Awtorità dwar il-Mediċini – inizjattivi favur l-ambjent
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ inizjattivi qed jittieħdu favur l-ambjent fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini?
Response (DALLI, HELENA)
L-Awtorità dwar il-Mediċini ikkommetiet li timmodernizza it-transport tal-Awtorità u li tuża karozzi li huma favur l-ambjent. Dan sar permezz ta’ xiri ta’ karozza tal-elettriku u vettura oħra ibrida. L-Awtorità għaddejja wkoll fuq proġett biex is-sottomissjonijiet ikunu elettroniċi. Il-kwotazzjonijiet għal dan il-proġett fl-2010 kienu bejn €600,000 u 6 miljuni. Illum l-Awtorità qed tagħmel dan ix-xoghol billi fost affarijiet ħarrġet l-istaff tagħha biex jagħmel dan ix-xogħol u l-ispiża naqset għal €100,000. Barra minn hekk l-Awtorità ser tmexxi l-uffiċini tagħha għall-Life Sciences Park li huwa mfassal bi ħsieb favur l-ambjent fl-istrutturi tiegħu.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol qed isir mill-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) biex iċ-ċittadin Malti jkun infurmat fuq dak li qed jiġri fl-Unjoni Ewropea?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rwol importanti tal-MEUSAC hu li jqarreb l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea(UE) u l-proċessi li jsiru fi ħdan l-istituzzjonijiet tiegħu lejn iċ-ċittadin Malti.
Il-MEUSAC joffri:
· Forum għal konsultazzjoni dwar liġijiet u politiki tal-UE
· Informazzjoni dwar l-UE
· Għajnuna dwar Programmi ta’ Fondi tal-UE
Il-MEUSAC imexxi u joffri diversi servizzi biex iċ-ċittadin Malti jkun infurmat fuq dak li qed jiġri fl-UE. Fost dawn insibu:
Sit Elettroniku
Il-MEUSAC għandu sit elettroniku aġġornat b’mod regolari b’aħbarijiet relatati mal-UE li jkunu qed iseħħu kemm f’Malta u kif ukoll fil-bqija tal-UE. Is-sit elettroniku joffri aċċess għal informazzjoni vasta fuq il-MEUSAC kif ukoll fuq materji relatati mal-UE, fosthom Programmi ta’ Fondi tal-UE u Liġijiet u Politika tal-UE. Matul l-2015, is-sit elettroniku kien aċċessat 227,259 darba.
Media Soċjali
Il-MEUSAC għandu paġna fuq Facebook u Twitter rispettivament li jiġu aġġornati l-ħin kollu b’aħbarijiet u avvenimenti ta-UE. Il-Media soċjali tintuża wkoll biex il-MEUSAC iwassal il-messaġġ tiegħu. Il-MEUSAC għandu wkoll il-paġna tiegħu fuq il-YouTube.
MEUSAC News
Il-MEUSAC News hu fuljett li jiġi ppubblikat darba fix-xahar b’diversi ġrajjiet kurrenti relatati mal-UE. Jiġi mqassam b’xejn ma’ gazzetta lokali u jintbagħat ukoll b’mod elettroniku u jista’ jitniżżel minn fuq is-sit elettroniku tal-MEUSAC.
Ġurnali Stampati
B’mod frekwenti jkun hemm artikli differenti preparati minn uffiċjali tal-MEUSAC fuq suġġetti varji tal-UE f’diversi ġurnali differenti Maltin.
Attivitajiet Pubbliċi
Minn żmien għal żmien il-MEUSAC jieħu ħsieb jorganizza diversi tipi ta’ laqgħat ta’ informazzjoni kif ukoll djalogi pubbliċi dwar materji kurrenti tal-UE.
Sehem fuq il-Mezzi tax-Xandir
Uffiċjali tal-MEUSAC ta’ spiss ikunu mistiedna jieħdu sehem f’diskussjonijiet fuq l-UE waqt programmi televiżivi u tar-radju. Minn żmien għal ieħor, il-MEUSAC itella’
spots
informattivi relatati mal-UE waqt programmi ewlenin ta’ diskussjoni.
