Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Itrapriżi Żgħar — taxxi, tariffi jew miżati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu), mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — taxxi, tariffi jew miżati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu), mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli bl-informazzjoni mitluba, miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Permanenti. F’Tabella A jidhru taxxi, tariffi jew miżati relatati ma’ servizzi mogħtija mid-Dipartiment għall-Iżvilupp Rurali u d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura u li ġew introdotti u/jew riveduti fis-snin imsemmija. Sadanittant, fid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti, permezz tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 433.01, fl-2010 iddaħħlu drittijiet li jitħallsu għall-kwarantina ta’ pjanti. Kopja tal-Avviż Legali qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra separatament bħala Tabella B. Mill-2010 sa issa ma kienx hemm tibdil f’dawn il-miżati. Tabella Ċ turi taxxi, tariffi jew miżati relatati ma’ servizzi offruti mill-kumpanija WasteServ Malta.
Leg 12 PQ #13023 Sitting 222 2014-12-15 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — taxxi, tariffi jew miżati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu), mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — rwol ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi rwol kellu fis-segretarjat privat tal-Ministeru għall-Affarijiet Barrain l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bejn l-2009 u l-2013? Jista' jgħid f'liema skala kien is-salarju tiegħu u kemm kien jammonta sena b'sena? Jista' jgħid x'allowances kien jirċievi mas-salarju tiegħu u kemm kienu jammontaw sena b'sena? Jista' jgħid kienx igawdi minn xi benefiċċji oħra u x'kienet l-ispiża li tħallset fuq dawn il-benefiċċji, b'mod separat, sena b'sena?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-2009 u d-9 ta' Marzu 2013 l-individwu li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament tħallas l-ammont ta' Ewro 136,527.65. Id-dettalji jinsabu fil-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni soċjali – blokkok ta’ bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-blokkok ta’ bini, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatmaent, li kienu ġew esproprjati, se jinbnew u jintużaw għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Parkeġġ bil-ħin fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet is-sistema ta’ parkeġġ bil-ħin fit-toroq hija inforzabbli mill-forzi tal-ordni u ċjoè f’liema lokalitajiet irid ikollok l-arloġġ fuq il-windscreen tal-vettura biex ma teħilx ċitazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-lokalitajiet fejn is-sistema ta’ parkeġġ bil-ħin fit-toroq hija inforzabbli huma dawk elenkati f’Avviż Legali 293 tal-2001 u Avviż Legali 200 tat-2009 u l-emenda f’Avviż Legali 157 tat-2013.

Belt Valletta – ħlas ta’ CVA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min imexxi is-CVA fil-Belt Valletta? Għand liema persuni privati jew legali jmorru l-flus? Liema dispożizzjoni tal-liġi tippermetti li ma titħallasx liċenzja tas-sewqan jekk ma tħallasx il-kont tas-CVA?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi:- - Is-sistema tas-CVA fil-Belt Valletta hija sa mill-2007 mħaddma mill-kumpanija CVA Techonology Ltd, li hija l-operatur imqabbad wara sejħa pubblika għal dan il-għan minn Transport Malta, skont il-provvedimenti tar-Regolamenti dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Zoni (L.S. 65.31); - Il-ħlasijiet dovuti għall-aċċess fiż-żona tas-CVA imorru dirett għand Transport Malta, filwaqt li l-operatur jitħallas miżata ta’ ġestjoni fissa skont il-kuntratt, iżda dan m’ għandu l-ebda sehem jew kummissjoni fuq il-ħlasijiet għall-aċċess fiż-żona tas-CVA; - Filwaqt illi m’hemm l-ebda dispożizzjoni tal-liġi li tippermetti li ma titħallasx il-“liċenzja tas-sewqan” jekk ma jitħallasx il-kont tas-CVA, teżisti dispożizzjoni tal-liġi li ma tippermettix it-tiġdid tal-“liċenzja tal-vettura” jekk ma jitħallasx il-kont tas-CVA. Din id-dispożizzjoni tinsab f’ regolament 5(3) tal-istess Regolamenti, li jgħid: “Meta s-sid ta’ vettura jonqos milli jħallas id-drittijiet ta’ ħlas għal aċċess applikabbli fi tletin ġurnata mid-data li tkun tidher fuq il-kont li permezz tiegħu jkun qed jintalab dak il-ħlas, l- Awtorita` għandha, meta jkun wasal iż-żmien biex tiġġedded il-liċenzja ta’ dik il-vettura, tieqaf milli ġġedded il-liċenzja ta’ dik il-vettura meta din tiskadi sa dak iż-żmien meta jsir il-ħlas ta’ dawk id-drittijiet ta’ ħlas għal aċċess”.

Arms Ltd – każijiet soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni kkunsidrati bħala każijiet soċjali mill-ARMS u kemm hu l-ammont totali ta' kontijiet pendenti ta' dawn il-każijiet? Jista’ jikkonferma li f’każijiet bħal dawn id-dawl ma jinqatax, ikun kemm ikun l-ammont dovut?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Malta Freeport — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati full-time jew part-time fil-Malta Freeport mid-19 ta’ Settembru 2013 sal-lum? Jekk daħlu xi impjegati, jista’ jgħid dawn minn liema lokalitajiet huma?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Freeport Corporation ma mpjegat l-ebda persuna fiż-żmien mitlub minnu.

