Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm kienu vvotati flus u kemm minnhom intnefqu fuq ix-xogħol tas-sistema ġdida tad-drenaġġ f'Wied il-Ħobż, f'Għawdex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-flus ivvutati għall-proġett imsemmi, fis-sena 1994, kienu jammontaw għat-total ta' Lm287,650.92. It-tender għax-xogħlijiet konċernati ttieħdet għall-prezz ta' Lm167,000.00. Minħabba diskrepanzi sostanzjali bejn il-profil ta' qiegħ il-baħar stabbilit mill-Awtorita' Marittima, li fuqu ġie bbażat id-disinn, u l-profil attwali li sab il-kuntrattur meta nbdew ix-xogħlijiet 'offshore' l-istima totali għall-profil il-ġdid, laħqet iċ-ċifra ta' Lm323,494.40.
Din l-istima ġiet approvata mid-Dipartiment tal-Kuntratti fil-bidu tas-sena 1997. Minn din is-somma s'issa ntefqu Lm30,762.50 fis-sena 1996 u Lm71,145.45 fis-sena 1997.
Il-valur totali tax-xogħlijiet kompletati ġie ċċertifikat għal Lm316,719.82. Il-bilanċ finali mistenni jiġi mħallas kollu din is-sena.
Jaf il-Ministru li f'ittra li bagħat liċ-chairman tal-Korporazzjoni Enemalta wrejtu li xtaqt inżur x'impjanti tal-korporzzjoni?
Jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħatx lura xi forma ta' acknowledgement?
Hemm xi oġġezzjoni li din iż-żjara ssir?
Saret xi żjara simili fl-amministrazzjoni preċedenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Iva jien ġejt infurmat bl-ittra datata 28 ta' Ottubru 1998 mibgħuta mill-Onor. Interpellant li fiha wera x-xewqa li jżur l-impjant tal-Korporazzjoni Enemalta.
Jien ma kelli ebda oġġezzjoni u fil-fatt infurmajt verbalment liċ-Chairman tal-Korporazzjoni dwar dan, u għedtlu biex jagħmel appuntament ma' l-Onor. Interpellant.
Jiena nfurmat li l-appuntament sar u li kienet saret żjara simili.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta għandhiex samples ta' reversible meters tad-dawl elettriku?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onor. Interpellant ried jgħid 'non-reversible' u mhux 'reversible' meters.
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ilha twaħħal non-reversible meters sa mill-1988. Kell meter li ġie rrapurtat minn dakinhar 'l hawn, kien dejjem non-reversible, kemm jekk kien single-phase u kemm jekk kien three -phase.
Peress li l-anzjana, li isimha qed jintbagħat separatament, li għandha 81 sena, tinsab tgħix waħedha u xi kultant titħawwad tant li toħroġ barra u tkun ta' inkonvenjent kbir u piż fuq il-ġirien, u peress li diġa' informajt lill-awtoritajiet ta' San Vinċenz de Paule u ma sar xejn, jista' l-Ministru jara li tinsab soluzzjoni u din tiddaħħal f'din ir-residenza qabel ma jsir xi inċident li jista' jiswielha ħajjitha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament applikat biex tidhol fir-Residenza San Vinċenz f'Awissu 1998. Fl-applikazzjoni li għadha kemm saret reċentement, m'hemm xejn x'jindika dwar l-urġenza tal-każ. Naturalment issa dan il-każ ser jiġi kkunsidrat fl-isfond tal-Informazzjoni ġdida mogħtija mill-Onor. Interpellant.
4.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order saret mill-Water Services Corporation mill-5 ta' Settembru, 'il hawn?
X'kien il-valur tat-tender f'kull każ u x'kienet ir-raġuni li t-tender saret b'dan il-mod?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ilma li tipproduċi l-Water Services Corporation huwiex konformi jew le skond il-kriterji aċċettati mill-WHO?
Fejn hemm diskrepanza, x'qiegħed isir biex din tingħeleb?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni għas-servizzi ta` l-ilma tipproduċi l-ilma mill-impjant tar-reverse osmosis u mill-ilma li jittella minn taħt l-art.
Il-Korporazzjoni qed tiffinalizza pjan sabiex taċċerta li l-ilma tax-xorb ikun konformi mal-kriterji tal-WHO u tkompli ttejjeb il-kwalita` ukoll possibilment bil-polishing ta` l-ilma minn taħt l-art.
Bħalissa l-Korporazzjoni qed tħallat l-ilma ta` taħt l-art u mill-impjanti tar-reverse osmosis fil-ġibjun u minn hemm jitqassam fis-sistema tad-distribuzzjoni ta` l-ilma. Dan il-pjan qed jiġi ntensifikat bit-titjieb kontinwu li qed isir fis-sistema tad-distribuzzjoni ta` l-ilma bil-bdil tal-mejnijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu s-servizzi ġodda ta' l-ilma li ġew stallati mill-Water Services Corporation, sena b'sena, f'dawn l-aħħar erba' snin?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif ġej:
minn Ottubru 1994 sa Settembru 1995 - 3178
minn Ottubru 1995 sa Settembru 1996 - 2192
minn Ottubru 1996 sa Settembru 1997 - 2309
minn Ottubru 1997 sa Settembru 1998 - 2109
Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-servizzi ta' l-ilma provduti mill-Water Services Corporation huma: a) servizzi domestiċi; b) servizzi ta' negozji; c) servizzi industrijali; u d) servizzi f'boathouses jew garaxxijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk in-nies li jistgħu jinstallaw l-earth electrodes fid-djar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-earth electrodes hija parti mis-sistema ta` l-istallazzjoni interna ta` l-elettriku. Għalhekk din trid tiġi iċċertifikata minn electrician bil-liċenzja.
