Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-Gvern biex jassigura li kull bini pubbliku u tal-privat ikun aċċessibli għal persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern u s-Soċjeta' Maltija jridu jaħdmu fuq ħames (5) livelli biex jassiguraw li postijiet miftuħa għall-pubbliku, kemm dawk li huma tal-Gvern kif ukoll dawk li huma tal-privat, ikunu aċċessibli għal kulħadd, inkluż persuni li għandhom diżabilita'. Dawn ħames livelli huma: a) EDUKAZZJONI lill-periti u dawk li jaħdmu fl-industrija tal-bini. F'dan il-qasam għalkemm saru kuntatti, għad hemm ħafna aktar x'isir l-aktar mal-Faculta' tal-Arkitettura. Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ser terġa timpenja ruħha fil-futur qarib f'dan ir-rigward. b) INFURZAR tal-policies tal-Pjan ta' Struttura mill-Awtorita' tal-Ippjanar. c) REGOLAMENTI TAL-BINI li jassiguraw dan. Fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti kien twaqqaf kumitat biex jaħdem fuq dawn ir-regolamenti u l-abbozz tagħhom kien tlesta. Sfortunatament, dan il-proċess ma tkompliex u l-Kummissjoni ser taħdem biex dawn ir-regolamenti mportanti jingħataw is-saħħa legali u jibdew jiġu infurzati. d) Fi żmien l-amministrazzjoni Laburista preċedenti twaqqfet 'Accessibility Unit' fi ħdan il-Ministeru tax-Xogħolijiet Pubbliċi biex bini tal-Gvern miftuħ għall-pubbliku jsir aċċessibli għal kulħadd. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni din il-Unit għadha mhiex tiffunzjona sew u l-istess Kummissjoni ser taħdem biex dan ix-xogħol tal-'Unit' jibda jsir b'mod aktar effettiv. e) Fl-aħħar nett hi l-opinjoni tal-Kummissjoni li LIGI OPPORTUNITAJIET INDAQS (PERSUNI B'DIŻABILITA') li mistennija li tgħaddi s-sena d-dieħla ser tagħti aktar saħħa lill-persuni b'diżabilita', l-għaqdiet tagħhom u lill-Kummissjoni stess biex, sa fejn hu raġonevoli skond l-istess liġi, bini miftuħ għall-pubbliku ikun aċċessibli għal kulħadd. 2.12.98

Miżuri ta' health and safety

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel id-dipartiment biex f'bini pubbliku bħal skejjel, dipartimenti kif ukoll fi stabbilimenti privati jiġi assigurat li jkun hemm faċilitajiet li jipprovdu l-health and safety ta' dawk li jagħmlu użu mill-bini u stabbilimenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sallum l-ispetturi ta' l-'Occupational Health & Safety Unit' ma jagħmlux bħala regola żjarat f'postijiet tax-xogħol li jiffurmaw parti minn Dipartimenti tal-Gvern, għalkemm, kemm il-darba saru zjarat f'postijiet bħal dawn minħabba f'xi xogħol partikolari li jkun qiegħed isir fihom. Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni għandu EDUCATION OFFICER inkarigat mis-saħħa u sigurta' fl-iskejjel. Diversi Dipartimenti tal-Gvern għandhom ukoll uffiċjali inkarigati minn 'Health & Safety'. L-ispetturi ta' l-OHSU għandhom l-inkarigu bil-liġi li jispezzjonaw postijiet tax-xogħol. Postijiet residenzjali li m'humiex postijiet ta' xogħol ma jaqgħux taħt il-kontroll tagħhom. 2.12.98
Leg 9 PQ #1693 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Persuni li għandhom id-dijabete

