Jaf il-Ministru li l-pumping station ta' l-ilma f'Wied is-Sewda qed terġa' twaddab ilma barra fil-wied bil-konsegwenza li fi Triq il-Wied u fi Triq il-Blata Ħal Qormi l-ilma jibqa' għaddej għal ġranet sħaħ? Għaliex? X'qed jagħmel jew x'se jagħmel il-gvern biex dan l-inkonvenjent jieqaf?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Onor Ministru jgħid kemm applikaw studenti biex jidħlu fl-MCAST, Higħer Secondary School, Junior College u f'xi istituzzjoni edukattiva oħra post-sekondarja (statistika skond l-istituzzjoni)? Kemm minnhom ġew aċċettati u kemm minnhom ġew irrifjutati u r-raġuni għaliex ma ġewx aċċettati?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kemm hawn ħaddiema f'Malta jgħixu bil-paga minima? Kemm minnhom huma familji? Kemm hemm tfal jiddependu minn dan il-income?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mit-tagħrif li joħroġ mill-Labour Force Survey ta' Marzu 2003 jidher li n-numru ta' kapijiet ta' familja (u allura n-numru ta' familji) li qed jaqilgħu paga minima jew inqas huwa ta' 2369.
In-numru ta' tfal bejn l-etajiet tat-twelid u ta' tmintax-il sena u li jgħixu f'familji fejn il-kap tal-familja jaqla’ / taqla’ il-paga minima jew anqas huwa ta' 1,487.
Naturalment fil-maġġoranza ta’ dawn il-każi dan id-dħul hu supplimentat bi dħul ieħor kemm minn xogħol part-time u kemm minn benefiċċji soċjali.
X'servizzi qed jingħataw mill-Aġenzija Access fil-Kottonera fil-komunita'? Min qiegħed jieħu ħsieb din l-Aġenzija? Kemm hemm persuni li qed jaħdmu fl-Access u fuq liema programmi? X'taħriġ u / jew kwalifiki għandhom dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Aċċess mhux Aġenzija iżda kumpless immexxi minn bord ta’ diretturi maħtur mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u management committee kompost minn rappreżentanti tad-diversi entitajiet li joperaw fil-kumpless. L-Aġenzija Appoġġ hi responsabbli mit-tmexxija minn ġurnata għall-oħra tal-kumpless.
Is-servizzi mogħtija minn dan il-kumpless jinkludu dawk ta’ Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, Job Centre tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, servizzi ta’ ħarsien soċjali u inizjattivi fil-komunita’ mit-team ta’ social workers ta’ l-Aġenzija Appoġġ, servizzi mogħtija mill-Awtorita’ tad-Djar, Ċentru għal Matul il-Jum għal persuni b’diżabilita’ immexxi mid-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’, u Child Care Centre.
L-impjegati li jaħdmu f’dan il-kumpless ġew allokati mid-Dipartiment jew entita’ rispettiva li tipprovdi s-servizz u għalhekk kull impjegat għandu t-taħriġ u/jew il-kwalifiki partikolari għal qadi ta’ dmirijietu skond kif meħtieġ mid-Dipartiment jew entita’ li assenjatu għax-xogħol fil-kumpless.
X'sar minn Dar Bina f'Bormla? Minn min u fejn qed jingħataw is-servizzi li qabel kienu jingħataw minn Dar Bina?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dar Bina kien il-post f’Bormla minn fejn kienu jagħtu s-servizz is-social workers ta’ l-Aġenzija Appoġġ. Minn Novembru tas-sena l-oħra, meta beda jopera l-kumpless il-ġdid “Aċċess” fil-Kottonera, dawn is-servizzi bdew jingħataw minn dan il-kumpless fejn hemm aktar faċilitajiet u b’żieda ta’ social worker ieħor mat-team li kien hemm qabel.
