Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbidlu t-tendering regulations tal-kunsilli lokali sabiex dawn ikunu konformi mad-Dipartiment tal-Kuntratti u mar-Regoli tal-Unjoni Ewropea?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jinħadem dokument li se jiġi ikkomunikat lill-Kunsilli Lokali aktar tard. Permezz ta’ dan id-dokument il-Kunsilli Lokali se jkollhom linja gwida ċara ta’ kif għandhom jipproċedu sabiex il-Kuntratti kollha jkunu konformi mar-regolamenti tad-Dipartiment tal-Kuntratti u mar-Regoli Ewropej. Għal snin twal il-Kunsilli Lokali tħallew jiżżefnu fin-nofs fuq interpretazzjoni tal-liġi u dwar liema proċedura dawn għandhom jaddottaw. Dawn il-proċeduri ħolqu inkonvenjent kbir u għalhekk li ser jiġi ppublikat dan id-dokument li permezz tiegħu l-Kunsilli Lokali ser ikollhom direzzjoni ċara ta’ kif għandhom joħorġu is-sejħiet għall-offerti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi minn kull kunsill lokali minn meta daħal fis-seħħ it-tibdil fil-liġi sussidjarja 119 sal-aħħar ta’ Diċembru 2015? Jista’ jgħid kemm kien l-ammont ta’ dħul minn kull kunsill lokali għal dan il-perjodu?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba li turi kemm inħarġu permessi minn kull Kunsill Lokali u kemm kien l-ammont ta’ dhul minn meta daħal fis-seħħ it-tibdil fil-liġi sussidjarja 119 sal-aħħar ta’ Diċembru 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li għamlu Sustainable Development ActionPlan? Jista’ jgħid min kienu dawn il-kunsilli lokali u jekk minn meta saru dawn ir-rapporti kienx hemm xi żviluppi dwarhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 12 –il Kunsill Lokali li għamlu Sustainable Development Action Plan.
Dawn huma: l-Imdina, iż-Żejtun, Ħal Balzan, Ħad-Dingli, l-Għarb, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, il-Kalkara, Marsaskala, il-Mellieħa, Pembroke u San Lawrenz.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba li turi l-iżvillupp li sar.
Użu ta’ lingwa Maltija fil-laqgħat informali tal-Ministri
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid hijiex se tintuża l-lingwa Maltija waqt il-laqgħat informali tal-Ministri li se jsiru f’Malta?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li ser ikun hemm l-opportunita’ li tintuża l-lingwa Maltija waqt il-laqgħat informali tal-Ministri li ser isiru meta Malta jkollha l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-2017.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid x’ħidma qed issir ma’ dawk il-pajjiżi li diġà kellhom il-Presidenza sabiex pajjiżna jitgħallem mill-esperjenza tagħhom?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li Malta qed iżżomm kuntatt regolari ma dawk il-membri li kellhom il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’dawn l-aħħar snin partikolarment Ċipru, l-Irlanda, l-Litwanja, l-Greċja, l-Italja, l-Latvja u l-Lussemburgu.
Uffiċċjali Maltin għal xi żmien irċevew ukoll xi taħriġ waqt il-Presidenzi ta’ l-Italja u l-Latvja.
Huwa mistenni li matul l-2016 se tkompli tiżdied il-kollaborazzjoni mal-Presidenzi li se jipreċeduna cioe’ l-Olanda u l-Islovakkja.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti fid-dettal il-prijoritajiet li se jkunu bbażati fuqhom il-Fondi Ewropej fis-snin li ġejjin?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l –Onor. Interpellant li l-prijoritajiet għal Malta fuq is-suġġett konċernat huma stabbiliti fil-Ftehim ta’ Sħubija mal-Kummissjoni Ewropea.
Dawn huma:
- It-tħaddin tal-kompetittività permezz tal-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ ambjent li jgħin lin-negozju;
- Is-sostenn ta’ ekonomija li tiffavorixxi l-ambjent u ekonomija li hi effiċjenti fir-riżorsi;
- Il-ħolqien ta’ opportunitajiet permezz ta’ investiment fil-kapital uman u t-titjib tas-saħħa u l-benesseri.
