Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett tal-White Rocks – spiża fuq konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq il-konsulenzi kollha li saru fuq il-proġett tal-White Rocks bejn l-1999 u Marzu 2013, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid lil min ingħata dan ix-xogħol u jekk ingħatax wara espressjoni ta’ interess jew jekk hux b’direct order?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Proġett tal-Crafts Village f’Ta’ Qali – spiża fuq konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq il-konsulenzi kollha li saru fuq il-proġett tal-Crafts Village f’Ta’ Qali bejn l-1999 u Marzu 2013, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid lil min ingħata dan ix-xogħol u jekk ingħatax wara espressjoni ta’ interess jew jekk hux b’direct order?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Droga li nqabdet mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga mill-pulizija bejn Marzu 2013 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? X’inhu maħsub li kien il-valur tagħha fis-suq? Kemm kienu arrestati nies u kemm minnhom tressqu l-Qorti? Kemm kien hemm Maltin u kemm kien hemm ċittadini ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar droga li nqabdet mill-Pulizija fil-perjodu mitlub, hija kif tidher fit-tabelli li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Infurmat li mhux possibli li jingħataw dettalji fuq il-valur tal-qabdiet tad-drogi, peress li dawn ivarjaw min qabda għal-oħra u l-figuri mgħotija jistgħu ma jirriflettux il-valur proprju.

Droga li nqabdet mid-Dwana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga mid-Dwana bejn Marzu 2013 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? X’inhu maħsub li kien il-valur tagħha fis-suq? Kemm kienu arrestati nies u kemm minnhom tressqu l-Qorti? Kemm kien hemm Maltin u kemm kien hemm ċittadini ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel żewġ mistoqsijiet parlamentari separati lill-Ministeri kkonċernati. Meta l-informazzjoni tkun miġbura għal-ewwel żewġ domandi, l-Ministeru tiegħi jwieġeb l-aħħar parti tad-domanda.

Każijiet ta’ bullying

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fis-sena skolastika 2013-2014 u fis-sena skolastika 2014-2015 kemm kienu rrappurtati każi ta’ bullying ta’ studenti fuq studenti u ta’ studenti fuq għalliema? X’passi ttieħdu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jinqalgħu każijiet ta’ bbuljar bejn l-istudenti d-Dipartiment u l-iskejjel ikkonċernati fi ħdan id-Direttorati tal-Edukazzjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont in-natura tal-każ jew allegazzjoni. Fost dawn ta’ min isemmi sessjonijiet - kemm mal-vittma u kif ukoll mal-aggressur - ta’ counselling u guidance, sessjonijiet mal-psikoloġi, is-social workers u mal-ispeċjalisti tal-SEBD, fejn ukoll il-vittma jingħata l-possibbiltà ta’ counselling service. Barra minn hekk, il-Guidance Teachers tal-Anti-Bullying Team iżuru l-iskejjel u kulfejn ikunu rappurtati tali każijiet, dawn isegwu proċeduri u miżuri stabbiliti biex jagħtu l-għajnuna professjonali tagħhom. Permezz tar-restorative justice, l-istudenti kkonċernati jiġu megħjuna jifhmu li għal kull aġir hemm konsegwenza. Għalhekk jittieħdu wkoll azzjonijiet differenti fejn l-istudenti jistgħu juru b’mod konkret id-dispjaċir tal-azzjoni li jkunu wettqu. Rigward każijiet ta’ bbuljar ta’ studenti fuq għalliema, infurmat li s-servizz ta’ l-Anti-bullying ma jiġborx tali informazzjoni. Numru ta’ każijiet irrappurtati ta’ bbuljar bejn studenti li ġew irrapportati lill-Anti-Bullying Services fi ħdan is-Servizzi Psikosoċjali Edukattivi kienu: Sena skolastika 2013-2014 322 Sena skolastika 2014-2015 306