L-UE mwassla
lil etajiet żgħar
Il-MEUSAC jaħseb ukoll biex iwassal l-UE eqreb lejn it-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. Il-MEUSAC ħoloq żewġ karattri f’sensiela ta’ episodji orġinali bl-isem ta’ Tommy u Rosy. Fost ħafna informazzjoni dwar l-UE mwassla b’mod sempliċi direttament għat-tfal, dawn l-episodji jfissru l-istorja tal-UE, jispjegaw l-Istituzzjonijiet tal-UE u kif taħdem l-istess UE.
European Years
Fl-2013 u fl-2015 il-MEUSAC kien ukoll il-kordinatur nazzjonali f’Malta tas-Sena Ewropea għaċ-Ċittadin u tas-Sena Ewropea għall-Iżvilupp rispettivament.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol isir mill-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) biex jikkonsulta u jwassal l-informazzjoni fuq leġislazzjoni li tkun qed tiġi mfassla fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea?
Response (DALLI, HELENA)
MEUSAC jagħmilha possibbli li jkun hemm firxa wiesgħa ta’ nies li kemm jista’ jkun jagħtu l-kontribut tagħhom waqt it-tfassil tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Biex dan isir kien hemm bżonn ta’ struttura li fiha ssir din il-konsultazzjoni, b’mod iffaċilitat u mal-persuni kkonċernati fit-tfassil tal-pożizzjoni tal-Gvern Malti qabel din tgħaddi għall-approvazzjoni tal-Kunsill tal-UE.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni tal-MEUSAC isir fuq tlett livelli: il-Core Group, il-Kumitati Settorjali u konsultazzjonijiet miftuħa għall-stakeholders partikolari. Il-Core Group immexxi mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Libertajiet Ċivili u Affarijiet tal-Konsumatur, Onor. Helena Dalli, hu magħmul minn dawn il-membri: il-Kap tal-MEUSAC, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Libertajiet Ċivili u Affarijiet tal-Konsumatur, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej, il-kap tas-Segretarjat tal-UE fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej, iċ-Ċhairperson u s-Segretarju Esekuttiv tal-MCESD, Diretturi Esekuttivi tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE fl-2017, it-tlett partiti politiċi, korpi kostitwiti, tlett rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u rappreżentanti oħra nominati mill-Gvern. Dan il-grupp jiltaqa’ darba fix-xahar u jiddiskuti proposti ta’ liġijiet jew Direttivi tal-UE li jkollhom impatt nazzjonali. Fost dawn il-laqgħat il-Core Group jiltaqa’ darbtejn fis-sena mal-Prim Ministru qabel il-Kunsill Ewropew li jsir f’Ġunju u Diċembru rispettivament. In-numru ta’ laqgħat tal-Core Group li saru mill-2013 sisa:
Laqgħat tal-Core Group 2016
3
Laqgħat tal-Core Group 2015
10
Laqgħat tal-Core Group 2014
10
Laqgħat tal- Core Group 2013
10
Hemm disa’ kumitati settorjali li b’mod ġenerali jirriflettu l-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill tal-UE li huma: il-Kumitat għall-Affarijiet Ġenerali; il-Kumitat għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni; il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji; il-Kumitat għall-Ambjent; il-Kumitat għat-Trasport, it-Telekomunikazzjoni u l-Enerġija; il-Kumitat għall-Agrikoltura u s-
Sajd; il-Kumitat għax-Xogħol, il-Politika Soċjali u s-Saħħa; il-Kumitat għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur; u l-Kumitat għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Sport. Dawn il-Kumitati huma magħmula minn rappreżentanti ta’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili skond is-settur li huma nvoluti fih bħala għaqdiet. Il-MEUSAC jibgħat ukoll e-newsletter darba kull ġimagħtejn skond il-Kumitati lill-għaqdiet konċernati fejn dawn jinkludu tagħrif fil-qosor tal-liġijiet li jkunu għadhom kemm ħarġu mill-Kummissjoni Ewropea u aġġornamenti ta’ żviluppi li jkunu saru dwar liġijiet jew direttivi tal-UE diġa’mressqa u diskussi fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-UE. Dawn l-aġġornamenti jkun fihom tagħrif ieħor fosthom opportunitajiet ta’ fondi tal-UE u oħrajn li jistgħu jkunu utli għal dawn l-għaqdiet biex ikunu dejjem aġġornati ma’ dak li tkun qed twettaq l-UE f’setturi partikolari.
