Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet/interventi fuq il-qalb jew arterji tal-qalb kull sena fl-aħħar għaxar snin? Kemm intbagħtu pazjenti barra minn Malta kull sena għal operazzjonijiet/interventi fuq il-qalb? Kemm kienet l-ispiża totali kull sena? Kemm hemm fuq il-waiting list?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qiegħda tinġabar. Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid taħt liema kondizzjonijiet ġiet mikrija l-Lithotripter? Meta sar l-ewwel intervent? Kemm-il intervent sar sal-lum? Kemm hemm pazjenti fuq il-waiting list għal trattament b'din il-makna? Kemm kienet l-ispiża totali fuq dawn l-interventi inkluż l-ispeċjalisti u l-infermiera?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tiġi miġbura u tingħata risposta f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'raġunijiet ta l-ex chief executive tal-Korporazzjoni Enemalta (Mr Arthur Tua) meta ddeċieda li jitlaq mill-Korporazzjoni Enemalta?
Veru li dan ma kienx qed isib ko-operazzjoni mill-bord il-ġdid maħtur mill-Gvern Nazzjonalista?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ex Chief Executive tal-Korporazzjoni Enemalta irriżenja għal raġunijiet personali. Ma jirriżultalix li l-Bord tal-Korporazzjoni kellu x'jaqsam ma' din ir-riżenja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi membru fil-bord tal-Korporazzjoni Enemalta li għandu kumpannija privata li qed titfa' offerti għal tenders li joħorġu mill-istess korporazzjoni? Jekk hu hekk, il-Ministru ma jaħsibx li dan jammonta għall-konflitt ta' interess?
Response (BONNICI, JOSEF)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, it-tweġiba hija fl-affermattiv. Dan id-direttur, bħad-diretturi kollha tal-Korporazzjoni Enemalta, iddikjara bil-miktub kull interess li għandu f'xi intrapriża li jista' jkollha xi xogħol mal-Korporazzjoni. Din il-proċedura hija mitluba mill-Kodiċi ta' Etika għad-Diretturi ta' Bordijiet fis-Settur Pubbliku.
Barra minn hekk, dan id-direttur, bħal kull direttur ieħor, għandu l-obbligu li jiddikjara l-interess tiegħu u jastjeni minn kull deċiżjoni tal-Bord li b'xi mod tkun relatata ma' xi interessi tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandhiex xi skeda dwar kif u meta se jintbagħtu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li qed jintbagħtu bħalissa jkopru perjodu ta' erba' xhur u nofs li jibdew fi Frar tas-sena l-oħra. Hu mistenni li l-kontijiet ikomplu jintbagħtu kull xahrejn sakemm jintbagħtu l-kontijiet pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Human Resources Manager fil-Korporazzjoni Enemalta qed ikollha tħabbat wiċċha ma' boycott mhux uffiċjali minn executives oħrajn? X'qed isir biex din is-sitwazzjoni titranġa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma jeżisti ebda bojkott fil-konfront tal-Human Resources Manager tal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn ġie ffinanzjati l-infiq kollu tal-Korporazzjoni Enemalta minn Settembru 1998 'il hawn?
Kemm u kif kien l-infiq fl-istess perjodu?
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn u kif ġie iffinanzjati l-infiq kollu tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma minn Settembru 1997 'il hawn?
Kemm u kif kien l-infiq kollu fl-istess perjodu?
Jista' l-Ministru jara li t-Triq Immakulata, Kunċizzjoni f'Bengħajsa, Birżebbuġa li kienet bdiet aktar minn għaxar snin ilu u baqgħet ma tlestiex, titkompla u tiġi mogħtija wiċċ biex tkun tista' sservi l-funzjoni tagħna billi l-kondizzjoni tagħha hija ħażina ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kienet saret stima tax-xogħol meħtieg u għalhekk tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara jekk dan ix-xogħol jistax jiġi nkluż mal-programm ta` din is-sena.
Billi hemm ħafna ilmenti mir-residenti li joqogħdu f'Tal-Papa, Birzebbugia li ajruplani tal-kumpannija Kondor qegħdin jagħmlu ħafna storbju telgħin u neżlin minn fuqhom b'detriment għalihom, jista' l-Ministru jara li jirrimedja din is-sitwazzjoni?
Kemm se jdumu dawn l-eżerċizzji? X'benefiċċji qegħda tieħu l-kumpannija MIA b'dan il-ftehim?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-eżerċizzji ta' taħriġ tal-linja ta' l-ajru Condor saru bejn il-15 u t-23 ta' Marzu 1999. B'dawn it-tip ta' eżerċizzji, l-MIA plc ibbenifikat minn dħul ta' landing fees, parking fees u l-użu tas-sala tal-konferenzi.
Ta' min jirrimarka li minn dan it-tip ta' taħriġ jibbenifikaw ħafna aktar entitajiet konnessi mal-industrija ta' l-avjazzjoni, servizzi ta' catering, handling fees tal-ajruplan, fuel u koordinazzjoni mill-aġenti lokali tal-Condor kif ukoll sitta u tletin kamra f'lukanda 5 star u tmien karozzi tal-kiri tul il-perjodu kollu ta' taħriġ iġġeneraw dħul sostanzjali lill-entitajiet konċernati.
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni u r-raġuni għaliex il-kurrent elettriku qed jinqata' fuq bażi regolari f'ħafna postijiet fosthom Triq il-Forga u Triq il-Mitħna, Naxxar?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-attendenza fuq bażi ta' daily average f'dawn l-aħħar tmien xhur f'kull day centre ta' l-anzjani taħt it-tmexxija tal-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika l-attendenza fuq bażi ta' "daily average" ta' kull Day Centre ta' l-anzjani bejn Marzu u Novembru 1998 kif mitlub fil-mistoqsija.