Diviżjoni tal-Edukazzjoni – każijiet irrapurtati ta’ studenti tas-sekondarja li ħarġu tqal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-każijiet irrappurtati lid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni ta’ studenti tas-sekondarja li ħarġu tqal bejn is-sena 2000 u llum, sena b’sena b’mod separat? Jista' jgħid kemm minnhom baqgħu jattendu l-iskola? Jista’ jgħid l-etajiet tagħhom? Jista’ jgħid x’għajnuna ngħataw dawk li baqgħu l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ġiet miġbura fuq bażi ta’ sena, minn Jannar sa Diċembru. Parti mill-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija, dik dwar kemm tfajliet komplew skola jew xogħol wara li ħarġu tqal, bdiet tinġabar mis-sena 2008 ‘il quddiem. Għaldaqstant, mis-sena 2000 sas-sena 2007 qed jiġu ppreżentati biss in-numru ta’ tfajliet li ħarġu tqal sena b’sena, kif mitlub fl-istess mistoqsija. Bħala informazzjoni addizzjonali dwar it-tip ta’ għajnuna li tingħata lit-tfajliet tqal kemm qabel kif ukoll wara t-tqala ta’ min wieħed isemmi s-Servizz Għożża li tagħmel parti mid-Dipartiment Servizzi għall-Istudent fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Servizz Għożża tipprovdi sapport u programm edukattiv lill-persuni minuri kollha li jkunu se jsiru ommijiet kif ukoll lil dawk li jkunu għadhom kemm saru ommijiet. Dawn iż-żgħażagħ jistgħu jkunu fl-iskejjel sekondarji, post-sekondarji, kif ukoll f’impjieg jew id-dar. Barra minn hekk, jingħata sapport ukoll lill-partners u lill-familjari tagħhom. Servizz Għożża tħajjar lill-ommijiet żgħażagħ biex jaddottaw attitudni pożittiva lejn l-istat ta’ omm waqt li tgħinhom ikomplu fil-karrieri tagħhom bl-għajnuna ta’ professjonisti oħra fil-qasam edukattiv. Meta tfajla tagħżel li tibqa' tmur l-iskola waqt it-tqala minflok tattendi Servizz Għożża, ir-responsabbiltà u l-għajnuna li tingħata tfajla bħala sapport jaqa' f' idejn il-guidance team/counsellor tal-iskola fejn tattendi t-tfajla. Servizz Għożża xorta jibqa' joffri s-sapport u l-għajnuna lit-tfajla u l-familjari tagħha meta dan jiġi mitlub permezz ta' counselling mill-counsellor ta' Servizz Għożża anke meta din tagħżel li ma tattendix il-programm u li tibqa' tmur l- iskola. Bħala Servizz Għożża kull tfajla li saret omm żagħżugħa tiġi mistiedna tattendi 'Mother and Baby Support Group' fi ħdan Servizz Għożża darba fil-ġimgħa. F'dan il-grupp jiġu indirizzati: · il-bżonnijiet tal-omm żagħżugħa u t-tarbija; · isiru sessjonijiet ta' parenting skills, · it-tfajla tiġi mħeġġa biex tkompli bl-istudji tagħha/karriera jew tipprepara ruħha għad-dinja tax-xogħol, · kif ukoll jiġu mistiedna diversi kelliema relatati ma' suġġetti varji ta' interess tal-omm żagħżugħa.
Leg 12 PQ #18981 Sitting 305 2015-10-21 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Ċensiment — Illetteriżmu f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-rata ta’ illetteriżmu f’pajjiżna skont iċ-ċensimenti li saru bejn l-1911 u l-2011 ċensiment b’ċensiment Jista’ jagħti wkoll ir-rata skont l-etajiet fejn dan huwa possibbli li jsir?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #18982 Sitting 305 2015-10-21 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Ċensiment — household goods