Liema aġenzija jew enti tieħu ħsieb il-Programm Formula One? Kemm-il klijent li qed jingħata dan il-programm? Kemm hemm staff allokat għal dan il-programm? X'taħriġ u/jew kwalifiki għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-programm Formula One hu mħaddem mill-Aġenzija Appoġġ. Dan il-programm jipprovdi appoġġ lil għażagħ bi problemi ta’ mġieba biex jibnu relazzjonijiet aħjar mal-familja tagħhom u persuni oħra mportanti f’ħajjiethom. Dan isir kemm b’mod residenzjali kif ukoll billi jużaw il-post biex jirċievu pariri. Mbarra dan isir ukoll xogħol mal-familji ta’ dawn iż-żgħażagħ biex jiġu ntegrati lura fil-familji. Formula One jagħti wkoll appoġġ lil żgħazagħ li jkunu fil-kura ta’ persuni oħra li ma jkunux il-ġenituri tagħhom.
Ninsab infurmat li hemm 10 persuni f’dan il-programm u minn mindu beda ħadu sehem fih 60 żgħazugħ. Il-programm immexxi minn erba’ persuni li barra xogħol fuq il-programm huma nvoluti wkoll f’xogħol ieħor fl-Aġenzija. Meta jkun hemm il-ħtieġa jinġieb staff part-time bix ikopri s-servizz residenzjali 24 siegħa kuljum.
L-impjegati professjonali full-time huma gradwati fil-livell ta’ Masters fil-psikoloġija klinika, fis-social work u fil-psikoloġija fl-ewwel degree. Dawk li jaħdmu part-time mhux neċessarjament ikollhom dawn il-kwalifiki iżda jkollhom esperjenza fil-qasam soċjali minbarra li jkunu mħarrġa mill-Aġenzija għal dan ix-xogħol.
Bħalissa l-programm qed jiġi evalwat fid-dawl tal-bżonnijiet ġodda li qed jippreżentaw iż-zgħażagħ.
Jista' l-Onor Ministru jgħid x'inhi r-rata ta' l-assenteizmu fl-iskejjel primarji u dawk sekondarji f'Ħal Qormi? Kemm-il rapport ta' assenteiżmu ġie mistħarreġ mis-social workers? Dawk li ma ġewx followed mis-social workers, għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Nifhem li l-Onor. Membru qed tirreferi għall-iskejjel primarji ta' Ħal Qormi u għal Area Secondary School f'dan il-lokal.
Informat li ir-rapporti li saru matul is-sena skolastika 2002/2003, lis-Servizz Ħidma Soċjali fl-Iskejjel, tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huma:
Primarja 96
Sekondarja 158
Dawn ir-rapporti kienu assessjati mis-Social Workers u kien hemm intervent dirett tas-Social Workers permezz ta' 'home visits', 'school visits' u xogħol ma' l-istudent u l-familja tiegħu/tagħha f'36 każ. Fil-każi l-oħrajn ittieħdet azzjoni legali skond l-Education Act.
Jista' l-Onor Ministru jgħid meta se jitnaddaf il-Wied il-Kbir f'Hal Qormi mill-gebel u t-terrapien li waqa' fih fil-maltemp tal-15 ta' Settembru 2003? Jaf l-Onor Ministru li f'partijiet sostanzjali minnu huwa mimli b'mod li jasal sal-livell tat-triq u li dan huwa ta' riskju kbir f'kaz ta' maltemp li jista' jikkawza għargħar akbar minn dak li diga ntlaqtu bih in-nies li joqgħodu fl'areas ta' Wied ic-Cawsli, De La Cruz Avenue u l-madwar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm social workers, school psychologists u professjonijisti oħra apparti t-teaching staff jaħdmu mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm:
Social Worker 8
Senior Social Worker 2
Psychologist 4
Chief Architect & Civil Engineer 1
Professional Medical Officer 1
Legal Adviser 1
Jista' l-Onor Ministru jgħid kemm hemm social workers jaħdmu fil-qasam ta' l-anzjani, jiġifieri fid-day centres, fil-homes u f'SVDPR, tal-housing, jiġifieri fid-dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Housing Authority, ma' l-ETC, shelters, mal-persuni b'diżabilita', jigifieri fl-Adult Training Centres u s-Supported Living, fost oħrajn, u entitajiet oħra fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fid-Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi hemm impjegati 119 social workers full-time u wieħed part-time.
Dwar in-numru ta’ social workers impjegati mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Onor Ministru jgħid kemm hemm social workers jaħdmu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin hemm Social Worker li jkun fil-Faċilita` bejn it-8.00 ta` filghodu u l-4.00 ta` filgħaxija, kif ukoll social worker ieħor li jkun fil-Faċilita` għal 20 siegħa fil-ġimgħa.