Barra mill-Core-Group u l-laqgħat tal-Kumitati Settorjali, il-MEUSAC huwa nvolut ukoll fl-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ konsultazzjoni miftuħa għal dawk li għandhom interess fuq materji li huma meqjusa li għandhom appell iktar wiesgħa u li jħallu effett fuq diversi setturi fis-soċjetà. Dawn is-sessjonijiet huma ta’ nteress għal firxa wiesa’ ta’ partijiet interessati, skond is-suġġett li dwaru tkun qed issir il-konsultazzjoni.
Matul dawn il-laqgħat miftuħa ta’ konsultazzjoni, stakeholders ikkonċernati jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom u jistgħu jgħaddu wkoll il-fehmiet tagħhom lill-uffiċċjali relevanti wara l-laqgħa sabiex dawn imbagħad jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċess li tkun qiegħda tiġi fformulata l-pożizzjoni tal-Gvern fi preparazzjoni għal meta s-suġġett jiġi diskuss fil-Kunsill tal-UE.
Tista’ l-Ministru tgħid kif qed tiżviluppa l-iskema ta’ xogħol volontarju għaż-żgħażagħ, kemm hemm ivvutat għas-sena 2016 u kif ser jibbenefikaw iż-żgħażagħ minn din l-iskema fl-2016?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-iskema ta’ xogħol volontarju għaż-żgħażagħ miexja tajjeb fejn numru dejjem jiżdied ta’ żgħażagħ qed japplikaw sabiex jipparteċipaw fiha, kif ukoll qed jiżdiedu l-għaqdiet volontarji li qed jilqgħu lill-istess żgħażagħ. Is-somma ivvutata għall-2016 hija ta’ 200 elf ewro. Matul l-2016 huwa maħsub li l-iskema ser tkun estiża sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħmlu l-esperjenza tal-volontarjat ma’ għaqda volontarja reġistrata Malta jew barra minn xtutna.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet sabiex iċ-Ċentri tal-Volontarjat ikunu estiżi u kif qed jintużaw iċ-ċentri eżistenti?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li dwar iċ-Ċentri tal-Volontarjat hemm pjanat li fix-xhur li ġejjin jibda’ x-xogħol fuq it-tielet ċentru. Barra dan hemm il-possibilita’ li jinfetaħ Ċentru ieħor fil-Kottonera fejn hemm konċentrazzjoni ta’ għaqdiet volontarji. Iż-żewġ Ċentri tal-Volontarjat eżistenti qed jintużaw minn diversi organizzazzjonijiet qed jużawhom b’mod regolari tul il-ġimgħa kollha mit-Tnejn sal-Ħadd, kemm filgħodu sa tard filgħaxija. Dawn iċ-Ċentri qed jintu¿aw kemm b’mod regolari minn għaqdiet bħala l-bażi tagħhom fejn jagħmlu kemm il-laqgħat tal-kumitat kif ukoll xogħol tal-għaqda, kif ukoll għal attivitajiet tal-għaqdiet għal-membri tagħhom.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet sabiex is-settur tal-volontarjat ikun aktar megħjun sabiex ikun infurmat u jutilizza aħjar il-fondi, mogħtija mhux biss minn dan il-Ministeru?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li sabiex jintleħaq dan il-għan, dan il-Ministeru għadu kif kien mogħti l-inkarigu sabiex jikkoordina kumitat inter-Ministerjali magħmul minn tmien Ministeri li jallokaw fondi li huma indirizzati għal dan is-settur. Dan il-Kumitat, li diġa’ beda jiltaqa’, qed jara kif il-fondi indirizzati għas-settur tal-volontarjat ser ikunu qed jitmexxew mill-Ministeri rispettivi fuq linji gwida komuni li jirrispettaw il-liġi tal-volontarjat u r-regoli li jirregolaw il-fondi pubbliċi. Dan il-kumitat, fix-xhur li ġejjin, ser ikun qed jikkordina flimkien mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat sit elettroniku li fih ser ikollu l-applikazzjonijiet għal-fondi pubbliċi mħabbra minn dawn il-Ministeri kif ukoll ir-riżultati tal-istess fondi, b’hekk inkunu qed insaħħu l-prinċipji ta’ trasparenza u aċċessibilita’.
