Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kampanja edukattiva dwar l-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-Gvern fejn tidħol il-kampanja edukattiva dwar l-iskart?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-kampanja edukattiva dwar l-iskart ġiet varata nhar is-6 ta’ April 2016 u mistennija testendi fuq it-33 xhar li jmiss. Din il-kampanja għandha t-tema “Taħlix l-Iskart – Agħti Sehmek”.

Konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-kwistjoni tal-materjal stampat mhux indirizzat/mhux mitlub

Question

Jista’ l-Gvern jgħid fiex wasal il-proċess li nieda ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-kwistjoni tal-materjal stampat mhux indirizzat/mhux mitlub? Kemm huwa importanti biex dan il-materjal jiġi indirizzat? X’kien ir-rispons mingħand is-soċjetà ċivili fuq dan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-Ministeru għaddej fuq numru ta’ fronti fuq din l-inizjattiva li jinkludu l-konsultazzjoni pubblika kif ukoll numru ta’ studji nterni li qegħdin jitħejjew biex nifhmu aktar dan is-settur. Dan ikun jista’ jwassal għat-tieni fażi ta’ konsultazzjoni li titwettaq fi sfond aktar infurmat. B’kollox il-Ministeru rċieva 9 sottomissjonijiet li xi wħud minnhom kienu minn atturi importanti f’dan is-settur. Din l-inizjattiva hija waħda li l-Ministeru jqis importanti biex isaħħaħ l-immaniġġjar tal-iskart billi l-ewwel nett inaqqas dak l-iskart li jista’ jiġi evitat. Filwaqt li hemm numru ta’ inizjattivi li jistgħu jittieħdu, jkun aktar għaqli li dawn jittieħdu b’lenti ħolistika meta jkun hemm biżżejjed informazzjoni u tkun ġiet imwettqa l-konsultazzjoni li nixtiequ fuq dan is-settur.

Bord tal-Awtorità l-ġdida għall-Ambjent u r-Riżorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Awtorità l-ġdida għall-Ambjent u r-Riżorsi? X’se jkunu l-funzjonijiet ta’ dan il-Bord? X’inhi l-missjoni strateġika ta’ dan il-Bord?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l- Bord tal-ERA huwa kompost mill-membri msemmija hawn taħt: Prof. Victor Axiak (Chairperson) Ms. Carmen Buttiġieġ (Deputy Chairperson) Architect Ruben Abela Prof. Maria Attard Dr. Jason Bonniċi Prof. Alan Deidun Ms. Alexia Pisani Mr. Alan Pulis Dr. Louise Spiteri Prof. Alfred Vella Il-funzjonijiet tal-Bord huma dawk elenkati fl-artiklu 8(2) tal-Att tal-2016 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. Il-missjoni tal-Bord hija dik biex l-Awtorita’ tilħaq l-għan tagħha li “Tissalvagwardja l-ambjent għall-kwalita ta’ ħajja sostenibbli”.

Buskett – proġett ta’ restawr u tiswija b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ restawr u tiswija b’fondi Ewropej fil-Buskett? Meta huwa mistenni li jkun komplut? X’jinkludu x-xogħlijiet u r-restawr li saru s’issa? Kemm kien l-ammont ta’ siġar indiġeni li tħawwlu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-proġett ta’ restawr u tiswija b’fondi Ewropej fil-Buskett, huwa maqsum f’diversi azzjonijiet u bħalissa 40% jinsab lest. Il-proġett li beda fl-1 ta’ Lulju 2013 mistenni jkun lest għal nofs is-sena 2018. Infurmat li bħala xogħlijiet jinkludi: a) Tiswija/restawr u tibdil ta’ arkati u ħitan annessi magħhom li minnhom saru · Volum ta’ 435.26m3 ta’ ħitan annessi magħhom · Tul ta’ 116.38m ta’ ħitan annessi magħhom · 5 arkati lesti 66% tax-xogħol huwa lest b) Tiswija/restawr jew bini ta’ 17,149m2 ta’ ħitan tas-sejjieħ u 4,499m2 ta ħitan tal-ordni (Ashlar walls) · Xogħlijiet li saru s’issa huma · Volum 7414.27m2 ta’ ħitan tas-sejjieħ · 43 ħitan tas-sejjieħ lesti 33% tax-xogħol huwa lest Infurmat ukoll li bħala parti mill-proġett se jiġu mħawla 3,300 siġra, fejn s’sisa tħawlu 1,720 siġra li jinkludu: · Ħarrub · Żnuber · Żebbuġ · Rand · Żafżafa l-Kbira, · Ballut · Luq · Ulmu · Fraxxnu · Rummien 51% tas-siġar huma imħawla Infurmat ukoll li bħala parti mill proġett dan jinkludi wkoll tneħħija ta’ siġar aljeni fuq total ta’ arja ta’ 241,742m2 fejn s-siġar li se jitneħħew huma ilanthus altissima , Agave, Vitis sp 50% ta xogħol huwa lest.