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' policy nazzjonali ta' screening regolari għandu d-dipartiment għal dawk iċ-ċittadini li jbatu mill-kondizzjoni tad-dijabete u għal dawk li jistgħu jitqiesu bħala at high risk?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1693 qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #1694 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bord mediku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-każ ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Għaliex din il-persuna għaddewha bord minkejja li qatt ma talbet biex tagħmel dan u minkejja li t-tabib qal li tista' terġa' tibda taħdem?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna konċernata kienet ilha għal xi żmien ma tirrapporta għax-xogħol minħabba f'mard. Skond ir-regolamenti ta' l-Estacode (4.3.2.2.) tressqt quddiem Bord Mediku tad-Dipartiment tas-saħħa li sabha mhix tajba għax-xogħol. Hija oġġezzjonat u ppreżentat ċertifikat mediku biex turi li għadha tiflaħ taħdem. Għalhekk qed jittieħdu l-miżuri neċessarji biex din il-persuna tiġi eżaminata mill-ġdid, kif inhu mitlub mill-Estacode. (6.1.3.2.)
Leg 9 PQ #1695 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Air pollution

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-Gvern biex tiġi kkalkolata l-air pollution fl-irħula u l-ibliet, b'mod partikolari f'dawk li jinsabu ħdejn jew f'zoni industrijali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent lesta studju preliminari fuq il-kwalita' ta' l-arja f'żoni urbani. Dan l-istudju sejjer jiġi mifrux biex ikopri aktar zoni, kif ukoll biex ikopri aktar parametri. Għal dan il-għan għadu kemm ingħata tender għax-xiri ta' makkinarju ta' monitoraġġ, kif ukoll kienet ippublikata sejħa għar-reklutaġġ ta' Uffiċjal Ambjentali biex jaħdem fuq il-monitoraġġ tal-kwalita' ta' l-arja.
Leg 9 PQ #1684 Sitting 18 1998-12-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Privati - Miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' policy għandu l-Gvern fir-rigward tal-miżati mħallsa lill-iskejjel privati? Jaf il-Ministru li, per eżempju, skola privata sekondarja partikolari għolliet il-miżata minn Lm285 għal Lm434? Hemm xi tip ta' monitoring għal dan? Jekk hemm, xi jsir?

Response (GALEA, LOUIS)

