Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vot ESF Equal Programme

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega x'inhuma l-programmi u l-inizjattivi li jaqgħu taħt il-Vot ESF Equal Programme u li ġie vvotat Lm71,000 għas-sena 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-vot li rreferit għalih l-Onor. Interpellanti hu ntiż biex ikopri l-finanzjament tal-programm ta’ l-Unjoni Ewropea msejjaħ ‘EQUAL’ għas-sena d-dieħla. Dan il-programm hu maħsub biex, b’ideat u proġetti nnovattivi, jiġġieled id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza fil-qasam tax-xogħol. L-EQUAL ilaqqa’ flimkien nies u organiżżazzjonijiet, kemm lokali kif ukoll barranin. Dan il-programm jestendi fuq perjodu ta’ tlett snin u ser ikun iffinanzjat 75 fil-mija mill-Unjoni Ewropea u 25 fil-mija mill-Gvern Malti. Il-proġetti li ser jagħmlu parti minn dan il-programm għadhom qegħdin jiġu mħejjija u aktar ‘il quddiem ser ssir konsultazzjoni dwarhom ma’ dawk interessati foshom mas-sħab soċjali.

Refugee fund

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex jikkonsisti r-Refugee Fund?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għall-allokazzjoni ndikata bħala ‘Refugee Fund’ li tidher taħt il-Vot tal-Ministeru għall-Politika Soċjali fl-Estimi għas-sena d-dieħla, din l-allokazzjoni hi ntiża biex tagħmel tajjeb għal spejjeż dwar persuni li jitolbu status ta’ refuġjati meta dawn ma jkunux f’ċentru ta’ detenzjoni.

Child care centre

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex intnefqu l-Lm100,000 li s-sena li għaddiet kienu ġew ivvotati għal support lil ġenituri fuq l-ispejjeż ta' child care centre?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bl-awtoriżżazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi dan il-bilanċ ġie trasferit għal voti oħra taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali, fosthom l-Aġenzija Appoġġ u s-Supported Living.

Ħal Qormi — Boreholes

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jeżistux boreholes wara l-klabb tal-boċċi ta' Ħal Qormi San Ġorġ, fejn illum l-area imsemmija ġiet żviluppata? Jekk hemm, jista' jgħid hux permissibbli li jkun hemm boreholes f'wied?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Qormi — Substation

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux veru li qed tinbena jew diġa' inbiet substation ta' l-elettriku wara l-klabb tal-boċċi ta' Ħal Qormi San Ġorġ, f'area li issa qed tiġi żviluppata għal bini? Jekk iva, ma jidhirlux li din mhix area addattata għal substation, meta hija area li ħafna drabi tegħreq bil-wied u allura tista' tkun ta' periklu serju għan-nies?

Response (GATT, AUSTIN)

Is-substation ta' l-elettriku li saret wara l-klabb tal-boċċi ta' Ħal-Qormi San Ġorġ, ġiet integrata fil-bini privat stess li nbena biex dan ikun jista' jingħata jingħata l-elettriku skond ir-regolamenti għall-provvista ta' l-elettriku jiġifieri l-Electricity Supply Regulation. Ma jirriżultax li jekk is-substation tegħreq din tista' tkun ta' periklu serju għan-nies.

Persuni b'diżabilita' — Fondi għas-sena ewropea

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ivvutati fondi għas-sena ewropea ddedikata għal persuni b'diżabilita'? Fiex intnefqu? (breakdown) Min kien responsabbli għal programm u l-allokazzjoni tal-flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Ħal Qormi/Sta. Venera — Underground

Question

Jaf il-Ministru li l-underground li hemm bejn Ħal Qormi u Sta. Venera jinsab fi stat mill-agħar u li mhux sigur biex in-nies jagħmlu użu minnu? Meta se tittieħed l-azzjoni biex isirulu t-tiswijiet u t-tindif meħtieġ biex in-nies ikunu jistgħu jaqsmu b'mod sigur f'din l-area perikoluża minħabba t-traffiku qawwi li jgħaddi kull ħin tal-ġurnata u lejl?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għamlet spezzjoni f'din is-subway u qabdet lid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet biex tagħmel it-tindif meħtieġ.