Kunsill lokali Birkirkara – proċedura stabbilita dwar kuntratti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ċirkostanzi fejn il-kunsill lokali ta’ Birkirkara ma mexiex mal-proċeduri tal-kuntratti bejn l-2010 u l-2013? Jekk iva, jista’ jgħid liema kienu dawn il-kuntratti u x’kien il-valur tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Kien hemm numru ta’ kazijiet fejn jidher li l-Kunsill ma mexiex mal-proċeduri tal-kuntratti u dan wieħed jista jsibu kemm fir-rapporti ta’ l-awdituri kif ukoll minn korrispondenza li s-Segretarju Eżekuttiv preċedenti kien kiteb lill-awtoritajiet. Il-każijiet kienu dawn –
1. Xogħol ta’ tarmak li jammonta għal madwar €211,000. Dan it-tarmak sar f’Marzu tas-sena 2013 f’ Misraħ u Sqaq it-Tiġieġ, Sqaq Buħawra, Triq FM Galea, u Triq Tommaso Dingli. It-tender BLC006-2009 dwar resurfacing and ancillery works kien mirbuħ minn Polidano Bros Ltd madankollu l-Kunsill ħadem bil-kuntrattur V&C. It-tender BLC006-2009 kellu jiskadi fil-31 ta’ Jannar 2014 u apparti Polidano, kienu tefgħu offerta Asfaltar u Alfred Schembri & Sons. Il-kuntrattur Polidano kien informa lill-Kunsill illi peress li kellu flus dovuti lejh li kienu ma tħallsux ma riedx jagħmel ix-xogħol. Il-Kunsill ħareġ tender ġdid BLC14-2012 imma ma kienx ġie ffirmat qabel is-17 ta’ Ġunju 2013. It-tender intrebaħ minn V&C Contractors. B’hekk jidher illi x-xogħol sar qabel ma sar il-kuntratt bejn il-kuntrattur u l-Kunsill.
2. Spiża ta’ madwar €107,000 fuq tliet snin bħala extras għal tbattil ta’ skips u servizzi addizzjonali lil kumpanija NORTHERN CLEANING. Il-ftehim dwar dawn l-extras sar b’mod verbali u ma hemm l-ebda kuntratt. L-awditur kien talab lill-Kunsill biex joħroġ tender addizzjonali imma jidher li ma kien sar xejn minn dan.
3. Spejjeż marbuta ma’ photocopier mikrija lill-Kunsill – bejn is-sena 2010 u 2013 l-ispejjeż laħħqu s-somma ta’ madwar €54,000. Ma kien hemm l-ebda tender għal dan is-servizz.
4. Kiri ta’ Vetturi. Il-Kunsill ħallas madwar €17,000 f’kiri ta’ karozzi mingħajr ma nħareġ tender fuq it-tliet snin imsemmija.
5. Xiri ta’ mwejjed tal-kompjuters, għaxra b’kollox, liema ħlas ammonta għal €11,900. Dan bla sejħa għal offerti
6. Spiża ta’ madwar €8,500 fuq tliet snin relatati ma’ kiri ta’ għaxar waste seperation bins mingħand General Cleaners Co. Ltd.
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapporti marbuta ma’ dawn is-sitt każijiet intbgħatu lill-Bord ta’ Governanza sabiex jinvestiga dawn il-każijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li għandhom il-wifi fil-pjazez tagħhom u jekk hemmx xi ħsieb li dawn jiżdiedu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni miġbura hemm 61 Kunsill Lokali li joffri servizz ta’ WiFi fil-pjazez tagħhom li jammontaw għal 120 pjazza.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bqija tal-informazzjoni mitluba skont kif miġbura mill-Kunsilli Lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kunsilli lokali li ħadu sehem fil-proġett Għaqal id-Dar? Kemm kien l-ammont ta’ dawk li attendew u jekk hemmx il-ħsieb li iktar kunsilli lokali jibbenfikaw minn dan il-programm?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul din is-sena diġa saru żewġ korsijiet relatati mal-proġett Għaqal id-Dar li fihom ipparteċipaw numru ta’ Kunsilli Lokali.
L-ewwel course sar bejn Frar u Marzu tal-2015 f’Ħal Għaxaq, Kalkara, Ħal Qormi, u San Pawl il-Baħar fejn ħadu sehem 65 persuna.
