Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet ta’ tiswija fil-bini magħruf bħala Camarata fil-Belt Valletta?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Awtorità tad-Djar wettqet diversi tiswijiet fil-bini tal-Camarata l-Belt skont rapporti ta’ ħsarat li rċeviet mill-inkwilini. Fil-preżent hemm tliet talbiet pendenti għal tiswijiet f’din il-binja fejn, wara li saret spezzjoni minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorità, l-inkwilini ġew infurmati li t-tiswijiet ġew approvati.
Fil-każ ta’ tiswijiet li jirrigwardaw ħsarat ta’ madum u drenaġġ, diġa’ saru l-istimi meħtieġa u qegħdin fil-proċess li jiġu ngaġġati kuntratturi biex iwettqu x-xogħlijiet. Dwar tiswijiet li jikkonċernaw ġebel li ddeterjora biż-żmien fuq faċċati interni, għalkemm bdew jiġu ppreparati l-istimi, ix-xogħol meħtieġ huwa wieħed estensiv u jirrikjedi permessi u proċeduri ta’ tendering. Madanakollu, huwa ppjanat li, dawn it-tiswijiet ikunu jistgħu isiru fit-tieni nofs tas-sena d-dieħla.
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-Awtorità dwar il-Mediċini, minn meta ġew nominati u x’remunerazzjoni għandhom inkluż kwalsijasi ħlas li jirċievu?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista’ l-Ministru tgħid x'tip ta’ Morning After Pill qed titħalla li tkun importata f'pajjiżna, x'jisimha u min jimmanifatturaha u min għandu liċenzja li jimportaha? Tista’ tippreżenta dokumenti jew data jew informazzjoni xjentifika li fuqha l-Awtorità dwar il-Mediċini wżat biex waslet għad-deċiżjoni tagħha li l-Morning After Pill tkun introdotta f'Malta? Tista’ tgħid jekk l-Awtorità dwar il-Mediċini hijiex f’pożizzjoni li tgħid b’ċertezza assoluta li l-Morning After Pill introdotta f'pajjiżna hijiex it-tip li għandha xi effett li ma tħallix bajda fertilizzata tkun impjantata fl-utru tal-mara?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Awtorita' dwar il-Medicini għadha ma rrikmandatx medicina ta' kontraċezzjoni ta' emergenza biex tidħol f'Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ Morning After Pill qed titħalla li tkun importata f'pajjiżna, x'jisimha u min jimmanifatturaha u min għandu liċenzja li jimportaha? Jista’ jippreżenta dokumenti jew data jew informazzjoni xjentifika li fuqha l-Awtorità dwar il-Mediċini wżat biex waslet għad-deċiżjoni tagħha li l-Morning After Pill tkun introdotta f'Malta? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità dwar il-Mediċini hijiex f'pożizzjoni li tgħid b’ċertezza assoluta li l-Morning After Pill introdotta f'pajjiżna hijiex it-tip li għandha xi effett li ma tħallix bajda fertilizzata tkun impjantata fl-utru tal-mara?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Bijoetika, x'inhuma l-kwalifiki jew il-karatteristiċi tagħhom li fuqhom ġew magħżula, xi ħlas ta’ kull tip li jirċievu u x'inhu x-xogħol ta' dan il-kumitat?
Response (DALLI, HELENA)
Nitlob lill-Onor, Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lil Ministru kkoncernat.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Bijoetika, x'inhuma l-kwalifiki jew il-karatteristiċi tagħhom li fuqhom ġew magħżula, xi ħlas ta’ kull tip li jirċievu u x'inhu x-xogħol ta' dan il-kumitat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 8 membri inkluż ic-Chairperson, li jiffurmaw il-kumitat konsultattiv dwar il-bijoetika. Il-membri huma: Prof Pierre Mallia: Chairperson, Fr Mark Sultana, Dr Bernard Caruana, Dr Alberto Vella, Ms Sylvia Spiteri, Ms. Nikita Zammit Alamango, Dr Vincent Moran u Dr Charles Cassar: Segretarju tal-Bord. Dawn il-membri għandhom ħlas ta’ €18.63 għal kull laqgħa ta’ 3 sigħat.
Jista’ l-Ministru jgħid min imexxi s-sistema tas-CVA fil-Belt Valletta? X’jisimha l-kumpanija u fejn qed imorru l-flus li persuna jkollu jħallas mal-liċenzja tal-vettura? Jista’ jgħid jekk hemmx eżenzjonijiet ta' kull ġeneru u x'inhuma r-rekwiżiti biex wieħed ikun eżentat milli jħallas?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sistema tas-CVA fil-Belt Valletta hija sa mill-2007 mħaddma mill-kumpanija CVA Techonology Ltd, li hija l-operatur imqabbad wara sejħa pubblika għal dan il-għan minn Transport Malta, skont il-provedimenti tar-Regolamenti dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Żoni (L.S. 65.31).
