Jista' l-Vici Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali jgħid liema kienu dawk l-NGOs li din is-sena ġew megħjuna mill-Gvern permezz ta' għotja ta’ flus jew inkella permezz ta' servizzi oħra? X'ħadu u kemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.
X'servizzi qed jingħataw mill-Aġenzija Access fil-Kottonera fil-komunita'? Min qiegħed jieħu ħsieb din l-Aġenzija? Kemm hemm persuni li qed jaħdmu fl-Access u fuq liema programmi? X'taħriġ u / jew kwalifiki għandhom dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li r-risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Liema aġenzija jew enti tieħu ħsieb il-Programm Formula One? Kemm-il klijent li qed jingħata dan il-programm? Kemm hemm staff allokat għal dan il-programm? X'taħriġ u/jew kwalifiki għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li r-risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Xi programm qed jingħata lil persuni b'diżabilita' li qegħdin fl-inizjattiva tas-supported living? Kemm hemm persuni b'diżabilita' fis-supported living? Kemm hemm staff li jagħtu l-appoġġ lill-persuni b'diżabilita'? X'taħriġ u / jew kwalifiki għandu s-supporting staff?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-programm tal-persuni b’diżabilita’ hu bbażat fuq Person Centred Planning, fejn il-persuna, flimkien ma’ oħrajn sinifikanti f’ħajjitha, tiġi mgħejjuna tfassal dak li tixtieq tikseb f’ħajjitha u l-mod kif tilħaq dawn l-għanijiet. Il-programm jista’ jinkludi opportunitajiet ta’ xogħol jew servizzi ta’ matul il-jum, taħriġ f’daily living skills u xogħol fid-dar, parteċipazzjoni f’attivitajiet li l-persuna tkun tixtieq tieħu sehem fihom, eċċ.
Ninsab infurmat li l-Aġenzija Sapport bħalissa tipprovdi servizz residenzjali lil 25 persuna b’diżabilita’ kif ukoll numru ieħor li qiegħdin fi stadju ta’ tranżizzjoni. L-Aġenzija tagħti wkoll servizz ta’ sapport lil numru ta’ persuni b’diżabilita’ li jgħixu fil-komunita’ inkluż servizz ta’ social work.
L-Aġenzija għandha 28 Support Worker full-time u 17 part-time li jaħdmu fis-servizz residenzjali u 3 Support Workers full-time u 10 part-time li jipprovdu servizz fil-komunita’. Barra dawn hemm numru ta’ Supervisors u Professional Support Workers li jgħinu fit-tfassil ta’ programmi, tmexxija tar-residenzi u taħriġ ta’ l-impjegati.
Is-Support Workers għandhom ‘O’ level standard fil-Malti u fl-Ingliż jew mill-anqas sena esperjenza fil-qasam tad-diżabilita’ jew ikunu attendew għall-kors ta’ Support Worker mogħti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Il-Professional Support Workers għandhom kwalifiki ta’ livell terzjarju fil-psikoloġija, nursing jew suġġetti oħra relatati mal-qasam. L-impjegati jiġu mogħtija taħriġ dwar Crisis Prevention Intervention biex jippreparhom jaħdmu ma’ persuni b’challenging behaviour, taħriġ dwar proċeduri u policies ta’ l-Aġenzija u taħriġ ieħor skond il-bżonn.
Edukazzjoni — Fondi - Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol
Question
Kemm intefqu fondi fuq edukazzjoni u tkabbir ta' kuxjenza favur is-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol kull sena mill-1995 sal-lum mill-entitajiet relevanti fi ħdan il-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol ma żżommx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fejn jirrigwarda entitajiet jew Dipartimenti oħra Governattivi.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fejn jirrigwarda l-Awtorita’ mis-sena 2002 meta l-provedimenti kollha tal-liġi relevanti, minbarra dawk li jirrigwardaw il-Bord ta’ l-Awtorita’, daħlu fis-seħħ. Ta min jgħid li l-maġġor parti tal-fondi minfuqa fis-sena 2002 ġew mill-Unjoni Ewropea.
Peress li l-istatistika uffiċjali turi li l-aktar postijiet tax-xogħol milquta minn inċidenti fuq il-post tax-xogħol huma fl-industrija tal-manifattura, dik tal-kostruzzjoni u fit-tarznari, x'inizjattivi partikulari qed tieħu l-Awtorita' tas-Saħħa u s-Sigurta' biex tindirizza din il-problema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fiż-żmien relattivament qasir li ilha mwaqqfa l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol ħadmet biex tqajjem aktar għarfien dwar il-ħtieġa ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurta’ fuq ix-xogħol, biex teduka u twassal kull informazzjoni dwar is-suġġett lil dawk li għandhom xi rwol f’dan il-kamp, biex tippromwovi t-taħriġ u biex tara li jkun hawn qafas legali effettiv li jirregolamenta s-suġġett.