Minn Settembru sa Novermbru ta’ 2015 sar course ieħor fil-Mellieħa, Msida, Pembroke u Santa Luċija fejn ħadu sehem 86 persuna.
Hemm il-ħsieb li minn Jannar sa Marzu 2016 se jkun qed isir course ieħor fl-Għarb, Ħad-Dingli, il-Birgu u l-Ħamrun.
Kunsilli lokali – parteċipazzjoni fil- proġett pilota ta’ ġbir ta’ skart organiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li qegħdin jipparteċipaw fil-proġett pilota ta’ ġbir ta’ skart organiku? Jista’ jgħid x’qed ikunu r-riżultati miksuba u jekk il-kunsilli lokali humiex kuntenti bir-rispons tan-nies?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentement hemm ħames Kunsilli Lokali li qegħdin jipparteċipaw fl-ewwel fażi tal-proġett pilota ta’ ġbir ta’ skart organiku li daħal fis-seħħ mit-30 ta’ Ottubru 2015. Dawn huma: l-Imdina, Bormla, Birkirkara, Ħal Għaxaq u Ta’ Xbiex.
Il-kummenti li rċevejna mingħand il-Kunsilli Lokali u mingħand il-pubbliku kienu varjati u jagħtu lok għal titjib fis-sistema. Wara kollox, dan huwa l-iskop għalfejn isir proġett pilota.
Intant ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett ser jgħaddi għat-tieni fazi tiegħu mid-29 ta’ Jannar 2016 fejn erbgħa lokalitajiet oħra sejrin jissieħbu ma’ dawk li diġa semmejt. Dawn huma: Marsaxlokk, l-Imġarr, is-Swieqi u Ħal Kirkop.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li bbenefikaw mill-Europe for Citizens Programme? Jista’ jgħid x’qiegħed jagħmel sabiex il-kunsilli lokali jkunu megħjuna biex ikollhom aktar suċċess fl-applikazzjonijiet tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 45 Kunsilli Lokali li bbenefikaw mill-Programm Europe for Citizens minn kemm ilha Malta eliġibbli li tipparteċipa fih.
Minn Novembru 2014 sal-aħħar tal-2015, il-Europe for Citizens Contact Point ta’ Malta li jinsab fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali (sa minn Novembru 2014), organizza 12 -il sessjoni ta’ taħriġ u ta’ informazzjoni kemm lir-rappreżentanti eletti tal-Kunsilli Lokali kif ukoll lill-istaff amministrattiv tal-istess Kunsilli. Tali sessjonijiet qed jiġu organizzati flimkien mal-MEUSAC.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Programm URBACT III tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid x’qiegħed isir sabiex il-kunsilli lokali jibbennfikaw minn dawn il-fondi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi taħt il-programm il-ġdid URBACT III, sal-lum ħarġet biss sejħa waħda għal proġetti. Kienu tlieta l-Kunsilli Lokali li bil-għajnuna tan-National URBACT Point ta’ Malta u tal-MEUSAC, issottomettew proġetti kemm bħala Lead Partners kif ukoll bħala Partners, għall-kunsiderazzjoni tas-Segretarjat tal-istess Programm. Sfortunatament, l-ebda proġett ma ġie aġġudikat.
In-National URBACT Point ta’ Malta, organizzat Info Day għall-Kunsilli Lokali u għal entitajiet li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw f’dan il-programm sabiex tipprovdi iktar tagħrif rigward l-istess programm. Ġew mistiedna wkoll rappreżentanti tas-Segretarjat tal-Programm URBACT III kif ukoll esperti lokali u barranin li qassmu l-esperjenzi tagħhom ma’ dawk preżenti. In-National Contact Point ta’ Malta, ħa wkoll ħsieb sabiex jorganizza laqgħat bilaterali bejn il-Kunsilli Lokali li l-proġett tagħhom ma kienx magħżul fis-sejħa għal proġetti msemmija, u r-rappreżentanti tas-Segretarjat tal-Programm fejn ġie spjegat lilhom fid-dettal ir-raġunijiet għalfejn l-applikazzjoni tagħhom ma ġietx milqugħa. In-National URBACT Point ta’ Malta se tibqa torganizza laqgħat ta’ informazzjoni għall-entitajiet kollha li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw f’dan il-programm fix-xhur li ġejjin. Ġiet ikkreata ukoll facebook page bħala mezz li biha jista’ jiġi promoss il-programm u sabiex tiġi ddisseminata l-informazzjoni relatata mal-istess programm.