Billi fl-impjant tar-reverse osmosis f'Pembroke kien hemm problema ta' ħsejjes li kienu ta' inkonvenjent kbir għar-residenti tal-lokal, jista l-Ministru jgħid jekk din il-problema issa hijiex solvuta jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-problema li għaliha qed jalludi l-Onorevoli Interpellant jidher li m`għadhiex tinħass peress li l-Korporazzjoni ta` l-Ilma ma kellhiex ilmenti f`dan ir-rigward.
L-Amministrazzjoni Laburista preċedenti kienet implimentat proġett fejn l-immaniġġjar tas-sistema tar-reverse osmosis fil-pajjiż għaddiet mingħand il-Polymetric Co Ltd għal għand management Malti, jista' l-Ministru jgħid din il-miżura kemm iffrankat flus lill-korporazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li hemm maħsuba mill-Water Services Corporation f'Għawdex għal din is-sena finanzjarja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Għal dak li jirrigwarda lil Għawdex, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma, matul is-sena finanzjarja 1998 - 1999, qed tippjana li twettaq proġett ta` tqegħid ta` kanen għal tul ta` 8 kilometri. Dan il-proġett ser jikkonsisti f`estensjonijiet u tibdil ta` kanen qodma u jinkludi wkoll xogħolijiet f`toroq kif propost mill-Gvern Ċentrali u l-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena tul l-aħħar seba' snin kif kien ir-revenue tal-Korporazzjoni Enemalta mis-sorsi differenti li għandha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li meta l-Onorevoli Interpellant qed jitlob ir-revenue, irid ifisser iċ-ċifri dwar qliegħ jew telf ta` kull diviżjoni. Dan qed ngħidu għaliex b`revenue wieħed jista` jifhem id-dħul biss mingħajr ma jitnaqqsu l-ispejjeż.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema weġgħu fuq il-post tax-xogħol meta kienu jaħdmu mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sena b'sena mill-1994 'il hawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif ġej:
1994 - 44 ħaddiem
1995 - 33 ħaddiem
1996 - 36 ħaddiem
1997 - 39 ħaddiem
1998 - 46 ħaddiem
(sat-23 ta` Novembru 1998)
Ta` min jgħid li l-biċċa l-kbira ta` dawn il-każi ta` korriment kienu ta` natura ħafifa.
Peress li lment minn ħafna kunsilli lokali huwa li ma jistgħux jagħmlu xogħol utli fit-toroq tal-lokalitajiet tagħhom minħabba nuqqas ta' fittings, jista' l-Ministru jispjega lil din il-Kamra dwar kif jista' jsolvi din il-problema?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Kwistjoni tal-fittings kienet diġa` ġiet ittratta fit-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 918.
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma qed tistenna li jaslulha l-fittings li ordnat u s-sitwazzjoni mistennija tiġi għan-normal fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intuża pitrolju sena b'sena mill-1990 'l hawn u kemm kien il-prezz lill-konsumatur sena b'sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għal dak li jirrigwarda l-bejgħ ta` pitrolju.
Il-prezz bejn l-1990 u l-10 ta` Jannar 1997 kien ta` 7c8 kull litru. L-amministrazzjoni laburista żiedet il-prezz għal 10c kull litru mill-
11 ta` Jannar 1997 sal- 5 ta` Novembru 1997. L-istess amministrazzjoni, b`seħħ mis-6 ta` Novembru 1997 reġgħet żiedet il-prezz tal-pitrolju għal 17c5 kull litru. Dan il-prezz ser jibqa` fis-seħħ sal-31 ta` Diċembru 1998; iżda kif imħabbar fl-Estimi għas-sena 1999, l-amministrazzjoni preżenti, b`seħħ mill-1 ta` Jannar 1999 raħħset il-prezz għal 12c5 kull litru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-persentaġġ ta' kubrit (sulphur) fiż-żejt li jintuża għall-Power Station tal-Marsa? X'inhu l-periklu ta' dan is-sulphur meta jinħaraq iż-żejt fuq in-nies li joqogħdu fl-inħawi tal-Marsa, Ħamrun, Raħal il-Ġdid, il-Belt u l-Furjana? Xi ħsara qed issir fuq il-proprjeta' f'dawn l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja sħiħa tal-ftehim li sar mal-European Investment Bank meta biex jissellef għall-impjant tar-riċiklaġġ il-Gvern Nazzjonalista kien intrabat li jdaħħal taxxa fuq id-drenaġġ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa tal-ftehim li l-Gvern kien għamel ma` l-European Investment Bank.
Rigward il-wording tal-mistoqsija, nistieden lill-Onorevoli Interpellant jaqra paragrafu 6.09 tal-ftehim u jara li l-amministrazzjoni preżenti ħadmet b`mod għaqli u korrett meta nkorporat t-tariffi tad-drenaġġ fit-tariffa l-ġdieda ta` l-ilma u mhux kif għamel il-Gvern Laburista li kien impona taxxa ta` Lm24 fis-sena fuq kull dar.