Kummissarju għall-Organizzazzjoni Volontarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-iskema ta’ għajnuna li waqqaf il-Gvern se tkun qed tgħin lill-għaqdiet volontarji ambjentali reġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjoni Volontarji? Liema huma dawk il-proposti li se jkunu qed jingħataw prijorità? Kemm huwa l-ammont totali ta’ finanzjament li se jkun fih dan il-fond ambjentali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-iskema tinvolvi l-għoti ta’ finanzi għall-interventi u azzjonijiet li huma ta’ benefiċċju għall-ambjent, diment li jiġu sodisfatti għadd ta’ kriterji tekniċi u amministrattivi. Ninsab infurmat ukoll li l-proposti eliġibbli se jiġu valutati minn kumitat li se jinħatar apposta mill-Ministeru għal dan il-għan, sabiex il-prijorità tkun deċiża skont il-merti partikolari tal-proposti li jaslu għand il-kumitat, b’mod partikolari l-benefiċċju ambjentali attwali tal-intervent jew azzjoni propost/a. Il-finanzjament totali huwa €50,000.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – tqassim ta’ materjal promozzjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn isir it-tqassim ta’ materjal promozzjonali differenti tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fejn kulħadd jista’ jkollu aċċess għal dan il-materjal?

Response (DALLI, HELENA)

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għandha numru ta’ fuljetti ta’ informazzjoni li jitqassmu f’postijiet differenti. Peress li huma mmirati lejn il-post tax-xogħol, l-aktar li jitqassmu huwa propju f’postijiet tax-xogħol, iżda dawn jitqassmu wkoll waqt sessjonijiet ta’ taħriġ u ta’ informazzjoni. Skont in-natura tas-suġġett, materjal promozzjonali jitqassam f’postijiet partikolari, bħal per eżempju ċentri tas-saħħa, kunsilli lokali, fabbriki, skejjel kif ukoll f’fieri differenti. Materjal ta’ informazzjoni jista’ wkoll jinkiseb mill-Awtorità stess. Irid jingħad iżda, li peress l-OHSA hija konxja mill-obbligi ambjentali tagħha, l-Awtorità tippromwovi aktar l-użu tal-websajt tagħha bħala sors ta’ kif wieħed jikseb materjal promozzjonali jew informattiv li huwa kollu bla ħlas.

Kampanja mat-tfal fl-iskejjel dwar is-saħħa u s-sigurtà

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir xi kampanja fuq is-saħħa u s-sigurtà mat-tfal fl-iskejjel?

Response (DALLI, HELENA)

Mit-twaqqif tagħha, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol dejjem rat l-edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fost it-tfal bħala fundamentali għat-tibdil fil-kultura dwar is-suġġett. Huwa għalhekk li b’mod regolari jsiru numru ta’ taħditiet fl-iskejjel fejn jintwera filmat dwar karattru jismu NAPO, fejn jiġu spjegati l-punti prinċipali lill-istudenti u wara jkun hemm ukoll il-karattru NAPO li jżur lit-tfal. It-tfal jingħataw ukoll ktejjeb ta’ informazzjoni u taħriġ. Ġieli tqassmu dvds ukoll. Is-sena l-oħra kienet imnedija websajt għall-għalliema bi pjan ta’ lezzjonijiet għal tfal ta’ etajiet differenti. Ftit ġranet oħra se titnieda wkoll f’Malta kampanja Ewropea bl-isem ‘Saħħa u Sigurtà f’Kull Età’. Din il-kampanja, li se ddum sentejn, se tkun qed tindirizza l-importanza ta’ saħħa u sigurtà matul il-ħajja kollha. L-Awtorità, bi ftehim mal-prinċipali, se tkun qed tqassam materjal f’kull kulleġġ. Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll roving exhibition f’kull kulleġġ li matul is-sentejn tal-kampanja se tkun qed iddur fl-iskejjel.