UE — Fondi għall-kampanja elettorali tal-Parlamet Ewropew

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Unjoni Ewropea tagħtix fondi biex tiffinanzja l-kampanja elettorali għall-parlament Ewropew? Jekk iva, il-gvern irċieva tagħrif kif dawn għandhom jitqassmu lill-partiti politiċi u movimenti li għandhom il-ħsieb li jikkontestaw f'Ġunju li ġej? Jekk irċieva, kif se jitqassmu?

Response (BORG, JOE)

Nikkonferma li l-Parlament Ewropew jagħti fondi biex tiġi ffinanzjata l-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew. Iżda dan isir permess ta' allokazjoni ta' fondi lill-gruppi Politiċi tal-Parlament Ewropew stess, sabiex dawn il-fondi jitqassmu mill-istess gruppi politiċi. Għalhekk huma l-partiti politiċi tal-pajjiżi membri stess fi ħdan il-gruppi tal-Parlament Ewropew li jiġu nfurmati bl-allokazzjoni.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - li ilha snin kbar applikata għal social housing għaliex tgħix f'post kerrejja u li huwa sub-standard, sa llum għadha ma ġietx allokata post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.
Leg 10 PQ #2853 Sitting 61 2003-11-21 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħal Kirkop — Garaxx mal-bini ta' l-iskola il-ġdida

Question

Jista' il-Ministru jagħti aktar tagħrif dwar il-garaxx propost mal-bini ta' l-iskola il-ġdida f'Ħal Kirkop?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif taf l-Onor. Membru l-iskola imsemmija qed tinbena fuq sit fejn jiġi ġestit negozju konness ma' inġenji u vetturi a' bażi ta' encroachment li kien ingħata mill-Gvern snin ilu. Bħalissa qed isiru negozjati mad-Dipartiment ta' l-Artijiet biex tiġi riżolta din il-kwestjoni l-interessi tan-nies tal-lokal qed jingħataw kull konsiderazzjoni.

Saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jarax li hemm kwestjoni ta' saħħa u sigurta' ta' terzi nvoluti meta crane bi planki jgħaddi minn fuq soqfa ta' nies biswit il-lant tax-xogħol? X'qed tagħmel l-awtorita' biex tassigura l-massimu tas-sigurta' f'każijiet bħal dawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-Att dwar l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol, huwa l-obbligu ta’ min iħaddem li jiżgura s-saħħa u s-sigurta’ tal-persuni kollha li jistgħu jiġu effettwati bix-xogħol li jkun qed isir għal dak il-prinċipal. Fid-dawl ta’ dan, l-attivita’ msemmija mill-Onor. Interpellanti taqa’ taħt il-provedimenti ta’ l-imsemmi Att u min qed iħaddem irid jieħu dawk il-miżuri neċessarji kollha biex jiġu kontrollati r-riskji anki lil terzi. L-Awtorita’ tinvestiga rapporti ta’ xogħol li jkun jidher li qed ipoġġi s-saħħa u s-sigurta’ ta’ xi persuna f’riskju u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellanti tgħaddili, anki b’mod kunfidenzjali, aktar dettalji dwar il-każ biex jiġi nvestigat.

