Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol qiegħed isir bħalissa fid-dar il-ġdida ta' l-anzjani f'Bormla? Jista'l-Ministru jgħid lill-Kamra meta hemm il-ħsieb li din titlesta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalissa fid-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla hemm kuntratturi li qed jaħdmu fuq il-'mechanical and electrical services', fuq xogħol tal-bjut, fuq xogħol ta' titjib u tikħil u fuq xogħol ta' main ta' l-ilma u dranaġġ.
Huwa ppjanat li din id-dar titlesta f'nofs is-sena d-dieħla.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Korporazzjoni ta' l-Ilma biex jaraw li ma jsirx serq ta' ilma b'dannu għall-Korporazzjoni fl-1997 u fl-1998? Kemm kien hemm każi ta' serq ta' ilma suspettat jew provat fil-perjodu imsemmi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul l-1997 saru 4899 spezzjoni filwaqt li matul l-1998 in-numru kien ta' 2192.
In-numru ta' każijiet ta' serq kien ta' 13 matul l-1997 u 17 fl-1998.
Jista' l-Ministru jelenka dak kollu li qiegħed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex jitnaqqas l-ilma li jintilef mis-sistema tal-Korporazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha pjan ta' azzjoni bażat fuq tlett objettivi sabiex jonqos l-ilma li jintilef mis-sistema. Dan il-pjan huwa ġeneralment ibbażat fuq dawn it-tlett objettivi:
1. It-tnaqqis ta' telf ta' ilma
2. Il-konklużjoni tan-National Water Balances
3. Il-finalizzazzjoni ta' l-Unaccounted for Water Analytic Tool
Rigward it-telf ta' ilma l-Korporazzjoni qed timmira li sa Ġunju tas-sena 2001 il-livell nazzjonali ta' telf jonqos għal madwar 7.7 metri kubi/kull kilometru/kuljum.
Il-Korporazzjoni qed timmira li tlesti t-tmien (8) Water Balances li jkopru Malta u Għawdex kollu sa l-aħħar ta' l-1999 u b'hekk tkun ġiet studjata, sorvelajata u mkejjla s-sistema ta' distribuzzjoni.
Huwa ttamat li fis-sitt xhur li ġejjin tibda tintuża l-għodda magħrufa bħala Unaccounted for Water Analytic Tool. It-tħaddim ta' din l-għodda għandu jgħin fil-Kwantifikazzjoni u tnaqqis ta' fatturi ta' Apparent Unaccounted for Water, bħal reġistrazzjoni ħażina ta' meters jew ta' difetti fis-sistema tal-billing.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għadda flus il-Gvern bħala sussidju fuq l-ilma lill-Water Services Corporation sena b'sena, mill-1993 sas-sena preżenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-sussidju sena b'sena li l-Gvern ta' fuq l-ilma mill-1993 sas-sena preżenti hu kif ġej:
Lm
(000,000)
1993 14,10 Għoxrin xahar sa Settembru
1994 10,50 Tnax-il xahar sa Settembru
1995 13,01 Tnax-il xahar sa Settembru
1996 14,56 Tnax-il xahar sa Settembru
1997 14,76 Tnax-il xahar sa Settembru
1998 13,50 Tnax-il xahar sa Settembru
Billi jidher li hemm il-ħsieb li t-tariffi tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkunu relatati mad-daqs tal-household, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm households: (a) b'membru wieħed; (b) bi tnejn; (c) bi tlieta; (d) b'erbgħa; (e) b'ħamsa; (f) b'sitta; (g) b'sebgħa; (h) bi tmienja; u (i) b'iżjed minn tmienja?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej:
Numru ta' Persuni Numru ta' Households
1 17,642
2 25,451
3 25,045
4 31,220
5 13,478
6 4,447
7 1,311
8 455
Iżjed minn 8 256
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-toroq u l-irħula relattivi li sofrew minn qtugħ ta' dawl elettriku matul ix-xahar ta' Ottubru?
Liema kienet ir-raġuni f'kull każ partikolari?
Kemm dam dan il-qtugħ f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tiġi wżata enerġija elettrika mill-impjanti tar-reverse osmosis fuq bażi annwali? Xi proporzjon jittieħed mit-total ta' l-enerġija li qegħda tiġi ġenerata mill-power stations?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-konsum bejn Ottubru 1997 u Settembru 1998 kien ta' 142,452,700 Units li jammontaw għal 8.3% tat-total ta' units li ġew iġġenerati fil-power stations fl-istess perjodu.