L-Awtorita’ ħadet diversi inizjattivi biex tippubblika u twassal gwidi li jindirizzaw aspetti speċifiċi fosthom dwar l-armar għall-bini, l-użu ta’ l-asbestos, xogħol fi spazji ristretti, xogħol ta’ skavar, użu ta’ krejnijiet, użu ta’ fork lifters u l-użu ta’ sustanzi perikolużi. Għal dak li jirrigwarda speċifikament is-settur tal-kostruzzjoni, l-Awtorita’ qed tniedi sensiela ta’ korsijiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema f’dan is-settur b ‘kollaborazzjoni mal-Building Industry Consultative Council. Flimkien ma’ l-istess Kunsill, l-Awtorita’ bdiet inizjattiva msejjħa Safety Bus, fejn uffiċjali ta’ l-Awtorita’ jduru siti ta’ kostruzzjoni, jittieħdu videos ta’ prattiċi ħżiena ta’ xogħol biex wara jintwerew lill-ħaddiema u jiġi spjegat lilhom kif seta’ sar ix-xogħol mingħajr periklu. L-Awtorita’ organiżżat ukoll erba’ seminars li kienu jkopru dawn is-suġġetti:
· evalwazzjoni tar-riskju;
· l-użu ta’ makkinarju u nġenji fuq ix-xogħol;
· is-saħħa u s-sigurta’ fis-settur tal-kostruzzjoni; u
· s-saħħa u s-sigurta’ waqt manifatturar ta’ logħob tan-nar.
L-Awtorita’ pproduċiet wkoll awareness spots li xxandru fuq il-meżżi tax-xandir.
Barra minn dan, kull sena, l-Awtorita’ qed torganiżża Ġimgħa Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol li tkun tittratta dwar suġġett speċifiku. Din is-sena, is-suġġett ser ikun dwar sustanzi perikolużi u s-sena d-dieħla ser ikun dwar is-settur tal-kostruzzjoni.
Biex tibni l-kapaċita’ u taqdi d-doveri tagħha, inkluż l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni u r-regolamenti dwar is-suġġett, l-Awtorita’ ipparteċipat fi twinning project flimkien ma’ l-Awtoritajiet dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol Ingliżi u Irlandiżi. Dan il-proġett, li sewa 700,000 Euro, ġie ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-istess ħin l-Awtorita’ kompliet tinvesti fit-taħriġ ta’ l-impjegati tagħha li wħud minnhom ħadu taħriġ anki barra minn Malta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna li mietet fuq il-post tax-xogħol kienet impjegata fid-Dipartiment tad-Drenaġġ skond is-snin, u dan fil-perjodu li jeżistu r-records? X'kien il-kumpens li ngħata lill-familja rispettiva ta' dawn il-vittimi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mir-records li għandha l-Awtorita’ dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol dwar inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol, liema records imorru lura sas-sena 1994, kien hemm tliet inċidenti fatali ta’ mpjegati mad-Dipartiment indikat mill-Onor. Interpellanti li ġraw kollha fl-2000.
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-aħħar parti tal-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kif gabbana li kienet mikrija mid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex minnha jinbiegħu l-minerali u xi ikel ħafif, biddlet l-attivita' kummerċjali tagħha u saret tinnegozja fir-real estate mingħajr il-permessi tad-Dipartiment ta' l-Artijiet?
Billi saru diversi rapporti, anke bil-miktub, lill-Enforcement Section ta' dan l-istess dipartiment, fuq din il-gabbana li qiegħda fil-playing field fir-Rabat Għawdex u s'issa għadhom ma ttieħdu l-ebda passi, jista' jgħid meta d-Dipartiment ta' l-Artijiet se jagħmel xogħlu u jieħu l-passi neċessarji skond il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li saru rapporti verbali jew bil-miktub lill-Enforcement Section tad-Dipartiment tal-Artijiet rigward il-bidla ta` l-attivita` kummerċjali li saret fil-gabbana li hemm mikrija fil-playing field tar-Rabat, Għawdex.