Wasteserv – proġett tal-Impjant tal-Għallis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment tal-Wasteserv fil-proġett tal-Malta North, magħruf aħjar bħala l-Impjant tal-Għallis? X’kontribut ambjentali se jkun qed jagħti dan il-proġett? X’tip ta’ skart se jkun qed jittratta? Kemm hi l-kapaċità tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-faċilità tal-Malta North qiegħda fil-fażi ta’ “commissioning” u l-għan aħħari ta’ dan il-proġett hu li jkompli jnaqqas l-iskart li jmur direttament fil-landfill, kif ukoll jiġġenera l-enerġija bis-sistema ta ‘anaerobic digestion’. Flimkien ma’ dawn il-kontributi, dan l-impjant ser ikompli jgħin fl-ekonomija ċirkolari permezz tal-estrazzjoni tal-frazzjoni riċiklabbli. Infurmat ukoll li ser jkun qed jgħin fit-tnaqqis tal-“aerial gas emmissions”, dan billi jevita li skart organiku u bijodegredabli milli jmur fil-landfill. Dan l-impjant diġà qiegħed jilqa’ skart muniċipali u skart goff, bil-pjan li tintlaħaq il-kapaċità massima ta’ 66,000 tunellata fis-sena ta’ skart muniċipali; 47,000 tunellata fis-sena tà skart goff; u 39,000 tunellata fis-sena ta’ skart tal-annimali, sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea u sewa madwar €50 miljun.

Presidenza Ewropea – sfidi dwar l-ambjent u l-klima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-isfidi tal-Presidenza Ewropea kemm dawk ambjentali kif ukoll dawk li għandhom x’jaqsmu mal-klima? Liema huma dawk il-prijoritajiet tal-Presidenza li għandhom jingħataw importanza?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-prijoritajiet tal-politika ambjentali tal-klima ta' Malta għall-Presidenza ġew maqbula f'Diċembru li għadda fil-Programm ta’ Ħidma ta’ Trio li ġie adottat fi Brussell. F'dan ir-rigward, l-isfida ewlenija għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE se tkun li jinżamm il-momentum dwar il-ħidma mibdija mill-imsieħba fit-Trio tagħna din is-sena biex isir progress dwar il-Pakkett fuq l- Ekonomija Ċirkulari kif ukoll il-Pakkett dwar il-Klima 2030. Infurmat ukoll li dan se jinvolvi li Malta potenzjalment tressaq il-proposti leġiżlattivi li bħalissa hemm fuq il-mejda fil-Kunsill għal diskussjonijiet u n-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar xi wħud mid-dossiers, kif ukoll tkompli tmexxi d-diskussjoniet fil-Kunsill fuq proposti li se tagħmel il-Kummissjoni matul din is-sena fl-istess kuntest tal-pakkett leġiżlattiv dwar il-klima. Il-Ministeru qed jiffaċċja l-ikbar sfida tiegħu meta niġu għan-negozjati internazzjonali fl-oqsma tal-politika ambjentali u tal-klima, madankollu qed jittieħdu passi biex Malta tkun tista’ tiffaċilita l-kordinazzjoni Ewropea għal dawn in-negozjati.

Dipartiment tal-Artijiet – proċess ta’ konsultazzjoni għal siti għall-afforestazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Artijiet biex ikunu identifikati siti għal afforestazzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti ninsab infurmat li l-konsultazzjoni bejn il-Ministeru u t-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern għadhom għaddejjin f’tentattiv li tinstab art tal-Gvern tajba għall-afforestazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa d-Direttorat tal-Parks qed jagħmel stħarriġ preliminari fuq sit f’Bormla/Fgura u oħra fl-Imsida fl-inħawi tas-Swatar sabiex ikun jista’ jibda t-tħawwil ta’ siġar.