Produzzjoni ta' l-inbid — Tħawwil ta' dwieli

Question

Wara li fis-settur agrikolu l-Gvern Malti nnegozja ma' l-UE d-dritt li jitħawlu aktar dwieli f'zoni adattati għall-produzzjoni ta' l-inbid, jista' il-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-gvern biex jieħu vantaġġ minn dak li ġie nnegozjat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li twaqqaf l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Vitikultura u Enoloġija fi ħdan id-Diviżjoni tas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali. Dan l-uffiċċju nieda programm biex tiżdied il-produzzjoni ta' l-għeneb għall-produzzjoni ta' l-inbid ta' kwalita’, u biex titjieb it-teknika tat-tkabbir ta' l-għeneb. Għal dan il-għan qed jingħata sussidju ta' 10,000 Euro kull ettaru biex bidwi Malti ikun jista jħawwel dwieli għall-inbid ta' kwalita’ u sussidju ieħor ta' 1000 Euro kull ettaru biex ikun jista jżomm dawn id-dwieli. Wieħed għandu jsemmi wkoll li f' Ġunju 2003 beda Twinning Programme, mħallas prattikament kollu mill-Unjoni Ewropeja, fejn is-Sezzjoni tal-Vitikultura, flimkien ma' esperti mill-Italja, qegħda twettaq ħidma biex Malta tkun f' pożizzjoni li tuża fondi mill-Unjoni Ewropeja sabiex titjieb il-kwalita’ ta' l-għeneb li jitkabbar Malta, u jiġu identifikati varjetajiet indiġeni li permezz tagħhom il-vitikultura f’ Malta jkollha karatteristiċi uniċi. Fl-istess ħin żdied in-numru ta’ ettari ddedikati għad-dwieli minn 350 għal ‘il fuq minn 700 ettaru. Dan in-numru hu mistenni li jiżdied minħabba l-interess qawwi mill-proċessuri kif ukoll mill-bdiewa sakemm tintlaħaq il-mira ta’ 1,000 ettaru. Ta’ min iżid ukoll li f’ dan is-settur l-integrazzjoni bejn proċessuri u produtturi qed tittieħed bl-akbar serjeta’ u dan qed iwassal għal prezzijiet vantaġġjużi għall-bdiewa u prattiċi aktar professjonali fil-vitikultura. Dan jawgura tajjeb għal meta l-inbejjed prodotti minn dwieli mkabbra lokalment ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti bħal DOK, jiġifieri nbejjed ta’ kwalita’ ta’ Denominazzjoni Oriġini Kontrollata.

Ħal Qormi — Wied is-Sewda - Tindif ta' widien

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 2296 tat-22/10/903 li t-tweġiba rreferiet il-mistoqsija lill-ministru konċernat u li tgħid: "Jista' il-Ministru jgħid għaliex Wied is-Sewda f'Ħal Qormi ilu s-snin ma jitnaddaf?"

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li nterventi ta' tindif tal-widien jeħtieġ li jsiru b'mod ippjanat għaliex daqs kemm jista' jir ġid tista' wkoll issir ħsara, inkluż ħsara ambjentali. Kif diġa' ħabbart, il-Marine Section fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tiġi riorganiżżata biex tassumi wkoll ir-responsabbilta' ta' l-immaniġġjar ta' l-ilma tax-xita, inkluż l-ilma tax-xita li jgħaddi mil-widien. Wied is-Sewda f'Ħal Qormi huwa wieħed minnhom. Ix-xogħol huwa mistenni li jsir fil-futur immedjat.

Persuni li jgħixu bl-għajnuna soċjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1895 u cioe' kemm hemm persuni li qed jgħixu bl-għajnuna soċjali? Kemm hemm familji jiddependu minn dan u kemm għandhom tfal? Fit-tweġiba intqal li ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' persuni u tfal fil-familji li jgħixu bl-għajnuna soċjali. Kif jista' ikun dan meta l-ammont ta' l-għajnuna soċjali jingħata skond kemm hemm membri fil-familja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk persuna tkunx eliġibbli jew le għall-Għajnuna Soċjali ma jiddependix minn numru ta’ persuni li jkunu jgħixu fil-familja. In-numru ta’ persuni fil-familja hu biss wieħed mill-fatturi li fuqu jiddependi l-ammont ta’ l-Għajnuna Soċjali li titħallas, wara li jiġi stabbilit li wieħed ikun intitolat għal din l-Għajnuna. Minbarra n-numru ta’ persuni fil-familja, l-ammont ta’ l-Għajnuna jiddependi wkoll mid-dħul ta’ dik il-familja. Barra minn hekk l-eta’ tal-persuni fil-familja ma tinfluwenzax ir-rata ta’ l-Għajnuna. Għal dawn ir-raġunijiet li semmejt wieħed ma jistax jiddetermina n-numru ta’ tfal f-familja billi sempliċiment jara l-ammont ta’ l-Għajnuna Soċjali li tkun qed titħallas u kien għalhekk li fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 1895 li tajt f’Seduta 41 jien għidt li n-numru ta’ persuni u t-tfal fil-familja mhux wieħed mill-kriterji biex titħallas din l-Għajnuna u li ma tinżammx l-istatistika mitluba.

