Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fond mibni ġdid fl-indirizz li qed jintbagħat separatament, kellux il-permessi meħtieġa tal-bini peress li: (a) inbena f'parti antika tal-lokal; (b) ħareġ 'il barra mil-linja tal-bini l-antika u sussegwentement (c) il-bankina ma setgħetx titkompla mal-bini ta' biswitu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-post indikat huwa bil-permessi meħtieġa PA 709/02 u l-bini huwa mibni fuq il-linja kif indikata mill-uffiċjali ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġiet in-nefqa li saret għas-servizzi ta' taħriġ li saru mal-computer domain, skond kors kors inkluż ECDL Core, ECDL Advanced u Equal Skills, matul l-2004, 2005 u 2006 s'issa, jekk ġew organizzati xi wħud? Kemm studenti applikaw u għal liema korsijiet attendew? Jista' jagħti d-dettalji tal-proċess ta' l-għażla li jsir?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-computer domain hija kumpanija privata.
Jiena nfurmat li bejn 2004 sa 2006 ma sar l-ebda ħlas mill-Ministeru tiegħi għall-korsijiet imsemmija fil-mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġiet in-nefqa li saret għas-servizzi ta' taħriġ li saru mal-computer domain, skond kors kors inkluż ECDL Core, ECDL Advanced u Equal Skills, matul l-2004, 2005 u 2006 s'issa, jekk ġew organizzati xi wħud? Kemm studenti applikaw u għal liema korsijiet attendew? Jista' jagħti d-dettalji tal-proċess ta' l-għażla li jsir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'garanzija se jkollhom dawk il-ħaddiema tax-xatt li kkontribwew għal pensions and contingency fund iżda li se jispiċċaw fis-snin li ġejjin, minħabba li bir-riforma tax-xatt il-fond mhux se jibqa' jiġi sostnut bil-kontribuzzjoni tagħhom? Dawn se tkun garantita għalihom il-gratuity?
Response (GALEA, ĊENSU)
Kif taf l-Onor. Interpellanta bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar ir-riformi meħtieġa fil-portijiet tagħna. Għalhekk, ma nħossx li hu ż-żmien opportun li l-informazzjoni mitluba tingħata bħalissa.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed jippjana l-gvern biex isewwi d-diskriminazzjoni li nħolqot bejn il-ħaddiema tal-port fil-għoti tal-gratuity milli pensions and contingency fund, partikolarment bejn dawk li spiċċaw mix-xogħol qabel is-sena 2003 u dawk li spiċċaw jew għadhom se jispiċċaw wara l-2003?
Jista' il-Ministru jgħid meta se tinbena Triq Pietru Saliba f'Ħal-Luqa, li hija mibnija kollha fi djar residenzjali u li tinsab fi stat mill-agħar, tant li meta tagħmel ix-xita hemm min qiegħed jegħreq bl-ilmijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq msemmija hija nkluża fil-lista ta' toroq li jridu jsiru mill-Awtorita' dwar it-Trasport. Ix-xogħol fiha se jsir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-programm ta' xogħlijiet f'toroq residenzjali.
Jista' il-Prim Ministru jagħti dettalji tal-kontributuri għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali, jiġifieri skond l-income brackets tagħhom u l-għadd tagħhom f'kull income bracket permezz tat-tagħrif hekk kif miġbur mid-dipartiment tat-taxxi interni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija din:
Kategorija
Impjegati
Persuni jaħdmu għal rashom
SA
3,983
7,244
SB
21,765
6,412
SC
129,581
3,988
SD
28,262
-
SE
457
-
SF
2,710
-
SP
-
440
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi llum n-national median income stabilita u allura x'inhuwa s-60% tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-aħħar eżerċizzju fuq dan is-suġġett sar is-sena l-oħra u r-riżultati mistennija jiġu ppublikati matul ix-xhur li ġejjin.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif qed jiġi stabilit il-poverty line u allura x'inhuwa d-dħul indikat li fuqu huwa stabilit il-poverty line?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi biex jistabbilixxi l-poverty line, l-NSO juża ir-regular household income component li huwa t-total tad-dħul regolari cash (i.e.mhux ‘in kind’) ta’ kull membru fil-household. Dan jinkludi:
a) Qligħ minn impjieg nett (wara li titnaqqas it-taxxa u l-bolla);
b) Sussidji:
i) fuq kera
ii) fuq ilma u dawl
iii) fuq trasport
iv) fuq kontijiet tat-telefon
v) oħrajn.