13.1.99
Jista' l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-kumitat tat-tmexxija ta' l-anzjani fid-day centre ta' Tas-Sliema li kien twaqqaf b'inizjattiva tal-Gvern preċedenti?
X'suġġerimenti qiegħed jagħmel għat-titjib fit-tmexxija tal-post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kumitat tat-tmexxija tad-Day Centre ta' tas-Sliema jikkonsisti minn dawn il-persuni:
Chairperson Ms Sylvia Muscat
Vice Chairperson Mr Edward Cuschieri
Secretary Mr Albert Giglio
Vice Secretary Ms Ċettina Mallia
Treasurer Mr Vince Portelli
Vice Treasurer Mr Charles Aquilina
Public Relations Officer Mr Alfred Gera
Membri: Ms S Catania; Ms C Agius; Ms J Sloan;
Ms V Vella; Mr J Doggett; Mr F Saliba;
Mr A Spiteri.
Il-Kumitat kien issuġġerixxa li l-post jinfetaħ mit-8.30 a.m. sas-7.00 p.m. kuljum, kif fil fatt beda jsir mill-1 ta' Diċembru, 1998. Il-Kumitat jixtieq iżid l-attivitajiet f'dan id-Day Centre, pero' jrid jagħmel dan skond il-finanzi li jkollu minn żmien għall-żmien.
13.1.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2431, jista' l-Ministru jgħid meta ġew awarded u meta nbdew it-tenders immarkati: (i) u (iv) rigward id-dar ta' l-anzjani f'Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tender "Mechanical and Electrical Services" ġie ppublikat fil-gazzetta tal-Gvern fis-7 ta' Novembru, 1997, ġie "awarded" L/A fit-30 ta' Marzu, 1998 u x-xogħol inbeda fil-15 ta' April, 1998. It-Tender "Roofing Works" ġie ppublikat fil-gazzetta tal-Gvern fit-28 ta' Lulju, 1008, ġie awarded L/A fl-10 ta' Novembru, 1998 u x-xogħol inbeda fl-10 ta' Novembru, 1998.
11.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender saret din is-sena dwar xogħol fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Fiex kienu jikkonsistu dawn it-tenders? Kemm kien il-valur antiċipat f'dawn it-tenders? Kemm u liema minnhom ġew deċiżi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din is-sena inħarġu dawn it-tenders għad-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla:
VALUR STMAT
Lm
(i) Mechanical and Electrical Services 712,000
(ii) New Water Mains and Sewage System 55,000
(iii) Internal and External Plastering Works 113,000
(iv) Roofing Works 33,000
(v) Aluminium Apertures 78,000
(vi) Shaft Plastering Works 5,000
(vii) Tiling Works and Sanitary Fittings 295,000
(viii) Vertical Transportation Systems 61,000
It-tenders min-numru (i) sa (vi) kollha ingħataw u x-xogħol inbeda. It-tenders (vii) sa (ix) qegħdin fl-istadju ta' 'adjudication' u dalwaqt jingħataw mid-Direttur tal-Kuntratti.
17.12.98
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' wieħed li ismu u l-ID Card number tiegħu qed jintbagħtu separatament li billi huwa każ ta' trapjant tal-kliewi kien ġie assenjat xogħol ta' driver biex ma jbatix fl-amministrazzjoni preċedenti, u issa reġgħuh lura jaħdem bix-xift D, N, R, u O bi tbatija kbira għal saħħtu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-impjegat tal-Malta International Airport p.l.c. li qed jagħmel riferenza għalih l-Onorevoli Interpellant kien ġie assenjat xogħol ta` Driver taċ-Chairman fuq bażi ta` Day, Day, Off, Off, fuq deċiżjoni taċ-Chairman preċedenti b`effett mis-7 ta` Jannar, 1998 qabel liema data hu kien jaħdem fuq bażi ta` Day, Night, Rest, Off, kif fil-fatt reġa tqabbad jibda jaħdem issa.
Fil-perijodu li hu kien jaħdem bis-sistema ta` Day, Night, Rest, Off, qabel is-7 ta` Jannar 1998, hu qatt ma lmenta mal-Management ta` l-MIA li din is-sistema ta` xogħol kienet ta` xi tbattija għal saħħtu, għalkemm kien ilu li diġa għamel l-operazzjoni tat-trapjant tal-kliewi.
Meta tkellem maċ-Chairman preżenti dwar il-problema tiegħu, l-impjegat kien infurmat li jekk iġib ċertifikat mediku li s-shift work kien qed jagħmel ħsara lil saħħtu, l-ħinijiet tax-xogħol tiegħu kienu jiġu riveduti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx maħsub xi titjib fis-sistema ta' distribuzzjoni ta' l-ilma li joħroġ mill-impjant tar-riċiklaġġ ta' l-impjant ta' Sant'Antnin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-pjanti jew dettalji oħra fit-twettiq tal-proġett ta' bini ta' dining room fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule li kien imbeda taħt l-Amministrazzjoni Laburista?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward ir-'refurbishment' tad-Dining Room fir-Residenza San Vinċenz ma sar l-ebda tibdil fil-pjanti oriġinali. Nista ngħid li sar xi tibdil żgħir f'xi dettalji u żgur li x-xogħol sar aktar bil-ħeffa milli kif kien qed isir qabel. Inżid ngħid li billi rajna li ma kienx fiħ sens li jsir 'refurbishment' tad-Dining Room u tħalli l-bitħa ta' ħdejha u l-kuruturi ta' madwar il-bitħa fl-istat miżeru li kienu, kemm il-bitħa u kemm il-kuruturi ġew miksija b'madum apposta u saret ukoll upgrading ġenerali ta' dawn l-inħawi.
15.12.98