Social Impact Assessments

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-social impact asessments li saru mill-gvern għal budgets 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u dak għal ta' l-2004 fir-rigward ta' dawk il-familji li jgħixu bil-minimum wage, bl-għajnuna soċjali, bil-benefiċċju tal-qgħad, pensjoni minima nazzjonali, pensjoni ta' l-invalidita', pensjoni tad-diżabilita' u dawk oħrajn li jaqgħu fil-faxxa t'isfel tas-soċjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif taf l-Onor. Interpellanti, iż-żieda għall-għoli tal- ħajja mħabbra fil-Budgets tkun stmata fuq l-indiċi tal-prezzijiet liema żieda tkun inkluża mal-minimum wage. Din iż-żieda tiġi wkoll riflessa fir-rati tal-benefiċċji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali skond kif provdut fl-Artikolu 90A ta’ l-istess Att. Għal dak li jirrigwarda l-pensjonijiet imħallsa taħt l-imsemmi Att, minn din is-sena, tfassal indiċi ġdid għall-għoli tal-ħajja apposta għall-pensjonanti li jirrifletti l-infieq partikolari ta’ din il-kategorija. Minn Jannar ta’ din is-sena l-pensjonanti bdew jingħataw iż-żieda kollha li tirriżulta minn dan l-indiċi maħdum speċifikament għalihom u mhux żewġ terzi taż-żieda għall-għoli tal-ħajja skond l-indiċi ġenerali kif kien isir qabel. Minn din is-sena wkoll ittieħdu diversi miżuri oħra biex itejbu l-ħajja ta’ dawk li l-aktar għandhom bżonn. Fost dawn ġew riveduti ‘fuq it-test tal-meżżi kapitali biex persuna tirċievi l-Għajnuna Soċjali, l-Għajnuna Medika u l-Pensjoni tal-Wens. Ġie rivedut wkoll it-test tal-meżżi għall-eliġibilita’ għall-Għajnuna Supplementari fil-każ ta’ koppja miżżewġa kif ukoll ir-rata tal-ħlas kemm għall-koppji miżżewġa kif ukoll għall-persuni weħidhom. Minn din is-sena wkoll żidna r-rata taċ-Children Allowance għal min għandu tlett itfal jew aktar. Dawn il-miżuri flimkien ma’ diversi oħrajn relatati mat-taxxa tad-dħul, ġew implimentati propju biex jgħinu lil dawk li jaqgħu fil-faxxa t’isfel fis-soċjeta’.

Familji li jgħixu bil-minimum wage

Question

Jikkonsidra l-Ministru li l-familji li jgħixu bil-minimum wage, i.e. 2369, skond mistoqsija parlamentari 1896, huma parti mill-15% ta' ċittadini Maltin u Għawdxin li qegħdin fir-riskju tal-faqar? Jikkonsidra li l-1,487 ta' tfal fl-eta' tat-twelid sat-18-il sena li jgħixu f'familji b'income ta' minimum wage jagħmlu parti minn 20% ta' tfal bejn twelid u 15-il sena li huma fir-riskju tal-faqar skond l-istatistika mxandra ta' l-NSO?

Response (DALLI, JOHN)