c) Dħul minn dividendi jew imgħaxxijiet;
d) Benefiċċji soċjali:
i) dħul nett minn pensjonijiet lokali u barranin
ii) benefiċċji tal-qagħad
iii) benefiċċji għar-romol u l-orfni
iv) benefiċċji tal-mard u diżabilita’
v) benefiċċji biex ittejjeb il-kundizzjoni tad-dar
vi) stipendji
vii) dħul minn boroż ta’ studju
viii) benefiċċji regolari oħra li mhumiex f’din il-lista.
e) Dħul minn kiri jew ċnus.
Il-
poverty line
tinħadem fuq in-
National Equivalised Income
(
NEI
) li jiġi kkalkulat direttament mir-
regular household income component
b’dan il-mod: kull persuna f’
household
tiġi mogħtija
weight
skond l-eta’ tagħha kif jidher f’din it-tabella:
Persuni f’household
Weight
Il-persuna ta’ referenza (
breadwinner
) prinċipali
1.0
Persuni kollha ta’ l-eta’ ta’ 14-il sena u ikbar
0.5
Persuni kollha ta’ taħt l-14-il sena
0.3
Dawn il-
weights
jiġu magħduda biex tinstab it-
Total Weight per Household
(
TWH
). L-NEI toħroġ billi tiddividi d-dħul kollu regolari tal-household bit-
TWH
. L-
NEI
jiġi attribwit lil kull persuna fil-
household
biex b’hekk ir-rata ta’ faqar tiġi kkalkulata a bażi ta’ persuni individwali u mhux ta’
households
.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li regolarment għadd ta' mediċini qed ikunu out of stock fl-ispiżeriji tal-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jixtri, bejn wieħed u ieħor madwar għaxart elef mediċina u tagħmir mediku. Ix-xiri permezz ta' sejħiet pubbliċi għall-offerti, aġġudikar u twassil ta' provvisti mingħand il-kuntratturi huwa proċess ongoing u jinvolvi deliveries kontinwi ta' mijiet kbar ta' konsenji.
Ir-raġunijiet prinċipali li jikkawżaw li xi prodotti jaqgħu out of stock huma kif ġej:
A) Kuntratturi ma jilħqux iwasslu l-provvisti skond id-delivery period miftiehem, bil-konsegwenza li jiġu ppenaliżżati skond il-klawsoli tal-kuntratt
B) Kuntratturi jiddeċiedu li ma japplikawx għaċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni, bil-konsegwenza li ma jitfgħu l-ebda tender wara l-proċess twil sabiex tkun tista' toħroġ is-sejħa għall-offerti. Dan ikun ifisser li sabiex ikun jista' jinqeda' l-pazjent il-Gvern ma jkollux triq oħra ħlief li jerġa' jibda proċeduri oħra ġodda sabiex ikun jista' jimporta direttament hu minn barra
C) Żidiet qawwija fuq il-konsum ta' ċerti mediċini li ġeneralment ikunu kkawżati minn seasonal epidemics
D) Jista' jkun ukoll li metodi ġodda ta' trattament mill-konsulenti permezz ta' ċertu tip ta' mediċini flok oħrajn, jagħtu riżultati tajbin u li għalhekk ukoll jistgħu iwasslu għal żieda sostanzjali fil-konsum - ipparagunati ma' stock holding li normalment ikun ibbażat fuq l-annual cosumption kif kien qabel bdiet tiġi żviluppata l-mod ġdid ta' kura.
Tista' il-Ministru tispjega kif is-sistema preżenti ta' sigurta' soċjali nazzjonali qiegħda titħaddem, fis-sens ta' x'tip ta' mekkaniżmu qed jintuża biex jiġu garantiti kemm il-pensjoni minima nazzjonali u pensjonijiet oħra kontributorji, kif ukoll l-increments ta' l-għoli tal-ħajja għal 10-15 sena li ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi biex tinżamm ir-relativita' bejn ir-rata tal-Pensjoni Minima Nazzjonali mħallsa taħt l-istess Att u l-Paga Minima Nazzjonali. Permezz ta' dawn il-provedimenti, meta tiżdied il-Paga Minima Nazzjonali tiżdied awtomatikament ir-rata tal-Pensjoni Minima Nazzjonali.