Bord dwar l-Azzjoni fuq il-Klima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex se jkun qed jikkonsisti x-xogħol tal-Bord dwar l-Azzjoni fuq il-Klima li se jkun qed imexxi l-istrutturi li joħorġu mil-liġi dwar l-azzjoni fuq il-klima li l-Parlament approva b’mod anonimu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li x-xogħol tal-Bord dwar l-Azzjoni fuq il-Klima huwa stabbilit fl-Att (Kapitolu 543 Att Fuq Azzjoni Dwar Il-Klima) skont Artiklu 11, bl-għan li jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan l-Att u jew ta’ kull regolament magħmul taħtu. Il-Bord iservi wkoll sabiex jagħmel ir-rabtiet meħtieġa u neċessarji mal-Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima. Ninsab infurmat ukoll li minn meta ġie mwaqqaf il-Bord, dan beda jiltaqa’ mal-partijiet interessati sabiex jibda konsultazzjoni meħtieġa u b’hekk iwettaq monitoraġġ biex Malta tkun konformi mal-obbligi tagħha skont il-UNFCCC u l-obbligi tagħha bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

MEUSAC – għajnuna lil għaqdiet volontarji u kunsilli lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ għajnuna tingħata mill-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) sabiex għaqdiet volontarji u Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea? L-għajnuna hi ristretta biss għall-għaqdiet volontarji u Kunsilli Lokali?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta reġa’ twaqqaf f’Lulju tal-2008, il-MEUSAC ingħata mandat biex jassisti lill-kunsilli lokali u NGOs u jiffaċilita l-aċċess ta’ dawn l-entitajiet għal programmi ta’ fondi tal-UE. L-assistenza tikkonsisti filli tingħata informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi lil dawn l-entitajiet, jiġu identifikati programmi adatti, jitħejjew proġetti u tiġi sottomessa applikazzjoni għal finanzjament minn fondi tal-UE. B’mod konkret dan issir billi: · Il-MEUSAC jorganizza laqgħat individwali ma’ kunsilli u NGOs li potenzjalment jistgħu jibbenefikaw minn fondi tal-UE billi jiddiskuti l-proposti tal-proġetti u kif ukoll jiġu identifikati liema l-iktar programm ta’ fondi hu addattat; · Il-MEUSAC joffri pariri prattiċi waqt l-ippjanar tal-proġetti filwaqt li jkun assigurat l-eliġibilità tal-proġett skont ir-rekwiżiti tal-programm ta’ fondi tal-UE li taħtu tkun ser issir l-applikazzjoni; · Il-MEUSAC joffri assistenza teknika fil-mili tal-applikazzjoni għall-fondi tal-UE; · Il-MEUSAC jorganizza diversi laqgħat ta’ informazzjoni għall-kunsilli lokali u NGOs fuq diversi programmi ta’ fondi tal-UE; · Il-MEUSAC jiċċirkola emails informattivi lill-kunsilli lokali kollha u kif ukoll lill-NGOs li juru interess. Il-MEUSAC jassisti wkoll lil kumpaniji privati u individwi billi jipprovdi informazzjoni relata u aġġornata dwar programmi u fondi tal-UE u jasssisti wkoll biex jiġi identifikat liema programm ta’ fondi jkun addattat skont il-proġett. Il-MEUSAC jassisti Ministeri, Dipartimenti u Entitajiet oħra pubbliċi fil-mili tal-applikazzjoni għall-fondi tal-UE.

MEUSAC – proġetti li ntgħażlu biex jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il proġett intgħażel biex jibbenefika minn Fondi tal-UE bis-saħħa tal-ħidma tal-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC)? Kemm kienu l-ammonti fi flus mirbuħa permezz ta’ dawn il-proġetti?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li minn Novembru tal-2008 sa Marzu 2016, bis-saħħa tal-assistenza li joffri l-MEUSAC, 105 proġetti ġew implimentati mill-Kunsilli Lokali. Dawn ammontaw għal €12,997,986 f’fondi mill-UE. Fil-każ tal-NGOs, saru 155 proġett li ammontaw għal €8,083,655. Il-MEUSAC assista wkoll ministeri, dipartimenti u entitajiet pubbliċi sabiex jitwettqu 23 proġett differenti li ammontaw għal €10,480,849. It-total ta’ proġetti mirbuħa bis-saħħa tal-MEUSAC hu ta’ 283 proġett li jammonta għal €31,562,491.

