Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #349 Sitting 782 2002-09-16 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

St. Venera — Skola Sekondarja

Question

B'riferenza għal kwot. nru. CWQ 1/02 u kwot. nru. CWQ 2/02 ippublikati fil-gazzetta tal-gvern bid-data 5/2/02 dwar xogħlijiet ta' servizzi u alterazzjoni fl-iskola sekondarja tas-subien San Franġisk ta' Assisi, St. Venera, jista' jgħid x'inhuma x-xogħlijiet imsemmija, jekk dawn inbdewx, jew tlestewx u jekk ma tlestewx meta se jitlestew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm ħames proġetti għaddejjin fuq din l-iskola, li huma: * Bini ta' ħames klassijiet ġodda * Xogħol ta' manutenzjoni fuq klassijiet oħrajn * Għamara għal-laboratorju tal-Home Economics ġdid * Għamara għal-laboratorju tal-Physics ġdid * Xogħol fuq faċilitajiet ta' toilets, li jinkludi bini ta' tmien units ġodda Informat ukoll li x-xogħol ta' bini u manutenzjoni tal-klassijiet kważi tlesta. Ix-xogħol li baqa' huwa minuri u kollox ser ikun lest sa l-aħħar ta' Settembru 2002.

Luqa — Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa

Question

B'riferenza għall-avviż nru. 54 imxandar fil-gazzetta tal-gvern tat-18 ta' Marzu 2002 dwar xogħlijiet tat-toroq fi Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa, Ħal Luqa, x'inhuma dawn ix-xogħlijiet, ġewx mibdija jew tlestewx, jekk ma tlestewx meta se jitlestew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta kien jikkonsisti f'tiswija ta' partijiet fil-wiċċ ta' din it-triq u fil-fatt dan ix-xogħol ta' resurfacing tlesta' fil-31 ta' Mejju 2002.

St. Venera Bypass

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux l-ispezzjonijiet, ir-rapport u ġiex propost ix-xogħol ta' tiswija fuq il-pont tal-bypass ta' St. Venera/il-Marsa (Ħal Qormi) BRG 080, kif imħabbar mill-gazzetta tal-gvern tat-18/3/02. X'xogħol ġie propost li għandu jsir? Beda dan ix-xogħol? Meta se jitlesta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq ħareġ sejħa għall-offerti biex dan il-pont jiġi spezzjonat u fil-preżent qiegħed jivvaluta l-offerti li ntefgħu biex jista' jqabbad perit biex jagħmel dan ix-xogħol.
Leg 9 PQ #353 Sitting 782 2002-09-16 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għal Għawdex

Vapur t'Għawdex

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk tneħħiex is-sussidju minn fuq il-biljetti tal-vapur għal dawk ir-residenti Maltin li għandhom familjari f'Għawdex? Jekk iva għaliex? Jekk le lil min qed jingħata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Is­sussidju fuq il­biljetti tal­vapur għal dawk ir­residenti Maltin li għandhom familjari f'Għawdex għadu fis­seħħ. Il­persuni ntitolati għall­pass huma dawk li jgħixu Malta iżda għandhom il­ġenituri, nanniet, u/jew aħwa li twieldu u jgħixu Għawdex. L­ispouses u l­ulied tal­persuni li għandhom nieshom jgħixu Għawdex huma ntitolati għall­pass meta l­familjari Għawdxin huma l­ġenituri jew in­nanniet tal­persuna li ġiet tgħix Malta.
Leg 9 PQ #354 Sitting 782 2002-09-16 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

BA EDUC

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gradwati tal-kors tal-BA Educ hux se jiġu impjegati kollha mill-gvern? Jekk le kemm huwa n-numru ta' għalliema ġodda li se jimpjega minn dawn il-gradwati?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-proċess ta' l-għażla għadu mhux uffiċċjalment konkluż, għadu kmieni biex nagħti t-tagħrif mitlub.

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet tal-pulizija li jdoqqu fil-banda tal-pulizija, jiġifieri mill-att ta' siegħat ta' xogħol, duties oħra barra dan l-impenn, allowances eċċ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Membri tal-Korp tal-Pulizija, jaħdmu tmien sigħat xogħol kull ġurnata u huma ntitolati għal ġurnata mistrieħ wara ħames t`ijiem. Il-maġġor parti jaħdmu bix-xift skond il-ħtiġijiet tat-Taqsima fejn ikunu stazzjonati. Hemm oħrajn li jaħdmu fl-uffiċini, u dawn jaħdmu mit-Tnejn sal-Ġimgħa u jkollhom is-Sibt u l-Ħadd mistrieħ. Dawk il-Membri tal-Korp, taħt ir-rank ta` Spettur huma wkoll intitolati għall-ħlas tas-sigħat żejda li jaħdmu. Dawk il-Membri tal-Korp li jkunu stazzjonati f`Taqsimiet Speċjalizzati, kif ukoll dawk li jkollhom kwalifiki universitarji, jingħataw allowance.