Il-ħlasijiet dovuti għall-aċċess fiż-żona tas-CVA imorru direttament għand Transport Malta, filwaqt li l-operatur jitħallas miżata ta’ ġestjoni fissa skont il-kuntratt. L-eżenzjonijiet kollha mid-dritt ta’ ħlas għal aċċess fiż-żona tas-CVA, kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom tkun tista’ tingħata eżenzjoni, huma elenkati fir-regolamenti 6, 7, 8 u 9 tar-Regolamenti dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Żoni (L.S. 65.31).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ serq minn knejjes bejn l-2006 u l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet kienu dawn il-knejjes ? Jista’ jgħid x’kienu l-affarijiet misruqa? Jista’ jgħid jekk kienx hemm nies li tressqu l-Qorti fuq dawn il-każijiet u jekk iva kemm kien in-numru ta’ nies li tressqu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-2006 u sa l-aħħar ta’ Awwissu 2016 kien hemm mitejn u tlieta u sebgħin (273) rapport ta’ serq minn knejjes. Dettalji dwar il-lokalitajiet minn fejn sar dan is-serq, sena b’sena jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Mija u dsatax (119) minnhom kienu propjeta tal-istituzzjoni filwaqt li mija u erbgħa u ħamsin (154) kienu rapporti dwar serq fuq viżitatturi. Dawn jinkludu serq ta’ u minn kaxxi ta’ donazzjonijiet, pitturi, televisions/monitors, apparat relatat ma’ amplifikazzjoni, apparat ta’ Hi-Fi, kompjuters u projectors, strumenti mużikali, ġojjellerija, u oġġetti reliġjuzi bħal pissidi u kurċfissi. Fil-każ ta’ rapporti ta’ serq minn persuni vizitaturi fil-knejjes, dawn kienu jinkludu mobile phones, cameras tar- ritratti, basktijiet/kartieri/portmonijiet li fihom kien hemm dokumenti personali varji, credit/debit cards u ċwievet.
Kien hemm tnejn u sittin (62) persuna li tressqu l-Qorti fuq dawn il-każijiet matul l-istess perjodu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ omiċidji fl-2015 u matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ vittmi ? Jista’ jgħid kemm mill-vittmi kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tal-vittmi? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija? Jista’ jgħid kemm kien hemm każijiet solvuti u kemm ġew akkużati nies quddiem il-qorti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
PBS – ħlasijiet għall-produzzjoni ta’ ċertu programmi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-PBS biex saret il-produzzjoni tal-programmi Times Talk, Madwarna u Xarabank?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija ta’ natura kummerċjali u għaldaqstant ma tistax titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Madanakollu jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jara l-ħlasijiet li saru mill-PBS għall-produzzjoni tal-programmi li dwarhom qed jistaqsi, nista’ nagħmel dan privatament.
Jista’ l-Ministru jgħid lil min ingħatat il-promozzjoni għal supervisor fid-Diviżjoni tas-Saħħa li kienet ħarġet biċ-ċirkolari 48/2004 li ħarġet fit-8 ta’ Ġunju 2004 u li l-individwu (li d-dettalji tal-applikazzjoni tiegħu qed tingħata separatament) li kien ħadha, kien ġie mġiegħel jirrifjutaha?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jgħaddili iktar informazzjoni dwar dan il-każ u l-persuna kkonċernata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba, is-sindku u l-kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta siefru kemm flimkien kif ukoll individwalment matul dawn l-aħħar tliet snin? Fejn kienet kull destinazzjoni u kemm swiet kull safra u kemm ħareġ fondi il-kunsill lokali għal kull safra?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba skont kif provduta mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi bil-“Y” plate reġistrati f’Malta u f’Għawdex u kemm hawn karozzi tal-kiri self drive?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ vetturi rreġistrati bil-“Y” plate huwa ta’ 2,632, u l-ammont ta’ vetturi rreġistrati bħala tal-kiri self drive huwa ta’ 10,939.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' ksur ta’ bon ordni matul l-2016 sad-data li fiha tkun mwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infrurmat li n-numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti fuq reati ta’ ksur ta’ bon ordni bejn Jannar u l-aħħar ta’ Awwissu ta’ din is-sena (2016) kien ta’ sebgħa mija u ħamsa u sittin (765). Dawn kienu jinvolvu ħames mitt (500) raġel li minnhom sitta u sebgħin (76) kienu barranin. Kien hemm ukoll mitejn u ħamsa u sittin (265) mara li sbatax (17) minhom kienu barranin. Numru minn dawn il-każijiet għadhom pendenti quddiem il-Qorti, oħrajn kien hemm il-proċedimenti eżawriti u oħrajn kien hemm il-persuni liberati. Madankollu fil-każijiet deċiżi, is-sentenzi l-aktar kienu Reprimand and Admonish (twiddiba), probation jew conditional discharge u multi.