Kumitati Reġjonali – tisħiħ tal-kunsilli lokali fil-qasam kulturali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proposti qegħdin jitħejjew u kif se jkunu qegħdin jaħdmu l-Kumitati Reġjonali sabiex jgħinu u jsaħħu l-kunsilli lokali fil-qasam kulturali? Jista’ jgħid ukoll hemmx il-ħsieb li l-Gvern jgħaddi allokazzjoni diretta lill-Kumitati Reġjonali sabiex isaħħu l-attivitajiet kulturali fil-kunsilli lokali rispettivi fir-Reġjuni?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Kumitati Reġjonali qegħdin jintalbu jikkoordinaw l-Attivitajiet Kulturali fil-Kunsilli rispettivi tagħhom sabiex l-attivitajiet organizzati mill-Kunsilli Lokali jgħollu il-livell u jilħqu aktar nies. Dan qed jagħmluh ukoll billi l-Kumitati Reġjonali qegħdin jirriklamaw dawn l-attiviatjiet u jħeġġu l-Kunsilli Lokali kollha jipparteċipaw fl-attivitajiet organizzati minn Kunsilli Lokali fl-istess Reġjun. Il-Gvern diġa ħabbar li għas-sena 2016 il-Kumitati Reġjonali se jingħataw għajnuna diretta finanzjarja ta’ 10,000 ewro kull Reġjun sabiex ikunu jistgħu jassitu aħjar il-ħidma tal-Kunsilli Lokali fil-qasam Kulturali.
Dan ix-xogħol qed isir permezz ta’ koordinaturi reġjonali li diġa qed jaħdmu mal- Kumitati Reġjonali bil-għan li dawn l-attivitajiet ikunu ta’ standard li jikkumplimenta l-fatt li l-Belt Valletta ser tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fis-sena 2018.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kunsilli lokali li mhumiex jittrażmettu live il-laqgħat tagħhom? Jista’ jgħid jekk il-kunsilli lokali humiex iżommu recording tal-laqgħat li qegħdin ikunu streamed fuq l-internet u jekk hemm kunsilli lokali li jżommu recordings, jista’ l-Ministru jgħid min huma?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 6 Kunsilli Lokali li mhumiex jittrażmettu live il-laqgħat tagħhom.
Ninsab infurmat wkoll minn ġbir ta’ informazzjoni li mhux il-Kunsilli Lokali kollha qegħdin iżommu recording tal-laqgħat li qegħdin ikunu streamed fuq l-internet.
Il-Kunsilli Lokali li qed jżommu recordings tal-laqgħat huma: L-Imdina, il-Birgu, l-Isla, Ħaż-Żabbar, is-Siġġiewi, Ħal Balzan, Birkirkara, Floriana, Għajnsielem, il-Għargħur, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, il-Kalkara, Kerċem, Marsaskala, Marsaxlokk, il-Mellieħa, l-Imqabba, in-Naxxar, Pembroke, Ta’ Sannat u ż-Żurrieq.
Infakkar li bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra iddaħħal provvediment fil-liġi tal-Kunsilli Lokali li se jidħol fis-seħħ fl-ewwel kwart ta’ din is-sena li jipprovdi obbligu ta’ trasmissjoni tal-laqgħat tal-Kunsilli Lokali. Għalhekk nieħu l-opportunita’ ta’ din is-seduta sabiex nappella lill-Kunsilli Lokali kollha biex jottempraw irwiehhom ma’ dan l-obbligu illum qabel għada.
Kunsilli lokali – ftehim ta’ ġbir ta’ skart separat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali li għamlu jew qegħdin fil-proċess li jagħmlu xi tip ta’ ftehim dwar il-ġbir tal-iskart separat ma’ xi kumpanija li mhijiex reġistrata bħala waste scheme operator? Jekk iva, jista’ jgħid min kienu dawn il-kunsilli lokali u x’azzjoni ittieħdet jew se tittieħed?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-prezz li wieħed irid iħallas sabiex jagħmel użu mill-Ġnien ta’ Hastings? Jista’ jgħid x’inhi l-proċedura stabbilita u jekk hemm proċedura stabbilita meta din ġiet approvata mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta? Jista’ jgħid jekk hemmx Bye-Law li tirregola din il-proċedura u jekk iva, liema hi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li l-prezz li wieħed irid iħallas biex jagħmel użu mill-Ġnien ta’ Hastings hu ta’ €1200.00 (ta’ ġurnata).