Qormi — Triq il-Mitħna

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux pjanat l-installazzjoni ta' faċilitajiet fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi, biex in-nies tkun tista' taqsam din it-triq traffikuża b'mod sigur, bħal per eżempju traffic lights etc?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku ma rċieva l-ebda rikjesta minn għand il-Kunsill Lokali fuq dan il-każ.

Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema u impjegati li jkunu qed jaħdmu fuq xogħlijiet fuq barra humiex jingħataw faċilitajiet ta' per eżempju mobile toilets, fejn jaħslu idejhom u fejn jieklu u dan fil-kuntest tal-politika favur is-saħħa u s-sigurta' tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol? Min hu jew huma nkarigati mis-safety ta' dawn il-ħaddiema fuq dawn il-lantijiet tax-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-postijiet fejn isir ix-xogħol mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet ivarjaw ħafna kemm fil-kobor tax-xogħol fiż-żmien li jieħdu, kif ukoll fin-numru ta' ħaddiema li jkunu fuq il-lant. Minħabba f'hekk il-faċilitajiet li ssemmew mill-Onorevoli Interpellant mhux dejjem li jkun hemm bżonnhom kollha. Fi proġetti ta' ċerta entita' u żmien fit-tul, il-faċilitajiet imsemmija ġeneralment ikunu provduti. F'każi oħra ssir evalwazzjoni taċ-ċirkostanzi u jittieħdu l-miżuri neċessarji. Dawn il-miżuri jinkludu arranġamenti ma' Kunsilli Lokali, entitajiet Governattivi jew Parastatali, biex il-ħaddiema jinqdew bil-faċilitajiet li jkollhom dawn l-entitajiet. Bħalissa d-Diviżjoni qed tagħmel eżerċizzju biex isir upgrading tal-faċilitajiet mobbli li diġa' għandna u biex jinxtraw oħrajn ġodda. Għalkemm il-ħaddiem innifsu għandu jara li s-sigurta' tiegħu titħares, fuq kull lant ikun hemm uffiċjali tekniċi jew professjonali li jkunu responsabbli minn dak ix-xogħol. Din ir-responsabbilta' tinkludi s-saħħa u s-sigurta' tal-ħaddiema. Ma' dan inżid li d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet għandha unit li tieħu ħsieb is-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol. L-Ispetturi ta' dan il-unit jagħmlu spezzjonijiet regolari fuq lantijiet tax-xogħol u jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lid-Direttur tad-dipartiment konċernat. Inkompli nżid li f'Mejju 2002 id-Diviżjoni ħarġet dokument ta' policy dwar is-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol kif ukoll statement ta' policy li qed jiġi ffirmat mid-Direttur Ġenerali u d-diretturi u mill-ħaddiema.

SVDP — Boiler

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux vera li f'SVDP hemm boiler li ilu madwar sena li m'għadux jiffunzjona? Għaliex ma jaħdimx? Se jissewwa jew se jinbidel? X'inhi l-ispiża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-boiler indikat ilu jaħdem għal dawn l-aħħar 25 sena u d-Dipartiment ħass il-ħtieġa li jinvesti fuq boiler ġdid b'kapaċita' ikbar. Peress li x-xogħol qiegħed fi stadju ta' Tender, mhux il-każ li tingħad l-ispiża.

Qormi — Triq l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li fi Triq l-Imdina Ħal Qormi fil-parti kantuniera ma' Triq Santa Katerina 'l isfel, hemm katusi miżdudin? Jekk iva, jista' jara li tiġi rranġata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta u l-Kunsill Lokali ma rċievew l-ebda lment mir-residenti f'dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #35196 Sitting 782 2002-09-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

MFSC

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament għandhiex il-permessi meħtieġa ta' l-MFSC biex taħdem fil-kumpannija ta' l-insurance li d-dettalji tagħha wkoll qed jidhru separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mir-records tal-MFSC, ma jirriżultax li d-ditta ndikata għandha xi liċenzja taħt l-Att ta' l-1998 dwar il-Kummerċ ta l-Assigurazzjoni jew taħt l-Att ta' l-1998 dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji oħra. Iżda, fl-indirizz ta din id-ditta kif indikat mad-domanda, jirriżulta' li fil-fatt hemm individwu, li huwa liċenzjat sabiex jaġixxi bħala sott-aġent (sub-agent) fl-assigurazzjoni għal kumpannija (oħra) li tinsab debitament awtorizzata'. Jirriżulta wkoll li fit-tieni ndirizz indikat hemm individwu ieħor - b'isem differenti, li huwa liċenzjat sabiex jaġixxi bħala sotto-aġent fl-assigurazzjoni għall-kumpannija debitament awtorizzata'.

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjonijiet saru fil-konfront ta' persuna barranija li isimha qed jintbagħat separatament li tgħix Malta, taħdem illegalment f'Malta, tidħol u toħroġ minn pajjiżna x'ħin trid, u ilha tagħmel dan mhux anqas minn erba' snin? Dan m'huwiex każ ċar ta' tkeċċija ta' din il-persuna straniera li ilha sew tabbuża mill-liġijiet tal-pajjiż?