Id-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu u se jieħu l-passi neċessarji li hemm bżonn, skond il-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex minkejja d-diversi rapporti li saru ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar din ma ħarġitx enforcement notices liż-żewġ aġenziji tar-real estate, Xik services u Gozo charms fir-Rabat Għawdex?
Jaf li dawn iż-żewġ aġenziji qed joperaw mingħajr permess u lanqas biss ma kellhom applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qabel dawn bdew l-attivita' tan-negozju tagħhom?
Billi lanqas il-bini eżistenti minn fejn qed joperaw dawn iż-żewġ aġenziji tar-real estate m'huma konformi mar-regolamenti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, meta se jittieħdu l-passi neċessarji skond il-liġijiet tal-pajjiż?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li r-rapporti li saru rigward l-aġenziji tar-Real Estate, Xik Services u Gozo Charms fir-Rabat, Għawdex ġew investigati minn uffiċċjali ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Irid jingħad li kien hemm bżonn ċertu żmien sakemm instabu l-permessi oriġinali taż-żewġ siti.
Mir-riċerki li saru nstab li fiż-żewġ każi kien hemm żvilupp li ma kienx kopert bil-permessi meħtieġa.
Għaldaqstant inbdew proċeduri t’’ infurzar li jkopru l-irregolaritajiet kollha. Avviż ECF572/03 inħareġ fil-konfront ta’ Gozo Charms u Avviż ECF573/03 inħareġ fil-konfront ta’ Xik Services.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 308 dwar pazjenti li jdumu x-xhur jistennew il-hearing aids, jista' il-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba? X'inhi r-raġuni li hemm min ilu 'il fuq minn tmien xhur jistenna l-hearing aids? Kemm hemm minn dawn il-pazjenti u kemm ilhom jistennew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li, tlett "requisitions" għal tipi differenti ta' Hearing aids għall-kbar saru mill-Audiology Unit ta' L-isptar San Luqa f'dawn id-dati: 26 ta' April 2002, 26 ta' April 2002 u 4 ta' Mejju 2002.
Infurmat ukoll li l-ewwel konsenja ta' hearing aids mistennija tasal għand l-aġenti bejn ġimgħatejn u tliet ġimgħat oħra.
Sal-lum hemm 130 każ ġdid jistennew il-hearing aid.
Hekk kif jaslu il-hearing aids fl-Audiology Unit, il-pazjenti jiġu notifikati mill-aktar fis biex jingħatawlhom dawn l-instrumenti.
Kemm għandha enforcement officers l-Awtorita' tas-Saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol? Kemm-il spezzjoni saret fuq il-postijiet tax-xogħol mill-1998 s'issa sena b'sena u kkategoriżżata skond it-tip ta' post tax-xogħol? Kemm fil-fatt saru spezzjonijiet fuq lanijiet tal-kostruzzjoni? Kemm-il spezzjoni saret fuq makkinarju eċċ, bħal per eżempju fuq tower cranes?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-preżent l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol għanda 14-il persuna maħtura bħala Uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol li jagħmlu spezzjonijiet f’postijiet tax-xogħol.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament ta’ l-informazzjoni mitluba mis-sena 2002 meta l-provedimenti kollha tal-liġi relevanti, minbarra dawk li jirrigwardaw il-Bord ta’ l-Awtorita’, daħlu fis-seħħ.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm mietu persuni vittmi ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol rispettivi tagħhom, mill-1995 sal-lum, sena b'sena u skond il-post tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Kemm hemm persuni li qed jgħixu bl-għajnuna soċjali? Kemm hemm familji jiddependu minn dan u kemm għandhom tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm 7,555 persuna li qed tirċievi xi forma ta’ Għajnuna Soċjali. Peress li n-numru ta’ persuni u tfal fil-familja mhux wieħed mill-kriterji biex titħallas din l-Għajnuna, ma tinżammx statistika mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux involut fl-arranġamenti ta' dawk li qed jissejħu dream holidays għat-tfal russi biex jinġabu minn familji Maltin għal xi ġimgħat? Jekk iva, b'liema mod hu involut?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qieghda tingabar u risposta ser tinghata f'xi Seduta ohra.
Jaf il-Ministru li fi Triq il-Wied Ħal Qormi hemm leak tad-drenaġġ? X'qed jagħmel id-dipartiment biex isolvi din il-problema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fi Triq il-Wied, Ħal Qormi m'hemm l-ebda leakage tad-dranaġġ, iżda meta tagħmel ħafna xita ikun hemm overflow f'Valletta Road, (quddiem Zammit Nurseries) u din l-overflow tibqa' niżla għal ġo Triq il-Wied.