Jista' l-Onor Ministru jgħid kemm applikaw studenti biex jidħlu fl-MCAST, Higħer Secondary School, Junior College u f'xi istituzzjoni edukattiva oħra post-sekondarja (statistika skond l-istituzzjoni)? Kemm minnhom ġew aċċettati u kemm minnhom ġew irrifjutati u r-raġuni għaliex ma ġewx aċċettati?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif kollu għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu megħjuna l-bdiewa f'Tal-Ħandaq u fl-area tal-Wied il-Kbir biex għallinqas jiġu msewwija t-toroq li jgħaddu għall-għelieqi tagħhom, bħal Sqaq il-Ħarrub?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li għalkemm inġabret l-informazzjoni fuq it-toroq ta’ bdiewa li ġarrbu ħsarat bil-maltempati ta’ Settembru li għadda, għadu kmieni wisq biex wieħed jagħti risposta.
Wara li ġie rrapportat li se jsir studju dwar l-ilma tax-xita u li dan l-aħħar ikkawża għargħar kbar f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid jekk l-istudju li kien intqal li sar mill-Ministru Censu Galea fil-leġislatura l-oħra hux se jingħata konsiderazzjoni? Jista' l-Ministru jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra (mhux pjanta biss, iżda l-istudju kollu)? Kemm huwa ppjanat li se jdum l-istudju li ssemma dan l-aħħar biex isir? X'passi se jiehu l-Gvern fl-immedjat biex il-widien f'Ħal Qormi jkunu jistgħu jilqgħu l-ilmijiet tax-xita mingħajr problemi li jikkawżaw ħsarat kbar u riskji enormi għal ħajjet in-nies?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għal dawk li huma passi mmedjati, diversi Dipartimenti fi ħdan il-Ministeru diġa' għamlu ħafna xogħol u għadhom għaddejjin b'diversi xogħlijiet biex jissewwew il-ħsarat li ġew ikkaġunati mill-għargħar tal-15 ta' Settembru li għadda. Reġgħu nbnew diversi ħitan li waqgħu u sar ħafna xogħol ta' tindif kemm ta' widien, inkluż dak ta' Ħal Qormi li tnaddaf mill-ingombru u materjal ieħor li nġabar fih, kif ukoll f'diversi nħawi ta' Malta.
Biex jiġi evitat kemm jista' jkun li jkollna ħsarat kif rajna dan l-aħħar, kull darba li jkollna għargħar bħal dawk ta' Settembru li għadda, hemm bżonn li wieħed jara x' inhuma x-xogħlijiet infrastrutturali li jeħtieġ li jsiru fuq perjodu ta' tul kif ukoll il-ħidma li trid issir matul is-sena kollha fuq bażi regolari, f'dawk l-inħawi li jgħaddi ħafna ilma minnhom, l-aktar il-widien. Għal dan il-għan, il-Marine Section fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tiġi riorganiżżata biex tassumi wkoll ir-responsabbilta' tal-immaniġġar ta' l-ilma tax-xita. L-ewwel inkarigu huwa li jsir programm ta' xogħlijiet li jridu jitwettqu fit-tlett xhur li ġejjien. Fl-istess ħin, din it-Taqsima qed tħejji rapport dwar dawk it-xogħlijiet li jridu jsiru fil-futur. Diġa' sar eżerċizzju li fih ġew identifikati dawk l-inħawi li ġarrbu ħsarat f'Settembru li għadda. Issa jrid jiġi ppjanat x'inhuma x-xogħlijiet meħtieġa biex ċerti problemi li ġew identifikati u li jeħtieġu xogħlijiet fit-tul, jiġu ndirizzati.
Rigward ir-rapport imsemmi mill-Onor. Membru nitlobha tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jgħin lil dawk in-negozji f'Ħal Qormi li tilfu b'eluf kbar ta' liri minħabba li ntlaqtu mill-għargħar?
Response (DALLI, JOHN)
Billi ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet b'mod superfiċjali jew populisti, nixtieq inkun naf x'tip ta' negozju qegħda tirreferi għalih l-Onorevoli Membru, x'tip ta' ħsara u jekk din il-ħsara setgħatx ġiet inxurjata.