Is-sitwazzjoni hi regolata mill-Avviż Legali Nru.196 tal-1994 (Regolamenti tal-1994 ki jemendaw ir-regolamenti li jistabilixxu l-Kundizzjonijiet Minimi Nazzjonali għall-iskejjel kollha) li f'paragrafu 2 tiegħu jippreskrivi li 'r-rati tal-ħlas tal-miżati jew ħlas ieħor stabbilit fil-bidu ta' sena skolastika ma jistgħux jiżdiedu matul dik is-sena skolastika kollha kemm hi'. S'issa m'hemmx deċiżjoni li dan l-Avviż jinbidel. Jekk l-Onor. Membru qed tirreferi għal xi każ partikulari nitlobha tgħarrafni biħ.
Leg 9 PQ #1685 Sitting 18 1998-12-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Vetturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-policy dwar il-vetturi tal-Gvern? Huwa permess li dawn jiġu pparkjati ħdejn bibien is-sewwieqa meta mhux il-ħin tax-xogħol? Min għandu l-permess li jagħmel dan?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Dawk l-uffiċjali li huma ntitolati, minħabba l-kariga tagħhom, għal vettura tal-Gvern, għandhom permess iżommu u jużaw il-karozza allokata lilhom wara l-ħin tax-xogħol. Jekk l-Onorevoli Membru qed tirreferi għall-karozzi ta' użu ġenerali, ir-regola hija li s-sewwieqa jħalluhom ipparkjati f'post stabbilit ħdejn id-dipartiment jew fil-garaxx tad- dipartiment ħlief f'xi ċirkostanzi partikolari bħal xogħol tard bil-lejl jew kmieni fil-għodu, fejn is-sewwieqa jkunu awtoriżżati jmorru lura d-dar bil-karozza tal-Gvern.
Leg 9 PQ #1686 Sitting 18 1998-12-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Prodotti skaduti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir fil-prattika biex prodotti skaduti ma jkunux għal bejgħ fil-ħwienet? X'tip ta' monitoring qed isir? X'tip ta' passi qed jittieħdu? Kemm insabu każi mill-5 ta' Settembru 'il hawn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li rigward l-ewwel u t-tieni parti tad-domanda d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika permezz tal-Ispetturi tas-Saħħa u l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Port jissorveljaw il-prodotti tal-ikel kemm meta jiġu mpurtati kif ukoll meta jkunu esposti għall-bejgħ fil-ħwienet. Rigward it-tielet parti tad-domanda d-dipartiment tas-Saħħa Pubblika permezz tal-Ispetturi tas-Saħħa tal-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Port jaħdmu f'kooperazzjoni mad-Dipartiment tad-Dwana, biex prodotti tal-ikel, li jkunu destinati għall-konsum mill-pubbliku (the Ultimate consumer) ma jiġux rilaxxjati mid-Dwana, qabel ma l-istess Uffiċċjali tas-Saħħa jkunu sodisfatti li tali prodotti impurtati jkunu jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti li jkunu, minn żmien għal żmien legali f'Malta w Għawdex. Għar-rigward ta' x'passi qed jittieħdu fil-ħwienet fejn ikunu esposti għall-bejgħ tali prodotti, ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ispetturi tas-Saħħa jissorveljaw dawn il-ħwienet bħala proċedura normali u fejn jinstabu nuqqasijiet jew ksur tal-liġijiet jew regolamenti eżistenti jittieħdu l-proċeduri neċessarji skond kif ikun indikat f'kull każ partikolari. Rigward ir-raba parti tad-domanda ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru 1998 sa 25 ta' Novembru 1998 ħames każi ġew irrapurtati lil-Kummissarju tal-Pulizija biex jittieħdu passi legali kontrihom fil-Qrati tal-Ġustizzja, waqt li żewġ konsenji ta' affarijiet tal-ikel ġew miżmuma mill-Uffiċċju tal-Port peress li ma kienu jikkonformaw mal-liġijiet eżistenti.

Prodotti ta' l-ikel — Prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex il-prezzijiet ta' dawn il-prodotti għolew fis-suq: flying wheel luncheonmeat - 198 grms; lesieur sunflower oil - 1 lt; lesieur sunflower oil - 3 lts; bordon corned beef - 340 grms; Mr Tom - 40 grms; u Cadbury - 49 grms?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-kontenut tal-Mistoqsija ta` l-Onorevoli Interpellant qed tiġi investigat.
Leg 9 PQ #1688 Sitting 18 1998-12-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Birkirkara — Kunsill Lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Minuti tal-Laqgħa tal-Kunsill ta' Birkirkara u dan meta l-Onor. Michael Axiaq ġie mogħti l-permess mill-kunsill biex iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati max-xiri tal-fond u t-twaqqif taċ-Child Care Unit f'Birkirkara?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Skond l-Att ta' l-1993 dwar Kunsilli Lokali, id-dokumenti kollha fil-Kunsill Lokali huma aċċessibbli għall-pubbliku u li għalhekk jista jiġbor kopja tagħhom.
Leg 9 PQ #1689 Sitting 18 1998-12-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Qliegħ iddikjarat ta' ċittadini

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista b'total ta' ċittadini skond il-qliegħ iddikjarat tagħhom maqsuma skond dawn il-kategoriji fuq bażi ta' sess, bejn l-1992 sa l-1997, sena b'sena ċioe' dawk li jaqilgħu: taħt il-minimum wage; minimum wage earners; 'il fuq minn minimum wage sa Lm6,000; 'il fuq minn Lm6,000 sa Lm10,000; 'il fuq minn Lm10,000 sa Lm20,000; u 'il fuq minn Lm20,000?