MEUSAC – attivitajiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk isirux xi tip ta’ attivitajiet biex il-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) iressaq l-UE aktar qrib iċ-ċittadin Malti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan ewlieni tal-MEUSAC hu li jqarreb lill-UE lejn iċ-ċittadin Malti u Ewropew; fost oħrajn, billi b’mod regolari jorganizza attivitajiet li jolqotu firxa wiesa’ tas-soċjetà Maltija. Il-MEUSAC jorganizza laqgħat ta’ Informazzjoni, djalogi pubbliċi, laqgħat ta’ konsultazzjoni, konferenzi, lectures pubbliċi u dibattiti. Il-MEUSAC jaħseb ukoll biex iwassal l-UE eqreb lejn it-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. Il-MEUSAC ħoloq żewġ karattri f’sensiela ta’ episodji orġinali bl-isem ta’ Tommy u Rosy. Fost ħafna nformazzjoni dwar l-UE imwassla b’mod sempliċi direttament għat-tfal, dawn l-episodji jfissru l-istorja tal-UE, jispjegaw l-Istituzzjonijiet tal-UE u kif taħdem l-istess UE. Il-MEUSAC joħloq attivitajiet fl- istituzzjonijiet frekwentati miż-żgħażagħ, bħal skejjel post sekondarji, l-MCAST u l-Università. Fl-2013 u fl-2015 il-MEUSAC kien ukoll il-kordinatur nazzjonali f’Malta tas-sena Ewropea għaċ-Ċittadin u tas-sena Ewropea għall-Iżvilupp rispettivament. Tul dawn is-snin saru wkoll youth debates u kif ukoll sessjonijiet speċjali fil-Parlament nazzjonali bejn membri parlamentari, membri parlamentari Ewropej, membri tal-Core Group tal-MEUSAC u ta’ għaqdiet affiljat mal-MEUSAC. Fil-qasam tal-fondi tal-UE il-MEUSAC jieħu ħsieb jinforma lil dawk l-għaqdiet volontarji u lill-Kunsilli Lokali permezz ta’ emails u telefonati b’mod dirett. Fl-2014 il-MEUSAC beda sensiela ta’ laqgħat fuq il-programmi ta’ Fondi tal-UE għall-perjodu 2014 – 2020. Wara dawn il-laqgħat ġie ppubblikat ktejjeb b’kull tip ta’ informazzjoni simplifikati biex dawk kollha interessati f’fondi tal-UE jkunu jistgħu jgħamlu użu minnhu.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu ċertifikati ta' makkinarju, cranes jew lifts matul l-2015 u fuq kemm minn dawn kellha tittieħed azzjoni dwarhom mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA)?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul l-2015, l-OHSA rċeviet 6899 ċertifikat dwar krejnijiet, lifts u makkinarju ieħor, maqsuma kif ġej: 3218 ċertifikat dwar lifts , 877 ċertifikat dwar cranes , 1192 ċertifikat dwar forklift trucks u 1612 ċertifikat dwar makkinarju ieħor. L-OHSA interveniet bi spezzjonijiet f’112 ’il każ minħabba nuqqasijiet ta’ saħħa u sigurtà indikati fiċ-ċertifikat tal-inġinier jew tal-Authorised Conformity Assessment Body (ACAB).

