 31.12.01, fil-kolonna yen/uss qed turi li l-yen apprezza b'14.3 % kontra d-dollaru meta fil-fatt id-dollaru fis-sena inkwistjoni apprezza kontra ħafna minnhom fosthom il-yen?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2001 il-Yen iddgħajjef b'14.3% kontra d-dollaru Amerikan. Għaldaqstant il-figura li kellha tidher f'Tabella 1.2 hija -14.3%.
Leg 9 PQ #32908 Sitting 730 2002-05-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Central Bank

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema eżerċizzju l-bank ċentrali jaħdem u jippublika l-istatistika tal-qagħad? Jekk hux l-istess eżerċizzju tal-National Statistics Office? Jista' jgħid għaliex kuntrarjament għal tabelli oħra fl-annual report 2001 tal-bank ċentrali, it-tabella 2.9 - outlook for selected economic indicators fuq paġna 34 m'għandiex mill-liema sors qed tiġi ppublikata l-informazzjoni? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-eżerċizzju komplet li fuqha nħadmet it-tabella 2.9?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-figuri dwar il-qgħad ma jinħarġux mill-Bank Ċentrali. Fl-aħħar Rapport Annwali tiegħu, l-Bank ippubblika l-figuri tal-qgħad li nħarġu mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Tagħriġ u kkummenta wkoll dwar il-Labour Force Survey li l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika ħareġ aktar kmieni matul is-sena. Fil-waqt li l-figuri li jidhru fl-aħħar żewġ kolonni ta' Tabella 2.9 huma stimi tal-Banl Ċentrali, l-figuri l-oħra, li huma marbuta mas-sena 2000, huma bbażati fuq il-figuri li nħarġu mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika u l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Fil-parti l-kbira tagħhom dawn il-figuri jidhru wkoll f'Tabella 2.2, 2.3, 3.2 u 4.1, u f'chart 2.3, fejn jingħataw ukoll is-sorsi ta' dawn il-figuri. Ir-referenza għal dawn is-sorsi naqbel li kellha tidher f'Tabella 2.9. L-istimi tal-Bank Ċentrali huma bbażati fuq il-mudell ekonometriku tal-Bank, li deher fil-ħarġiet ta' Settembru u Diċembru 1996 tar-Rivista ta' Kull Tliet Xhur tal-Bank Ċentrali.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fondi nri. 1 u 11 Ħal Luqa Ħal Farruġ li ħareġ għall-offerti fil-gazzetta tal-gvern nru. 17,172 bid-data tas-7/12/01, ġewx allokati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma kien hemm ebda offerta għall-fond numru 1, Ħal Farruġ, Luqa, u għalhekk dan il-fond ma ġiex allokat. Il-fond numru 11, Ħal Farruġ, Luqa, ġie mibjugħ b'kuntratt fit-2 ta' Jannar 2002.
Leg 9 PQ #32843 Sitting 729 2002-04-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għal Għawdex

Universita' — Xarabank Express miċ-Ċirkewwa għall-Universita

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ikun servizz ta' trasport pubbliku limitat, jiġifieri xarabank waħda 'express' miċ-Ċirkewwa għall-Universita', kull nhar ta' Tnejn filgħodu partikolarment? Peress li qed jitħallew għadd kbir ta' studenti universitarji ċ-Ċirkewwa bil-konsegwenza li jaslu tard għal-lectures, peress li l-istess ċirkostanza seħħet fil-perjodu ta' l-eżamijiet ta' -Universita' bil-konsegwenza serja li studenti waslu biss ħames minuti qabel jibda l-eżami meta saħansitra kienu diġa tqassmu l-karti, meta suppost skond ir-regolamenti ta' l-Universita' l-istudenti jridu jkunu f'posthom min kwarta qabel u peress li lanqas dispatcher ma ssib fuq il-post biex jitwassal l-ilment, tista' l-Ministru tara li ssir xi ħaġa biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill­Onorevoli Interpellant jagħmel din il­mistoqsija lill­Ministru konċernat.

Qrati Barranin — Ambaxxata Maltija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 32137 u cioe, jista' l-Ministru jgħid jekk bejn 1-1 ta' Jannar 1999 u l-31 ta' Diċembru 2001 kienx hemm xi proċeduri fil-qrati barranin kontra xi ambaxxata Maltija, mibdijin minn ex-impjegati lokali li kienu tkeċċew? Jekk iva, liema kienu l-ambaxxati u kemm-il każ hemm b'kollox? Jekk f'dawn il-każi l-ambaxxata Maltija jew il-Gvern Malti ġew ikkundannati iħallsu xi somom ta' flus lill-ex impjegati, u jekk iva x'kienet f'kull każ din is-somma? Fil-każ jista' jgħid jekk il-Gvern Malti ħallasx din is-somma jew jekk hux qiegħed jikkontesa jew jappella minn dawn id-deċiżjoni jew deċiżjonijiet? Jekk għadu ma ħallasx, saru xi rappreżentazzjonijiet mill-Gvern barrani biex il-Gvern malti jħallas?

Response (BORG, JOE)

Bejn l-1 ta' Jannar 1999 u l-31 ta' Diċembru 2001 ma nbdew ebda proċeduri fil-qrati barranin kontra xi ambaxxata Maltija minn ex impjegati lokali. Ta' min wieħed isemmi, pero, li matul dan il-perjodu kien hemm iżda żewġ każijiet ta' żewġ impjegati li tkeċċew mill-ambaxxata Maltija f'Ġinevra għaddejin bi proċeduri quddiem it-Tribunal Industrijali (Juridiction Des Prud'Homme) liema proċeduri kienu bdew waħda f'Ottubru 1996 u l-oħra f'April 1998. Fl-ewwel każ it-Tribunal iddeċieda li l-impjegata tingħata kumpens ta' SF15,075.60 (madwar LM4,100.64) u fit-tieni każ kumpens ta' SF31,478.20 (madwar LM8,562.23). Il-Ministeru ħallas l-ammont ta' SF25,400 (madwar LM6,908.93) iżda għad hemm xi kwistjonijiet pendenti dwar dan il-ħlas. Dan il-punt tqajjem matul żjara uffiċċjali li jien għamilt f'Berna f'Novembru 2001, u għaddejja korrispondenza uffiċċjali bil-għan li tinstab soluzzjoni aħħarija.
Leg 9 PQ #32901 Sitting 729 2002-04-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għal Għawdex

Servizz Pubbliku

Question

B'referenza għall-PQ 27774 u 28656, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu nies fi grades industrijali mal-gvern u f'liema gradi minn Settembru 1998 sal-lum, sena b'sena, fis-servizz pubbliku kif ukoll f'entitajiet oħra bħal korporazzjonijiet u kumpanniji tal-gvern eċċ. entita', entita'?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma ġewx ingaġġati nies ġodda fi gradi industrijali minn Settembru 1998 sallum mid­dipartimenti li jaqgħu taħt il­Ministeru għal Għawdex.