Response (DALLI, JOHN)

Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni b'diżabilita' — Għajnuniet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel il-gvern biex jgħin lil dawk il-familji li qed jieħdu ħsieb persuni b'diżabilita' fi djarhom u li jenħtieġu aġġustamenti fir-residenzi tagħhom bħal, per eżempju, lift eċċ. biex dawn iċ-ċittadini ma jispiċċawx priġunieri f'darhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għandha skema sabiex tgħin lill-persuni b'diżabilita' biex jaddattaw r-residenza tagħhom għad-diżabilita' tagħhom. Fost il-lista ta' xogħolijiet previsti taħt din l-iskema hemm l-istair lift. Qed inqiegħed kopja tal-lista fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-każ ta' persuni b'diżabilita' li jgħixu fi blokki tal-Gvern, l-Awtorita' tad-Djar qed tistudja skema għall-istallazzjoni ta' lifts, fejn dan huwa strutturalment possibbli. 30.11.98

Qormi — Trasport pubbliku

Question

F'Ħal-Qormi jenħtieġ eżerċizzju sħiħ mill-awtoritajiet inkarigati mit-trasport pubbliku biex jiġu moqdija l-ħtiġijiet attwali taċ-ċittadini Qriema. Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' tat-Trasport Pubbliku jew min hu nkarigat minn xogħol bħal dan, hux qed tagħmel stħarriġ dwar il-bżonnijiet attwali taċ-ċittadini Qriema rigward dan is-servizz essenzjali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` għat-Trasport tikkunsidra kull ilment li jinqala` minn żmien għal żmien. Fil-fatt l-aħħar ilment minn Ħal-Qormi kienet tikkonċerna it-tmexxija tal-by-pass għal Ta` Farsina. Nista` ngħid ukoll li l-Awtorita` għat-Trasport flimkien mas-sidien ser tiprova tagħmel studju serju dwar ir-rotot kollha li għandna fil-pajjiż.

MIA — Airport attendants

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ġew imwaqqfa l-Airport Attendants li daħlu f'Awissu li għadda mal-Malta International Airport fuq bażi ta' casual/part-time, meta għad hemm il-bżonn tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Impjiegi — Ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema barranin jaħdmu Malta? F'liema setturi qegħdin nisa jew irġiel? X'eta' għandhom? X'tip ta' xogħol jagħmlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ħruġ ta' licenzji ta' l-impjieg (employment licence) lil persuni barranin huwa r-responsabbilta' tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-'Expatriates', li llum huwa parti mid-dekasteru tal-Ministeru ta' l-Intern. Naturalment dawn il-liċenzji joħorġu wara konsultazzjoni mid-Dipartimenti u l-entitajiet pubbliċi l-oħra konċernati. Għalhekk, nitlob lill-Onor. Membru tagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli. 30.11.98
Leg 9 PQ #1682 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kapsuli ta' l-ecstasy

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux analizi tal-kapsuli ta' l-ecstasy li jinqabdu mill-pulizija biex inkunu nafu l-kompożizzjoni tagħhom? Jekk din l-analizi saret, jista' l-Ministru jgħid jekk il-kompożizzjoni ta' dawn il-kapsuli kenitx l-istess? X'sustanzi kien fihom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li jsiru analiżi tal-pilloli ta' l-ecstasy li jinqabdu mill-pulizija biex isir magħruf jekk dawn il-pilloli humiex ecstasy jew le. Dawn l-analiżi jsiru fil-Laboratorju Forensiku. Irrid ngħid ukoll li sa issa fil-Laboratorju Forensiku ġew biss analizzati pilloli ta' l-ecstasy mhux kapsoli. Il-kompożizzjoni kimika ta' l-ingredjent prinċipali tal-pilloli ta' l-ecstasy hija dejjem l-istess, dik magħrufa bħala 3,4-methylene-N-methamphetamine (MDMA). Fil-Laboratorju Forensiku ġew ukoll analizzati pilloli oħra li f'dik li hija struttura kimika jixbħu lill-ecstasy. Dawn il-pilloli huma magħrufa kimikament bħala 3,4-methylene-N-ethylamphetamine (MDEA) u huma magħrufa fit-triq bħala EVE. 30.11.98