Ma jirriżultax li hemm xi proċedura stabilita u lanqas data għall-approvazzjoni tagħha, iżda il-prassi hi li min ikun jixtieq jikri l-ġnien javviċina il-persuna nkarigata fil-Kunsill u dan jagħmillu l-booking.
Ma jirriżultax lanqas li hemm xi bye-law li tirregola din il-proċedura imma din ġiet magħmula ad hoc.
F’dan id-dawl il-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jinvestiga l-każ biex is-sitwazzjoni tiġi regolata minnufih.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għall-pool tas-Segretarji Eżekuttivi fl-2013? Jista’ jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li ma kellhomx Segretarju Eżekuttiv meta ħarġet is-sejħa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2013 kien hemm 147 applikazzjoni fil-pool tas-Segretarji Eżekuttivi. Kien hemm ukoll 11 –il Kunsill Lokali u 3 Kumitati Reġjonali li kellhom Aġent Segretarju Eżekuttiv meta ħarġet is-sejħa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għall-pool tas-Segretarji Eżekuttivi fl-2015? Jista’ jgħid kemm hemm kunsilli lokali li m’għandhomx Segretarju Eżekuttiv meta ħarġet is-sejħa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għas-sejħa għall-pool tas-Segretarji Eżekuttivi applikaw mija tnejn u tmenin (182) persuna. Din is-sejħa għalqet fit-8 ta’ Jannar 2016.
Inżid ngħid li kull Kunsill Lokali għandu Segretarju Eżekuttiv jew Aġent Segretarju Ezekuttiv. Bħalissa sittax (16)-il Kunsill Lokali għandhom Aġent Segretarju Eżekuttiv.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iktar programmi li għandhom udjenzi fuq il-PBS?
Response (BONNICI, OWEN)
Skont l-aħħar stħarriġ tal-Awtorita` tax-Xandir li sar fix-xahar ta’ Ottubru 2015, il-programmi li għandhom l-akbar udjenzi fuq l-istazzjonijiet tal-PBS huma:
TVM
Aħbarijiet
94,852 (peak)
Katrina 87,434
Ċaquffa
82,843
Xarabank
82,180
Strada Stretta
80,935
Dissett
61,541
Radju
Malta
Familja Waħda
13,603(peak)
Ħadt l-Aħbar 12,347
Għandi xi Ngħid 11,854
Bonġu Kafe
11,427
Imrieżaq 10,796
Marċifest
10,796
Jista’ l-Ministru jgħid xfestivals se jittellgħu mill-Kunsill Malti għall-Arti matul l-2016?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Malti għall-Arti li l-avvenimenti li huma proġettati s'issa għas-sena 2016 huma dawn:
Carnival – 5-9 Ta' Frar
Freedom Day – March, 31 Ta' Marzu
Sette Giugno – 6 Ta' Gunju
Imnarja – 28,29 Ta' Gunju
Għanafest - 10-12 Ta' Lulju
Arts Festival - 8-17 Ta' Lulju
Jazz Festival – 21-23 Ta' Lulju
Summer Carnival – 20,21 T' Awwissu
Victory Day – 8 Ta' Settembru
Independence Day – 21 Ta' Settembru
Notte Bianca – 1 Ta' Ottubru
Dun Karm Activities - Ottubru
Three Palaces – 31 Ottubru – 6 Novembru
IFACCA - 18-21 t’Ottubtu
Remembrance Sunday – 13 Novembru
Republic Day – 13 ta’ Dicembru
Christmas Events - 17–24 ta’ Dicembru
Kunċert tal-President Għas-Sena L-Ġdida – Jannar 2017
Il-Kunsill għandu wkoll il-ħsieb li jagħmel attivitajiet oħra matul din is-sena li jiġu mħabbra eqreb lejn id-data.