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ tal-popolazzjoni li kellha aċċess (fejn applikabbli) għall-ilma, dawl, is-sistema tad-drenaġġ, friġġ, freezer, televixin, gas cooker, washing machine, linja fissa tat-telephone, mobile phone, cable TV u internet, skont iċ-ċensimenti li saru fl-1948, 1957, 1967, 1985, 1995, 2005 u 2011, ċensiment b’ċensiment?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xogħlijiet li saru biex tkun indirizzata l-problema tal-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar minn Marzu 2013 sal-lum biex tkun indirizzata l-problema tal-għargħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li bejn Marzu 2013 u Settembru 2015 sar dan ix-xogħol biex tkun indirizzata l-problema tal-għargħar: · Gżira – Tkompla u tlesta x-xogħol fuq il-bini ta’ ġibjun fit-tarf ta’ Wied Għollieqa li għandu ħażna ta’ madwar 10,000 metru kubu ta’ ilma tax-xita u li jipperkolaw għall-ilma tal-pjan. · Birkirkara – Tkompla x-xogħol fuq it-tħaffir u l-bini ta’ 11-il kilometru ta’ mini u 90 kanal u gradilji ta’ madwar 8 metri tul kull waħda biex jilqgħu l-ilma fit-toroq bejn il-Mosta, Ħ’Attard, Ħal-Balzan, Birkirkara u Ta’ Xbiex. Inbniet l-istruttura li minnha joħroġ l-ilma għall-baħar ġewwa Ta’ Xbiex kif ukoll li fiha jinħażen madwar 30,000 metru kubu ta’ ilma li jkun jista’ jiġi ppumpjat għal ġibjun fil-Gżira kull darba li jinġabar. Ix-xogħol fuq dan il-proġett laħaq 96% u għandu jitlesta sal-aħħar gimgħa ta’ Novembru 2015. · L-Iklin – Saru 450 metru ta’ culverts. · Ħaż-Żebbuġ - Tkompla x-xogħol u tlesta fuq it-tħaffir u l-kostruzzjoni ta’ 2.3 kilometri ta’ mini u 34 kanal u gradilji fit-toroq. Saru wkoll 400 metru ta’ culverts . · Ħaż-Żabbar u Marsaskala – Tkompla x-xogħol u tlesta fuq it-tħaffir u l-kostruzzjoni ta’ 3.2 kilometri ta’ mini u 28 kanal u gradilji fit-toroq bejn Ħaż-Żabbar u Marsaskala. Inbniet ukoll l-istruttura li minnha joħroġ l-ilma għall-baħar kif ukoll li fiha jinħażen kwantita’ ta’ ilma li jkun jista’ jiġi ppumpjat għal ilqugħ tal-ilma li hemm fi Triq Wied il-Għajn. Ser isiru wkoll madwar 515-il metru ta’ culverts li x-xogħol fuqhom ser jinbeda fil-ġranet li ġejjin. · Ħal Qormi – Tkompla u tlesta x-xogħol fuq il-bini ta’ żewġ culverts kbar ta’ tul ta’ 550 metru l-waħda taħt Triq il-Wied, il-bini ta’ erba’ culverts kbar ta’ tul ta’ 110 metri l-waħda taħt Triq Aldo Moro, il-bini ta’ żewġ culverts kbar ta’ tul ta’ 100 metru l-waħda ħdejn il-pont l-antik fil-Korsa tal-Golf tal-Marsa, it-twaqqiegħ u rikostruzzjoni ta’ erba’ pontijiet - wieħed fi Triq Manwel Dimech, ieħor fi Triq Correa, ieħor fi Triq il-Mitħna u ieħor fi Triq il-Wied. Sar ukoll ftuħ ġdid maġenb il-pont antik li hemm taħt Triq San Bastjan biex l-ilma jkun jista’ jgħaddi b’mod aktar faċli. Saru wkoll 625 metru ta’ culverts f’diversi toroq. Barra minn hekk sar u għadu jsir xogħol ieħor ta’ tindif fil-widien u fil-culverts tat-toroq sabiex titnaqqas il-possibilta’ ta’ għargħar meta tagħmel ħafna xita.
Leg 12 PQ #18972 Sitting 303 2015-10-20 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Tkabbir tal-ekonomija Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jitqabbel it-tkabbir tal-ekonomija Maltija ma’ dak medju fiż-Żona Ewro fl-2012, 2013, 2014 u 2015 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Imwiet ikkaġunat mit-tipjip

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' mwiet ikkaġunat mit-tipjip sena b’sena b’mod separat, bejn l-2000 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond estimi kkalkulati mir-Reġistru Nazzjonali tal-iMwiet, in-numru ta’ mwiet attribwibbli ghad tipjip hija kif tidher fit-tabella hawn taht. Il medja annwali ta’ mwiet attribwibbli ghad tipjip matul il-perjodu 2000-2014 gie stmat li kien 397 imwiet fl-irġiel u 111 imwiet fin-nisa.