Lifts irreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. Kemm hemm lifts irreġistrati mal-Awtorità responsabbli li jinsabu kemm fi stabbilimenti kummerċjali/postijiet tax-xogħol jew residenzjali; b. Kemm saru spezzjonijiet ta’ lifts matul is-snin 2012, 2013 u din is-sena; u c. Jekk inħarġux ordnijiet biex lifts ma jintużawx għaliex ma kinux compliant skont il-liġi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Ħal Kirkop – xogħlijiet fil-pjazza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop milli jkompli u jlesti x-xogħlijiet fil-pjazza ta’ wara l-knisja parrokkjali? Jista’ jgħid min hu l-perit li qed jieħu ħsieb il-proġett inkwestjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop li x-xogħol fuq il-proġett fi Pjazza Żernieq, huwa lest. Madankollu d-dawra tal-ġnien għada bla tarmak. Infurmat li l-Kunsill Lokali talab lil Transport Malta biex isir dan it-tarmak, iżda s'issa għadu ma ħa l-ebda rispons konkreta. Fid-dawl ta’ dan kollu l-Kunsill Lokali jħoss li l-Pjazza ma tistax tinfetaħ qabel jitlesta t-tarmak. Il-perit tal-Kunsill, Toni Bezzina, huwa nkarigat minn dan il-proġett.

Il-Għargħur – Triq Mattia Preti – reserved parking bays

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fi Triq Mattia Preti, il-Għargħur, tneħħew ir-reserved parking bays?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li minn riċerka li saret fl-arkivji tal-Awtorità tat-Trasport tal-aħħar sentejn irriżulta li l-Awtorità ma neħħiet l-ebda parkeġġ riservat minn Triq Mattia Preti, Ħal-Għargħur.

Sptar Mater Dei – operazzjoni caesarean section

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm tiġi tiswa operazzjoni caesarean section meta sseħħ fl-Isptar Mater Dei?

Response (MIZZI, KONRAD)

It-tagħrif mitlub f’din il-mistoqsija parlamentari ma jistax jingħata minħabba li hu ta’ natura kummerċjali.

Malta Freeport — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati full-time jew part-time fil-Malta Freeport mid-19 ta’ Settembru 2013 sal-lum? Jekk daħlu xi impjegati, jista’ jgħid dawn minn liema lokalitajiet huma?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — ENT Outpatients - testijiet tal-audiogram

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il test tal-audiogram sar fl-ENT Outpatients tal-Isptar Mater Dei nhar it-Tlieta, 8 ta' Lulju 2014?

Response (MIZZI, KONRAD)

Kien hemm 41 każ ta’ audiological (hearing) tests li saru fl-ENT Outpatients tal-Isptar Mater Dei mill-istaff tal-Audiologynhar it-Tlieta 8 ta’ Lulju 2014.

Tfal ma ntbagħtux skola – persuni akkużati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li ġew akkużati talli ma bagħtux it-tfal l-iskola bejn is-snin 2008 - 2013 u mil-liema lokalità ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat li l-informazzjoni għas-sena skolastika 2008-2009 ma tistax tingħata minħabba li l-informazzjoni li ntalbet bdiet tinġabar mid-Dipartiment Servizzi għall-Istudent mis-sena skolastika 2009-2010.

Nefqa fuq telefonati, fuel u safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien il-Ministru jew Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ġustizzja bejn 2008 u 2013? Jista' jgħid kemm nefaq f'mobile telephone calls personali u jgħid kemm nefaq fi fuel għall-karozza personali? Jista' jgħid kemm kellu personal assistants? Jista' jgħid kemm nefaq f'safar għalih u jekk kienx isiefer clubclass jew le? Jista' jgħid kemm ġiet tiswa fi prezz, kera u/jew manutenzjoni l-vettura ministerjali tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

MSA – prodotti mingħajr CE Mark

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tal-Istandards ta’ Malta (MSA) hijiex twaqqaf prodotti li ma jkollhomx il-marka CE milli jaslu għand il-persuni li jkunu xtrawhom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li prodotti li jaslu d-Dwana ta’ Malta u li ma jkollhomx ir-rekwiżiti neċessarji dwar il-liġijiet tas-sigurtà tal-prodotti, fosthom il-marka CE jekk din tkun applikabbli, jiġu miżmuma mid-Dwana stess għaliex dawn jistgħu ikunu ta’ riskju serju għal min jużahom. L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur tikkollabora mad-Dwana fuq l-aspetti tekniċi tal-prodotti. Prodotti li jinstabu fuq is-suq u li ma jkollhomx il-marki neċessarji jitneħħew mis-suq sakemm isiru t-testijiet u r- Risk Assessment neċessarji sabiex ikun żgurat illi dawn il-prodotti ma jpoġġux riskji serji għal min jużahom.

Djar vojta li huma abitabbli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern iżommx statistika ta’ kemm hemm djar abitabbli jew potenzjalment abitabbli li huma vojta u ma jintużawx għal skopijiet residenzjali? Tista’ tippreżenta din l-istatistika jekk teżisti u possibbilment l-informazzjoni tkun mqassma skont il-lokalità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma żżommx din l-istatistika. Madankollu nixtieq inserraħ lil kulħadd li kull residenza tajba għal abitazzjoni mill-ewwel tingħata għall-akkomodazzjini soċjali – mhux biss biex tgħin lil dawk li jeħtiġuha iżda biex tevita wkoll li l-post ikun okkupat illegalment minn terżi persuni.

Postijiet tal-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn blokok ta’ flats tal-Gvern, lokalità b’lokalità f’Malta u f’Għawdex? Kemm hemm appartamenti f'sular tal-blokok?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni neċessarja dwar blokok ta’ flats tal-Gvern tista’ tinġabar mid-Dipartiment tal-Artijiet, filwaqt li l-Awtorità tad-Djar qed tpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra dwar il-postijiet li għandha fil-pussess tagħha.