Response (BORG, TONIO)

M`għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 33998.
Leg 9 PQ #34176 Sitting 759 2002-06-19 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33189 datata 6 ta' Mejju 2002, nixtieq nistaqsi lill-Ministru biex jgħidilna kemm kienu s-suldati fil-forzi armati ta' Malta li l-Ombudsman irrakomanda biex tiġi maħduma il-promozzjoni tagħhom b'effett mill-1 ta' Jannar 2001. Jista' jgħidilna għaliex dan id-dewmin kollu biex dawn is-suldati jinataw il-promozzjoni mistħoqqa meta d-deċizjoni ta' l-Ombudsman ilha li intbattet mis-7 ta' Marzu 2002, u huwa minnu li qegħdin joħorġu promozzjonijiet fi żmien sitt xhur waħda b'effett mill-1 ta' Jannar 2002 u l-oħra mill-11 ta' Mejju 2002?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li sad-data tal-mistoqsija kien hemm total ta’ tlettax (13)-il rakkommandazzjoni mill-Ombudsman biex tiġi maħduma l-promozzjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001. Disgħa minn dawn ġew implementati waqt li erbgħa oħra qed jiġu kkunsidrati. Hemm numru ta’ każi oħra fil-proċess ta’ evalwazzjoni. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, kien hemm każ wieħed ta’ individwu li kkwalifika bħala “Aircraft Maintenance Engineer”, u għaldaqstant kien eliġibbli għal promozzjoni sa “Warrant Officer II” fi żmien sentejn mid-data li kiseb din il-kwalifika.

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati probation officers in konnessjoni ma' l-aħħar applikazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li in konnessjoni ma` l-aħħar applikazzjoni kienet ġiet impjegata Probation Officer waħda peress li l-persuna l-oħra li kienet ser tiġi mpjegata bħala Probation Officer għażlet li tibqa` taħdem fl-istess impjieg li kellha.

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet l-aħħar applikazzjoni sabiex jiġu mpjegati probation officers?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet sabiex jiġu impjegati Probation Officers/Trainee Probation Officers kienet ġiet pubbikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-18 ta` Awissu 2000. Pero` kif jirriżulta mir-risposta li għadni kif tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 33982 f`din l-istess Seduta, diġa` nbdiet proċedura biex tinħareġ sejħa oħra.

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-universita' li qegħdin isegwu l-kors li jwassal għad-diploma in probation services?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm ħames (5) studenti li qed isegwu l-kors li jwassal għad-diploma in Probation Services.

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjonijiet saru fil-konfront tal-persuna li isimha qed jintbagħat under separate cover li tgħix u taħdem f'Malta, tidħol u toħroġ minn pajjiżna x'ħin trid, u ilha tagħmel dan għal mhux anqas minn erba' snin? Huwa l-każ li din il-persuna stranġiera titkeċċa minn Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellanti tinsab fuq liberta proviżorja fi proċeduri kriminali li hemm pendenti fil-konfront tagħha quddiem il-Qorti. Waħda mill-kundizzjonijiet tal-liberta` proviżorja hija li ma tistax tħalli dawn il-Gżejjer jekk mhux bl-awtorita` tal-Qorti. Infurmat ukoll illi f`dawn il-proċeduri kriminali hemm ukoll talba sabiex f`każ ta` ħtija din il-persuna titkeċċa minn Malta.

Ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-probation li qed jaħdmu fil-preżent mad-dipartiment tas-servizzi korrettivi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent in-numru ta` uffiċjali tal-probation li qed jaħdmu mad-dipartiment tas-Servizzi Korrettivi hu ta` żewġ Senior Probation Officers, u tminn Probation Officers. Ninsab infurmat ukoll li waħda mill-Probation Officers qegħdha barra minn Malta fuq study leave, filwaqt li Probation Officer oħra hija mislufa lid-Dipartiment tal-Pulizija.

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm probation officers fi ħdan il-probation services?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 33977 f`din l-istess Seduta.

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-probation officers preżenti humiex jilħqu l-iskopijiet li għalihom twaqqfet il-liġi l-ġdida tal-probation u jekk le x'biħsiebu jagħmel il-ministru sabiex l-effiċjenza li hi indikata fil-liġi tiġi milħuqa?

Response (BORG, TONIO)

Il-liġi l-ġdida tal-probation għadha ma ġietx fis-seħħ. L-Onor. Interpellanti tapprezza li wieħed ma jistax jagħmel ġudizzju dwar jekk il-probation officers preżenti humiex jilħqu l-iskopijiet li għalihom twaqqfet il-liġi ġdida. Dan għax kif qed tindika l-istess mistoqsija l-liġi l-ġdida hija mistennija żżid l-effiċjenza, apparti li l-introduzzjoni ta` servizz ġdid, ossia s-Servizz fil-Kommunita`, jeħtieġ ċertu preparamenti. Biex din il-liġi ġdida tkun effettiva, hija meħtieġa ukoll il-kooperazzjoni, ta` fost l-oħrajn, il-Pulizija, il-Qrati, ċerti NGO`s u l-pubbliku in ġenerali. Għaldaqstant għadu prematur li tingħata risposta dettaljata f`dan l-istadju.