Awtorità tal-Mediċini – Medicines Intelligence and Access Unit
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’ħidma wettqet il-Medicines Intelligence and Access Unit fi ħdan l-Awtorità tal-Mediċini?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità dwar il-Mediċini espandiet b'mod proattiv l-attivitajiet tagħha permezz ta’ twaqqif tal-Medicines Intelligence and Access Unit fl-2014. Permezz ta’ kollaborazzjoni mal-MCCAA, dan il-unit qiegħed fi djalogu kontinwu ma’ stakeholders fil-qasam farmaċewtiku. Dan wassal għal roħs fil-prezz ta’ 103 mediċini għall-benefiċċju tal-konsumatur. Konsumaturi jistgħu jiffrankaw sa 65% roħs.
Dan il-
unit
qiegħed jagħmel kampanja ta’ informazzjoni ‘Mediċini: Għa¿la Aħjar Għalik’. Il-Medicines Intelligence and Access Unit ippublikat lista ta’ 117 mediċini ġeneriċi godda fis-suq lokali fejn il-pubbliku jista’ jiffranka sa 92% milli kieku jixtri medicini ekwivalenti li kien hawn fis-suq sa dak iż-żmien.
Barra min hekk dan il-
unit
qiegħed f’kollaborazzjoni kontinwa ma’ entitajiet oħra tal-Gvern biex tassigura l-aħjar servizz għall-pazjenti fosthom li ma jkunx hawn mediċini out of stock. Dan il-
unit
jagħti pariri oħrajn lil kull min jeħtieġ biex tgħin fl-għażla aħjar tal-medicini.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba l-Awtorità dwar il-Mediċini ntgħażlet bħala Stat Membru ta' Referenza biex tevalwa applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ mediċini fis-sena 2015? Xi jfisser dan għall-Awtorità?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fis-sena 2015 l-Awtorità dwar il-Mediċini rċiviet 28 applikazzjoni biex Malta tkun Stat Membru ta' Referenza għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ mediċini meta mqabbel ma’ tmien applikazzjonijiet fl-2013.
Din l-attività fi proċeduri Ewropej żiedet il-prestiġju tal-Awtorità dwar il-Mediċini fuq livell Ewropew. Dan jfisser għal Awtorita` tal-Mediċini li minn stat ta’ telf u dipendenza fuq finanzjament mit-taxxi qalbet għal stat ta’ sostenibbiltà waqt li fl-istess ħin żiedet l-investiment fir-riżorsi umani.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità dwar il-Mediċini qattx ħadet sehem fir-reġistrazzjoni ta’ proċeduri li jirreġistraw mediċini fl-Ewropa kollha? Jekk iva, kemm saru proċeduri fis-sena 2015?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita` dwar il-Mediċini tieħu sehem fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-mediċini biex jigu rreġistrati fl-Ewropa kollha. Fl-2015 l-Awtorità kompliet toffri ruħha biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Awtorita` fl-evalwazzjoni ta’ mediċini għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. Is-sena l-oħra l-Awtorita` dwar il-Mediċini ħadet sehem f’sitt proċeduri meta mqabbel ma’ żewġ proċeduri fl-2013. L-Awtorità dwar il-Mediċini laħqet il-ħames post fl-Ewropa fir-rigward tal-evalwazzjoni ta' mediċini ġeneriċi permezz tal-proċedura ċentralizzata.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Building Industry Consultative Council (BICC) organizzatx xi korsijiet ta’ taħriġ f’dawn l-aħħar tliet snin, u jekk fl-affermattiv, liema kienu?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li sa mill-2013–il hawn il-BICC organizza korsijiet dwar il-manutenzzjoni tad-djar qodma, fil-fatt bħalissa għaddejjien bit-tielet kors tax-xorta tiegħu. Matul is-sena 2015 sar taħriġ ta’ CPD (Courses for Architects and Professionals) għall-professjonisti u l-periti. Qiegħed jitħejja kors ieħor li ser jibda dalwaqt dwar is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol. Dan il-kors ser ikun qiegħed jgħin lill-ħaddiema tal-kostruzzjoni jiksbu iċ-ċertifikat f’dan il-qasam biex eventwalment jkunu jistgħu jiksbu l-iskill card.