Jekk l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għall-garanzija ta' fondi meħtieġa biex ikopru l-ħlas ta' dawn il-pensjonijiet, nirreferiha għall-inizjattiva li ħa dan il-Gvern biex jirriforma s-sistema tal-pensjonijiet u jassigura kemm is-sostenibbilta' kif ukoll l-adekwatezza tas-sistema għall-ġejjieni.
Tista' il-Ministru tgħid kemm mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali qed jiġu utilizzati għal pensjonijiet futuri? Jekk mhux il-fondi kollha tal-kontribuzzjonijet tas-sigurta' soċjali qed jiġu utilizzati, x'qed isir b'dawk il-fondi li mhumiex jiġu utilizzati għall-pensjonijiet u x'sar mill-fondi extra matul l-aħħar 15-il sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-sistema tas-Sigurta' Soċjali f'Malta hi dik magħrufa bħala 'pay as you go', fejn il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali li jinġabru matul is-sena jmorru fil-fond konsolidat biex jagħmlu tajjeb għall-benefiċċji u pensjonijiet, kemm dawk kontributorji u dawk li m'humiex li jitħallsu matul is-sena. Dan hu rifless fl-Estimi Ġenerali kif approvati kull sena minn dan il-Parlament.
Infakkar lill-Onor. Interpellanti li fil-passat kien jeżisti Fond tas-Sigurta' Soċjali li, barra mid-dħul mill-kontribuzzjonijiet, kien jinkludi wkoll interessi minn investimenti ta' parti minn dan id-dħul. Dan il-Fond kien ġie xolt fl-1978.
Tista' il-Ministru tgħid liema ente fl-eżekuttiv qed jimmaniġġja l-fond li jinġabar mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali? Jeżistu xi tip ta' guidelines jew investment strategies li jiggarantixxu ta' lanqas il-pensjoni minima nazzjonali u pensjonijiet oħra kontributorji għal 10, 15 jew 25 sena li ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18386 f'din l-istess Seduta.
Tista' il-Ministru tgħid xi strateġija kellu l-gvern tul dawn l-aħħar 20 sena biex jassigura s-sostenibbilta' ta' l-iskema nazzjonali tal-pensjonijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 18385 u 18386 f'din l-istess Seduta.
Tista' il-Ministru tgħid jekk mill-fond li jinġabar permezz tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali hux qed jiġu utilizzati fondi għall-iskema tas-saħħa, pensjonijiet mhux kontributorji u benefiċċji soċjali u kemm mill-fond huwa allokat għal xi qasam imsemmi jew oqsma oħra li mhux imsemmija f'din il-mistoqsija?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18386 f'din l-istess Seduta.
Jista' il-Ministru jgħid x'policy qed titħaddem bħalissa dwar dawk l-anzjani li japplikaw biex jidħlu f'xi dar ta' l-anzjani? Jista' jagħti dettalji tal-policy skond dar, dar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-policy li juża d-Dipartiment għal dħul ta' l-anzjani f'xi dar ta' l-anzjani hi skond il-bżonn ta' l-individwu. Dan joħroġ mill-assessments mediċi u soċjali li jsirulhom. Din il-policy hi applikabbli għad-Djar kollha.
Jista' il-Ministru jgħid x'policy għandu d-dipartiment dwar anzjani li jbatu minn dimensja u li jgħixu waħidhom jew ma' uliedhom jaħdmu, u għaldaqstant iqattgħu ħafna ħin waħidhom, u l-familjari tagħhom japplikaw biex dawn l-anzjani jidħlu f'xi dar tal-gvern? Jista' jgħid b'liema mod id-dipartiment iħares lejn l-applikazzjoni tagħhom, fis-sens jekk dawn jiġu meqjusa b'urġenza minħabba l-periklu potenzjali li jkunu fih kemm għal saħħithom kif ukoll għal saħħet dawk ta' madwarhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita' jaddotta sistema ta' assessments kemm mediċi u soċjali li minn dawn l-assessments toħroġ l-istampa ċara ta' l-anzjan/a. Dan jgħodd għal kull mard relatat ma' l-anzjanita' bħad-dementia u kull każ jiġi meqjus fuq il-merti tiegħu personali.