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol — multi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu multi mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) matul l-2015? Kemm minn dawn tħallsu u kemm minnhom kellhom jittieħdu passi aktar minn hekk mill-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul l-2015, inħarġu 187 ittra mill-OHSA dwar multi mposti fuq ksur ta’ liġijiet tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Mill-multi mposti tħallsu 158. Fil-każ tad-29 każ li ma tħallsux il-multi, inbdew proċeduri fil-Qorti f’28 każ. Il-każ l-ieħor kien irtirat peress li l-persuna mħarrka mietet.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol — korsijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ippjanati korsijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) matul l-2016?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-OHSA torganizza u diġa għandha skedati awareness raising sessions f’dawn is-suġġetti: · Intro. to Occupational Health & Safety · Principles of Risk Assessment · The Workers’ Health & Safety Representative · Ergonomics…adapting Work Practice to the Worker · First Aid & Safety at Work · Manual Handling & Lifting · Health & Safety in the Construction Sector · The role of the Project Supervisor in construction · Workplace Health & Well-being · Fundamentals in Ionising Radiation Protection Barra minn hekk, l-OHSA torganiżża wkoll korsijiet fuq talbiet speċifiċi u li mhumiex koperti fil-lista t’hawn fuq. Il-korisjiet msemmija ma jinkludux seminars jew konferenzi li l-OHSA torganiżża minn żmien għal żmien. Sad-data tar-risposta, l-OHSA għandha ftehim ma’ kumpaniji għal 5 korsijiet ta’ taħriġ, li wħud minnhom diġa bdew.

Awtorità dwar il-Mediċini — trainees

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm trainees fl-Awtorità dwar il-Mediċini bħalissa?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li bħalissa fl-Awtorità dwar il-Mediċini hemm għaxar trainees. L-Awtorità qed tagħti l-opportunità lil dawn il-gradwati biex waqt li jistudjaw biex jilħqu l-għola livell akkademiku dak ta’ Dottorat Livell 8 u b’hekk il-quddiem jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom fl-oqsma kollha ta’ xjenza farmaċewtika inkluża dik klinika u dik ta’ xjenzi regolatorji.

Awtorità dwar il-Mediċini – laqgħat dwar il-kontroll tal-mediċini

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir mill-Awtorità dwar il-Mediċini biex tipprepara għal numru ta’ laqgħat importanti dwar il-kontroll tal-mediċini li jridu jiġu organizzati mill-istess Awtorità meta Malta se jkollha l-Presidenza tal-UE fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2017?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorità dwar il-Mediċini qed tippjana li ġewwa Malta jsiru laqgħat bejn Jannar u Ġunju tal-2017 fir-rigward tal-Presidenza Ewropea biex dawn il-laqgħat jiswew kemm għall-Ewropa kif ukoll għal Malta. Saret kollaborazzjoni kemm ma’ entitajiet lokali kif ukoll dawk Ewropej. Minnħabba l-livell għoli li mistenni jintlaħaq f’dawn il-laqgħat li huma importanti biex jigi assigurat biex il-mediċini kollha li jinbiegħu fl-Ewropa jkunu ta’ kwalità, sigurta u effikaċja, l-impjegati ta’ l-Awtorià ġew imħarġa kemm lokalment kif ukoll f’pajjiżi Ewropej oħra dwar kif jitmexxew laqgħat ta’ dan il-livell għoli. Twaqqaf ukoll unit fuq il-kwalità, l-affarijiet tal-Unjoni Ewropea u dawk internazzjonali, li huwa immexxi minn kap responsabbli għal dan il-qasam li qegħdha wkoll tikkoordina flimkien mad-diretturi u kapijiet oħrajn fl-Awtorità. Qed jsiru wkoll preparamenti biex meta Malta se tospita il-kapijiet tal-aġenziji Ewropej, xjenzati u professjonisti fil-qasam regolatorju tal-mediċini jsiru laqgħat bilaterali bejn l-Awtorità Maltija u l-aġenziji Ewropej.

Awtorità dwar il-Mediċini

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi rwol kellha l-Awtorità dwar il-Mediċini biex il-fabbrika li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament setgħet tespandi l-ħidma tagħha daqshekk malajr u fl-istess ħin iżżomm standards għoljin?

Response (DALLI, HELENA)

L-Awtorità tal-Mediċini qed timxi maż-żminijiet u `l fuq mill-irwol tagħha importanti, li tassigura l-istandards għoljin ġo kull fabbrika tal-mediċini f’pajjiżna, u anke permezz ta’ spezzjonijiet regolari hija tagħti pariri xjentifiċi bil-quddiem u fil-ħin dwar kif wieħed jista` jilħaq dawn l-istandards. B’hekk jitħaffef l-ippjanar u x-xogħol. Huwa preċiżament dak li ġara fil-fabbrika indikata mill-Onorevoli Interpellant.