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar mill-2013 ‘il hawn mill-Building Industry Consultative Council (BICC) biex tagħti pariri lill-Gvern u lill-privat dwar il-bini u l-kostruzzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-għan tal-BICC hu li jagħti pariri lil Gvern dwar miżuri li jridu jittieħdu biex l-industrija tal-kostruzzjoni isir waħda aktar sostenibbli filwaqt li jinżamm bilanċ xieraq bejn l-ambjent u l-iżvilupp.
Waħda mill-għanijiet li l-BICC ġie imwaqqaf kien li jagħti pariri lil Gvern u lil privat dwar sistemi ġodda u innovattivi sabiex jintużaw fil-bini. Matul dawn it-tlett snin taħt it-tmexxija l-ġdida l-BICC ressaq diversi proposti lil Gvern fejn dawn daħħlu fis-seħħ fosthom l-inizzjattiva tal-iskill cards fl-industrija tal-kostruzzjoni, kif ukoll inizjattivi biex tiġi użata propjeta eżistenti minflok isir bini fuq art mhux mittiefsa inkluż l-inizjattivi għat-tnaqqis bin-nofs tat-taxxa tal-boll f’bini antik li qiegħed fiż-żona urbana ta’ konservazzjoni kif ukoll il-liġi dwar il-wirt tal-propjeta.
Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali – customer care
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’għajnuna ngħatat lill-pubbliku f’dak li għandu x’jaqsam ma’ diffikultajiet li ġew ittrattati u mistoqsijiet li ġew imwieġba dwar kundizzjonijiet tax-xogħol permezz tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali? F’dan ir-rigward, tista’ tingħata informazzjoni dwar l-ammont ta’ mistoqsijiet li ġew imwieġba sena b’sena mill-2011 sal-2015?
Response (DALLI, HELENA)
Permezz tal-Customer Care section, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg iwieġeb il-mistoqsijiet tal-pubbliku fir-rigward tal-aspetti kollha relatati ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol, kif stipulati fl-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (EIRA). L-aktar mistoqsijiet komuni huma dawk relatati ma’ notice, leave, pagi, sigħat tax-xogħol, kuntratti ta’ servizz eċċ. Bejn l-2011 u l-2015 ġew imwieġba dawn l-ammonti ta’ mistoqsijiet:
2011
16,205
2012
17,503
2013
15,647
2014
17,569
2015
18,255
Tista’ l-Ministru tgħid x’qiegħed isir mis-siġar li qegħdin jinqalgħu mill-pjazza ta’ Raħal Ġdid? Tista’ tispjega jekk hux qegħdin jitħawlu x’imkien ieħor u jekk ittieħdux passi neċessarji biex dawn is-siġar ma ssirilhomx ħsara? X’passi ttieħdu biex kemm jista’ jkun ikunu salvati l-maġġoranza ta’ dawn is-siġar? Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm sorveljanza biex jiġi żgurat li x-xogħol qiegħed isir skont is-sengħa?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-siġar fi pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid inqalgħu u inżergħu mill-ġdid fid-daħla taċ-ċimiterju tal-Addolorata.
Dan il-proċess sar wara konsultazzjoni mal-għaqdiet ambjentali u l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid. Sabiex nassiguraw suċċess f’dan il-proġett, dan ix-xogħol tmexxa minn tim ta’ esperti governattivi f’dan is-settur kif ukoll, inġieb espert mir-Renju Unit fuq rakkomandazzjoni tal-ambjentalisti infushom.
Il-proċess kollu, mexa fuq pjan stabbilit minn qabel u kien sorveljat kontinwament minn dawn l-esperti.
Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali — laqgħat
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma s-suġġetti li huma ppjanati li jiġu diskussi din is-sena fil-laqgħat tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġetti li huma ppjanati li jigu diskussi matul din is-sena fil-laqgħat ta’ l-MCESD huma dawn:
· kompettitività f’diversi setturi kemm dawk tradizzjonali kif ukoll dawk tal-ekonomija l-ġdida,
· Spejjeż tal-produzzjoni specjalment f'setturi vulnerabbli tal-manifattura, il-produttività, l-għajnuna ghal investiment, prattiċi tax-xogħol, u l-impatti ta' tibdiliet fis-sistemi ta' taxi,
· Żviluppi fl-indici tal-povertà,
· l-iżvilupp tas-sistema tal-protezzjoni socjali,
· Is-sostenibbilità tal-pensjonijiet,
· Żviluppi fl-għoli tal-ħajja, fosthom il-prezzijiet tal-prodotti u servizzi bażiċi,
· L-impatt ta' l-immigrazzjoni u xejriet demografici oħra,
· Xogħol fuq temi ta' kompetittività u koezjoni socjali fil-kuntest tal-proċess tal-preparazzjoni tal-baġit għas-sena d-dieħla.