Reati ta’ tlajjar għall-prostituzzjoni – persuni mressqa l-Qorti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' tlajjar għall-prostituzzjoni matul l-2016 sad-data li fiha tkun mwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li tnejn u erbgħin (42) persuna tressqu l-Qorti fuq reati ta' tlajjar għall-prostituzzjoni minn Jannar sal-aħħar ta’ Awwissu 2016. Tnejn kienu rġiel Maltin, filwaqt li disa u tletin (39) kienu nisa li fosthom kien hemm tlieta (3) barranin. Bejniethom dawn inħarġulhom mija u sittax (116) il-taħrika għal dawn ir-reati. Ħafna mill-każijiet in kwistjoni għadhom pendenti (sub-judice) filwaqt li f’każijiet oħrajn kien hemm sentenzi sospiżi u multi, priġunerija u priġunerija u multi. Minn dawk deċiżi kien hemm każ fejn persuna ġiet liberata u żewġ każi preskritti.
Reati ta’ Vjolenza Domestika – persuni mressqa l-Qorti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' vjolenza domestika matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2016, sa l-aħħar ta’ Awwissu, kien hemm tmien mija u ħamsa u erbgħin (845) persuna li tressqu l-qorti fuq reati ta' vjolenza domestika. Dawn kienu jikkonsisitu f’mitejn u erbgħa u sebgħin (274) mara li minnhom tnax (12) kienu barranin, kif ukoll ħames mija u wieħed u sebghin (571) raġel li ħamsa u sebgħin (75) minhom kienu barranin. Ħafna minn dawn il-każijiet għadhom pendenti quddiem il-Qorti pero, is-sentenzi mogħtija fil-każijiet deċiżi kienu jvarjaw minn multi, liberat bil-kundizzjoni, liberat bla ebda kondizzjoni, proċedimenti eżawriti, ċanfira u twiddiba, probation order, ordni ta’ protezzjoni, garanzija, sentenza sospiza u priġunerija. Xi każi ġew irtirati u oħrajn preskritti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' stupru matul l-2016 sad-data li fiha tkun mwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2016 sa l-aħħar ta’ Awwissu, kien hemm disa’ persuni li tressqu l-Qorti fuq akkużi ta’ stupru. Dawn kienu kollha rġiel li seba’ minnhom kienu barranin u tnejn kienu Maltin. Il-każijijiet in kwistjoni għadhom sal-lum sub-judice u pendenti l-Qorti.
Reati ta’ vjolenza fuq anzjani – persuni mressqa l-Qorti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' vjolenza fuq anzjani matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bejn Jannar u Awwissu 2016 kien hemm mija u żewġ (102) każi ta’ persuni li tressqu jew ser jittressqu l-qorti fuq reati ta' vjolenza fuq anzjani. Dawn kienu jinvolvu disa’ u sebgħin raġel li minnhom sitta kienu barranin. Tlieta u għoxrin minnhom kienu nisa li minnhom tnejn kienu barranin. Waqt li ħafna mill-każijiet ġew appuntati u għad iridu jinstemgħu jew għadhom sub-judice, oħrajn kellhom il-proċedimenti eżawriti wara li l-partijiet ħafru lill-xulxin, xi whud ingħataw probation orders waqt li kien hemm xi whud ukoll li ġew liberati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm insterqu mobile phones bejn l-2006 u d-data li fiha tkun imwieġba din l-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat u lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid kemm minnhom instabu sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm tressqu nies quddiem il-Qorti akkużati b’serq ta’ mobiles sena b’sena b’mod separat?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li statistika għad-dettalji dwar serq ta’ mobile phones teżisti elettronikament mis-sena 2008. Fil-perjodu mis-sena 2008 sa l-aħħar ta’ Awwissu 2016, ġew irraportati li nsterqu 17,993 mobile phones kif jidher fit-tabella A li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Informazzjoni mqassma lokalità, lokalità tidher f’tabella B li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dettalji ta’ kemm instabu min dawn il-mobile phones sena b’sena, ma jezistux b’format elettroniku. Madankollu matul l-istess perjodu kien hemm 425 persuna li tressqu quddiem il-Qorti akkużati b’serq ta’ mobiles sena b’sena, dan jidher f’tabella Ċ li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru sejħiet foloz (hoaxes) għall-fire engines matul is-sena 2016 sad-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul din is-sena sal-aħħar ta’ Awwissu 2016 kien hemm mitejn, sitta u sebgħin –il sejħa falza lejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.