Prodotti ta' l-ikel — Prezzijiet

Question

Peress li f'Awissu li għadda l-Gvern Laburista m'aċċettax li jogħlew dawn il-prodotti bl-użin bħal, per eżempju, perżut, bacon, mortadella u luncheonmeat iżda minkejja dan mhux il-ħwienet kollha niżlu l-prezzijiet, jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir min-naħa tal-Gvern biex jara li l-prezzijiet ta' dawn l-affarijiet jimxu skond dak li hu stabbilit?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li din il-materja qed tiġi mistħarrġa u l-amministrazzjoni tkun f'pożizzjoni aħjar biex twieġeb għal din il-mistoqsija meta jkun magħruf b'mod ċar x'kien għamel il-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien.
Leg 9 PQ #910 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Moulds għal hearing aids

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm dewmien ta' xhur sħaħ biex jiġu akkwistati l-moulds għal hearing aids għat-tfal nieqsa mis-smiegħ mill-Isptar bil-konsegwenza li dawn it-tfal qed ibatu bla bżonn minħabba dan in-nuqqas?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Unit ta` fid-Dipartiment ta` moulds regolarment minn kumpanija Ingliża kemm għall-kbar kif ukoll għat-tfal neqsin mis-smiegħ. Sfortunatament il-konsenja li ntbagħtet mill-Ingilterra f'Settembru tan-1998 intilfet u baqgħet ma nstabitx, minkejja li saru diversi rapreżentazzjonijiet kemm mal-kumpanija Ingliża u kemm mal-Maltapost. Il-kumpanija Ingliża aċċettat ir-responsabilita taħdem ix-xogħol tal-moulds b'xejn. Ix-xogħol min-naħa ta` b'hekk il-moulds jitlestew fl-iqsar żmien possibbli.

Day Centres — Assistenti soċjali każwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jżomm il-policy adottata mill-Amministrazzjoni preċedenti fir-rigward tal-casual social assistants, jiġifieri li jaħdmu b'sistema ta' perjodu ta' żmien f'day centre u perjodu fil-komunita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-amministrazzjoni preċedenti ma kellha l-ebda 'policy' fir-rigward tal-'casual social assistants' li dawn jaħdmu b'sistema ta' perjodu ta' żmien fid-'Day centre' u perjodu fil-Komunita'. Kull ma sar fi żmien ta' kważi sentejn ta' amministrazzjoni laburista kien biss eżercizzju biex inqalaw mid-'Day Centres' C.S.A.'s u daħlu oħrajn f'lokhom abbażi biss ta' politika partiġġjana. 17.11.98
Leg 9 PQ #912 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Isla - Għalliema

Question

Jaf il-Ministru li Peripathetic Teacher li suppost tattendi tlett darbiet fil-ġimgħa biex tagħti servizz fl-Iskola ta' l-Isla lil tfal bi bżonnijiet speċjali, qed tattendi darba fil-ġimgħa biss u mhux kif weġibni f'mistoqsija parlamentari numru 204?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mogħti fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentri Numru 204 jirriżulta korrett u mhux kif sostniet l-Onor. Membru. Hu biss f'din il-Mistoqsija li l-Onor. Membru qed tispeċifika li qed tirreferi għal każijiet ta' "tfal bi bżonnijiet speċjali". Jidher li din il-mistoqsija tirreferi għas-servizz peripatetiku għal studenti neqsin mis-smiegħ. Informat li sas-sena l-oħra dan is-servizz kien jingħata darbtejn fil-ġimgħa u skond il-ħtieġa tal-każ. Minħabba nuqqas ta' staff fis-servizz, bħalissa qed tingħata lezzjoni flok tnejn fil-ġimgħa. Sa dan it-tant qed jittieħdu passi sabiex intejbu s-servizz kif ukoll beda Kors fl-Universita' sabiex inħejju għalliema kwalifikati għal dan is-servizz speċjalizzat.