Ikun hemm suġġetti li jqumu minn żmien għal żmien u li jkun jeħtieġ li jitressqu għad-diskussjoni fl-MCESD. Apparti minn hekk ikun hemm ukoll diskussjoni dwar il-pre-budget document.
Tista’ l-Ministru tindika l-ammont ta’ fondi li huma marbutin biex jingħataw lis-settur tal-volontarjat sabiex isiru proġetti fl-2016 u f’liema oqsma dawn ser ikunu indirizzati?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ fondi li huma marbutin biex jingħataw lis-settur tal-volontarjat sabiex isiru proġetti fl-2016 taħt dan il-Ministeru huwa ta’ tmin mija u ħamsa u tmenin elf euro (€885,000.00) liema fondi huma indirizzati sabiex l-oqsma kollha fis-settur tal-volontarjat huma eliġibbli li jibbenifikaw minnhom u mhumiex ristretti għal xi settur partikolari.
Minn mindu daħal fis-seħħ l-Avviż Legali 68/2015 fl-1 ta’ Settembru 2015 li għandu l-għan li impjegati ta’ kuntratturi li qed jipprovdu servizz lill-Gvern ma jitħallsux b’rati ta’ ħlas li jagħtu lok għal xogħol prekarju, tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew investigati kuntratturi li qed jipprovdu servizz lill-Gvern u kemm saru b’kollox spezzjonijiet f’postijiet tax-xogħol f’dan ir-rigward li jinkludu wkoll laqgħat mad-diretturi tal-kumpaniji konċernati? Tista’ tgħid jekk tressqitx xi kumpanija quddiem it-Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li mill-1 ta’ Settembru tal-2015 ġew investigati 49 kuntratt ta’ kumpaniji li qegħdin jipprovdu servizz lill-Gvern u b’kollox saru 98 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol li jinkludu laqgħat mad-Diretturi tal-kumpaniji.
Infurmata li ma tressqet l-ebda kumpanija quddiem it-Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet tal-Employment and Industrial Relations Act (EIRA) f’setturi vulnerabbli bħal dawk tal-cleaning, tas-securities u tal-carers, sena b’sena mill-2011 sal-2015?
Response (DALLI, HELENA)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dettaljata, tal-ispezzjonijiet kollha li saru sena b’sena mill-2011 sal-2015 fis-setturi tat-tindif, tas-sigurtà u tal-carers.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet tal-Employment and Industrial Relations Act (EIRA) sena b’sena mill-2011 sal-2015 u kemm instabu irregolaritajiet tal-liġi f’dawn l-istess snin?
Response (DALLI, HELENA)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ spezzjonijiet li saru mill-2011 sal-2015, kif ukoll in-numru ta’ irregolaritajiet li nstabu waqt dawn l-ispezzjonijiet.
Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali – spetturi tal-EIRA
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati spetturi fi ħdan l-Employment and Industrial Relations Act (EIRA) fid-Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali bl-għan li tkun infurzata aħjar il-liġi tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jkunu rispettati minn Marzu 2013 lil hawn?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li minn Marzu tal-2013 lil hawn ġew ingaġġati 11-il EIRA Inspector sabiex tiġi infurzata aħjar il-liġi tax-xogħol u jkunu rispettati d-drittijiet tal-ħaddiema.
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stat instabet il-Building Industry Consultative Council (BICC) fl-2013 meta kien hemm bidla fiċ-Chairman?
Response (DALLI, HELENA)
Wara l-bidla fil-Gvern inħatar Chairman ġdid fil-BICC fejn dan sab li l-BICC kienet mingħajr riżorsi u mingħajr direzzjoni. Għaldaqstant mill-ewwel ittieħdu miżuri biex jiġi formulat pjan sabiex l-industrija tkun aktar sostenibbli u li tkun kapaċi tilqa’ għall-isfidi tal-futur.