Persuni li mietu bil-marda tal-kanċer

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2000 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija kemm kien in-numru ta' persuni li mietu bil-marda tal-kanċer, sena b’sena b’mod separat? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Kemm kienet l-età tal-persuni li mietu? X'kienu t-tipi differenti ta' kanċer?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Obeżità fost is-subien u bniet ta’ 15-il sena u inqas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-rata tal-obeżità fost is-subien u l-bniet ta’ 15 –il sena u inqas mill-2000 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u kif titqabbel ma’ pajjiżi fl-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Persuni li mietu kawża ta’ mard marbut mal-obeżità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu persuni kawża ta' mard marbut mal-obeżità sena b'sena mill-2000 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista jgħid x’kienu l-etajiet tagħhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Childcare centres bla ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li jibagħtu lill-uliedhom f’Childcare Centres bi ħlas u li bbenefikaw minntnaqqis fit-taxxa matul l-2014? Kemm huwa maħsub li b’kollox ġiet iffrankata taxxa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Nisa f’impjiegi full time u part time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ nisa li kellhom impjieg full time, impjieg part time u impjieg full time u part time f’Diċembru 2012, f’Diċembru 2013, f’Diċembru 2014 u fid-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, l-għadd ta’ nisa li kellhom impjieg full time, impjieg part time bħala xogħol primarju u impjieg part time kif ukoll full time fl-aħħar ta’ Diċembru tal-aħħar tlett snin u fl-aħħar ta’ April 2015 hu kif ġej: Xhur Total Full Time Part Time bħala xogħol Primarju Part Time u għandhom Full Time wkoll Diċembru 2012 53,316 18,431 7,542 Diċembru 2013 56,946 19,528 7,930 Diċembru 2014 60,064 20,111 7,691 April 2015 61,622 20,014 7,774 Rigward l-aħħar kolonna, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-figuri ta’ nisa li jaħdmu part time u għandhom ukoll full time huma inklużi fin-numri mogħtija għas-snin rispettivi ta’ nisa li jaħdmu full time.

In-nisa fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-rata tan-nisa fid-dinja tax-xogħol f’Diċembru 2012, f’Diċembru 2013, f’Diċembru 2014 u fid-data li fiha tkun imwiegba din il-mistoqsija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ ma taħdimx ir-rata ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol. Din l-istatistika tinħadem u tinħareġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #18968 Sitting 302 2015-10-19 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Linji tal-ajru ġodda li bdew joperaw minn pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm bdew joperaw linji tal-ajru ġodda minn pajjiżna u għal liema destinazzjonijiet qed itiru minn Marzu 2003 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kemm ġarrew passiġġiera lejn pajjiżna?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi informazzjoni dwar linji tal-ajru ġodda li bdew joperaw minn pajjiżna bejn Marzu 2003 u l-aħħar ta’ Dicembru 2005, ma ġietx miżmuma. Madankollu, l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija tista’ tingħata biss minn Jannar 2006 sad-data li fiha qed tkun imwieġba din il-mistoqsija, kif elenkat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min jirrimarka wkoll li statistika ta’ kemm dawn il-linji tal-ajru ġarrew passiġġieri ma tistax tingħata minħabba li din l-informazzjoni hija ta’ natura kummerċjali .
Leg 12 PQ #18969 Sitting 302 2015-10-19 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukandi li żiedu l-kmamar u s-sodod

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-lukandi li żiedu l-kmamar u s-sodod minn Marzu 2003 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ kmamar u sodod li żdiedu b’kollox? Jista’ jgħid ta’ liema stilel kienu l-lukandi li għamlu dan l-investiment u f’liema lokalità jinsabu? Jista’ jgħid kemm kien il-valur tal-investiment li sar fuq dawn il-kmamar u sodod ġodda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turizmu ma żżomx informazzjoni dwar kemm kien il-valur tal-investiment li sar fuq il-kmamar u sodod ġodda minn lukandi. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema tal-iscrappage

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kull darba li nfetħet l-iskema tal-iscrappage tal-karozzi, kemm applikaw għaliha u b’mod totali kemm kienu l-fondi li bbenefikaw minnhom dawk li applikaw minn Marzu 2013 sal-lum,?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn Marzu 2013 l-iscrappage scheme nħarġet tliet darbiet hekk kif ġej: - Skema 2013 – 553 applikazzjoni approvati li minnhom ġew irtirati 16. Fondi li ngħataw jammontaw għal €268,500 - Skema 2014 – 661 applikazzjoni approvati li minnhom ġew irtirati 8. Fondi li ngħataw jammontaw għal €300,000 li ġew estiżi b’€200,000 oħra - Skema 2015 – 1,146 applikazzjoni approvati . Fondi li ngħataw jammontaw għal €400,000 u fejn l-iskema ġiet estiża darbtejn bi €300,000 u b’€200,000 oħra