It-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 1896 hi bażata fuq informazzjoni miġbura mill-Labour Force Survey (LFS) li sar f’ Marzu ta’ din is-sena. L-informazzjoni li kienet pubblikata fuq ir-riskju tal-faqar hi bażata fuq il-Household Budgetary Survey (HBS) li kien sar bejn l-2000 u 2001. Ta’ min jinnota li l-LFS jiġbor informazzjoni fuq dħul minn salarji biss waqt li l-HBS ġabar informazzjoni fuq id-dħul kollu regolari tal-familja, inkluż salarji. Għalhekk għal dawn ir-raġunijiet wieħed ma jistax jagħmel paragun dirett. Biex wieħed jara familja hix fir-riskju ta’ faqar irid jara d-dħul kollu regolari tagħha, n-numru ta’ nies fil-familja u l-etajiet tagħhom. Id-dħul regolari jinkludi salarji wara tnaqqis ta’ taxxa u bolla, sussidji, dħul minn interessi, dividendi, kirjiet, u benefiċċji soċjali. Informazzjoni dettaljata ta’ kif inħadmet r-rata ta’ nies li huma f’ riskju ta’ faqar tinsab fil-pubblikazzjoni ‘Structural, Poverty and Social Exclusion Indicators’ li kienet maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika fl-2002. Biex wieħed ikun jista’ iqabbel irid jassumi li (a) d-dħul regolari tal-familji baqa’ fl-istess livell bħas-sena 2000 u li (b) d-dħul regolari kollu ta’ dawn il-familji ġej mill-paga minima tal-kap tal-familja. Jekk wieħed jassumi hekk allura jista’ jikkonkludi li jekk dawn in-nies jgħixu waħedhom u jaqilgħu l-paga minima huma ma jkunux f’riskju ta’ faqar. Jekk il-familja tkun magħmula minn żewġ persuni jew iżjed u d-dħul regolari kollu ta’ din il-familja jkun ġej mill-paga minima, il-persuni li jagħmlu parti minn din il-familja jkunu viċin jew f’ riskju ta’ faqar. Per eżempju jekk familja tkun magħmula minn persuna adulta u persuna li għandha inqas minn 14-il sena dawk in-nies ikunu viċin li jkunu f’riskju ta’ faqar. Jekk it-tieni persuna jkollha 14-il sena jew aktar dawk il-persuni jkunu f’riskju ta’ faqar. Familji li huma magħmula minn iżjed minn żewġ persuni u li d-dħul regolari tal-familja ġej mill-paga minima tal-kap tal-familja huma f’ riskju ta’ faqar. Dan li ġie spjegat hawn hu bbażat fuq sistema ta’ kalkulazzjoni li tinstab f’pagni 45 sa 47 tal-publikazzjoni ‘Structural, Poverty and Social Exclusion Indicators’: (http://www.nso.gov.mt/NSO%20indicators/NSO%20Structural%20Indicators.pdf ) L-istess kriterji japplikaw għal dawk l-1,487 tfal sat-18-il sena li jgħixu f’familji bi qliegħ ta’ minimum wage.

Ħaddiema bil-paga minima

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1896, jista' il-Ministru jispjega u jagħti dettalji u statistika għall-aħħar parti tat-tweġiba tiegħu li tgħid:- "Naturalment fil-maġġoranza ta' dawn il-każi dan id-dħul hu supplimentat bi dħul ieħor kemm minn xogħol part-time u kemm minn benefiċċji soċjali?"

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn xi nżid fuq is-suġġett.

Ħal Qormi — Wied il-Kbir - Tindif ta' widien

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2297 tat-22/10/03 li t-tweġiba rriferiet il-mistoqsija lill-ministru konċernat u li tgħid: "Jista' il-Minsitru jgħid meta se jitnaddaf il-Wied il-Kbir f'Ħal qormi mill-ġebel u t-terrapien li waqa' fih fil-maltemp tal-15/09/03? Jista' il-Ministru jinnota li f'partijiet sostanzjali minnu huwa mimli b'mod li jasal sal-livell tat-triq u li dan huwa ta' riskju kbir f'każ ta' maltemp li jista' jikkawża għargħar akbar minn dak li diġa' intlaqtu bih in-nies li joqogħdu f'areas ta' Wied iċ-Ċawsli, De La Cruz Avenue u l-madwar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għalkemm xi postijiet f'Wied il-Kbir imtlew bil-materjal, it-taħmil jista' joħloq problemi ta' għargħar aktar l-isfel fil-wied. Għalhekk l-intervent li huwa meħtieġ li jsir f'dan il-Wied, ma jistax jitqies bħala tindif ordinarju. Fil-fatt, ix-xogħol fuq dan il-wied ser isir ful-futur qarib skond pjan li qed jitħejja u li mistenni jkun finaliżżat fi żmien qasir. Sadanittant qiegħed isir tindif ordinarju b'mod speċjali f'tarf il-widien sabiex l-ilma tax-xita jkun jista' jibqa sejjer ġol-baħar.