Peress li Triq San Ġwakkin f'Ħal Qormi ilha għal snin kbar fi stat diżastruż b'konsegwenza li jeżisti periklu serju kemm għan-nies kif ukoll għall-proprjeta' tar-residenti li jgħixu fiha u peress li fl-aħħar tal-Leġislatura l-oħra kienu ġew iffinalizzati l-proċeduri kollha meħtieġa biex ix-xogħol fuq it-triq jinbeda imma sal-lum dan ix-xogħol għadu ma ġiex mibdi, minkejja li anke l-allokazzjoni finanzjarja kienet saret, jista' l-Ministru jgħid jekk waqafx ix-xogħol fuq din it-triq u jekk le meta se jibda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Wiehed jassumi li x-xogħol li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa dak tat-twessiegħ ta` parti minn din it-triq . L-art necessarja għat-twessiegħ ser tiġi akkwistata skond id-dikjarazzjoni tal-President numru 679 kif ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tas-7 ta` Settembru, 1998. Issa li dawn il-proceduri tlestew id-Dipartiment tat-Toroq ser jara kif iwettaq dan ix-xoghol.
Peress li ċerti tfal bi bżonnijiet speċjali li jattendu fl-iskejjel ta' l-istat jinħtieġu affarijiet materjali verament żgħar biex il-ħajja edukattiva tagħhom tkun aktar indipendenti, jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni biex jaqdi dawn il-ħteġijiet? X'qiegħed jagħmel id-Dipartiment biex joħloq kuxjenza umana akbar fost l-istaff u l-kapijiet ta' l-iskejjel? X'qiegħed jagħmel id-Dipartiment biex joħloq kuxjenza t'appoġġ akbar fost it-tfal lejn dawn ħuthom bi bżonnijiet speċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dawn l-aħħar snin, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni introduciet sistema li permezz tagħha l-iskejjel jaħsbu biex jixtru huma stess mill-fondi pprovduti lilhom għal infieq ta' natura kapitali u rikorrenti (materials and supplies).
B'dan il-mod, il-ħtiġijiet ta' l-iskejjel tagħna u ta' l-istudenti tagħhom jintlaħqu aħjar.
Irid jingħad ukoll li l-iskejjel qegħdin jaħsbu u jippreżentaw pjan ta' tliet snin biex ikun hemm żvilupp aħjar.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hija impenjata fl-introduzzjoni ta' l-edukazzjoni inklussiva, sistema li tikkontribwixxi bis-sħiħ għat-tkattir ta' kuxjenza umana fost l-istaff u l-kapijiet ta' l-iskejjel, fost oħrajn.
Permezz ukoll ta' l-edukazzjoni inklussiva qed tiġi kkultivata kuxjenza ta' appoġġ fost it-tfal lejn ħuthom bi bżonnijiet speċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni huwiex se jibgħat din is-sena Parapathetic teacher fl-iskola primarja ta' l-Isla?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li mill-bidu ta' din is-sena l-Iskola Primarja ta' l-Isla qiegħed ikollha s-servizz kollu pprovdut mill-'Peripatetic Teachers' tad-Dipartiment tal-Kurrikulu. Dan huwa servizz mogħti mill-għalliema għall-Complementary Education, Art, Music, P.E., Drama, Science and IT.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk il-Casual Social Assistants li ġew trasferiti mill-elezzjoni ġenerali 'il hawn u jagħti d-dettalji ta' fejn kienu jaħdmu u fejn intbagħtu jaħdmu issa u x'inhi r-raġuni għaliex ġew trasferiti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhux etiku li tingħata lista bl-ismijiet ta' l-Assistenti Soċjali Każwali li wara l-elezzjoni ġenerali ngħataw xogħol differenti milli kienu qed jagħmlu qabel l-elezzjoni. Pero' se nagħtik dettalji taċ-ċaqliq li sar s'issa.
26 Assistenti Soċjali Każwali li kienu qed jagħmlu xogħol fid-Djar tal-Anzjani jew Day Centres ingħataw xogħol fil-komunita'.
20 Assistenti Soċjali Każwali li kienu qed jaħdmu fil-komunita' reġgħu ngħataw ix-xogħol li kienu qed jagħmlu fid-Day Centres u fid-Djar tal-Anzjani qabel dawn ma kienu mnehhija nġustament minn posthom mill-amministrazzjoni preċedenti.
2.11.98