Jista' l-Ministru jgħid kif u minn liema sorsi ġejja l-produzzjoni ta' l-ilma bħalissa?
Kemm hu l-proporzjon ta' l-ilma li qiegħda tiġi minn sorsi tar-reverse osmosis? Kemm minn din ġejja mit-tlett impjanti rispettivament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tipproduċi l-ilma minn dawn is-sorsi:-
Pumping Stations, Boreholes, Springs u l-impjanti tar-Reverse Osmosis.
Il-produzzjoni ta' l-ilma mill-impjanti tar-Reverse Osmosis tirrapreżenta 54.12% tat-total.
Il-produzzjoni mill-impjanti tar-Reverse Osmosis huwa kif ġej:
Ċirkewwa - 11529 metru kubu kuljum
Pembroke - 31210 metru kubu kuljum
Lapsi - 8743 metru kubu kuljum
Marsa - 3592 metru kubu kuljum
Tigne - xejn
Jista' l-Ministru jgħid meta kienet l-ogħla domanda għall-enerġija elettrika (maximum peak demand)? Jista' jgħid kemm kienet id-domanda f'din l-okkażjoni? Jista' jgħid f'liema ħin kienet din id-domanda? Kemm kienet is-surplus capacity dak inhar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħed jittella' ground water mill-impjanti differenti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? Kemm hija s-salinita' medja f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħed jittella' ground water mill-impjanti differenti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? Kemm hija s-salinita' medja f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tipproduċi madwar 45,690 metri kubi ta' ilma kuljum. Il-medja tas-salinita imkejjla f'Kloridi hi ta' 1286.30 milligrammi kull litru.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella relatata ma' l-element tal-Kloridi minn kull borehole li tipproduċi l-ilma mill-aquifer.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-każi ta' households li għamlu użu mill-offerta fil-budget tal-gvern preċedenti dwar użu ta' solar water heaters?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-inċentivi favur l-użu tal-enerġija solari li tħabbru fid-diskors tal-Budget 1998 huma forma ta' self b'rati baxxi ta' imgħax mill-banek. Il-Korporazzjoni Enemalta m'għandha l-ebda tagħrif dwar min ibbenifika minn din l-iskema.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern dwar il-monopolju li jeżisti bħalissa f'pajjiżna fil-qasam tas-cellular telephones (mobile phones)?
Kemm iqis il-Gvern li dan il-monopolju jservi tajjeb jew ħażin lill-konsumatur kemm fil-kwalita' u anke fir-rati li jitħallsu?
Jaf il-Ministru li dawn ir-rati huma ogħla sew mill-istess rati f'pajjiżi Ewropej?
Kemm hu konformi dan il-monopolju mat-talba tal-Gvern preżenti li applika biex pajjiżna jsir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li permezz ta' ftehim li kien sar bejn il-Korporazzjoni Telemalta (illum Maltacom plc) u t-Telecell Ltd., (illum Vodafone Malta Ltd.,) it-telecell, kienet inagħtat liċenzja biex topera it-telefon ċellulari taħt monopolju għal għoxrin (20) sena. Dan jiskadi fis-sena 2010.
Il-liċenzja msemmija hawn fuq bħal kull liċenzja maħruġa taħt l-Att dwar il-Korporazzjoni Telemalta baqgħet fis-seħħ taħt l-Att ta' l-1997 biex jirregola t-Telekomunikazzjoni u jirrikonoxxi ċerti esklusivita' sa mhux aktar tard mis-sena 2010.
Jien infurmat illi t-Telecell kienet żiedet tariffi oħra barra dik li hemm fil-ftehim u għalhekk il-konsumatur illum għandu xelta ta' 4 tariffi x'jista' jagħżel.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' liema kienu t-toroq u l-irħula relattivi li sofrew minn qtugħ ta' ilma matul ix-xahar ta' Ottubru?
Liema kienet ir-raġuni f'kull każ partikolari?
Kemm dam dan il-qtugħ f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jippjana ġdid l-Ministeru biex il-proporzjon ta' ilma li m'hemmx kont tiegħu (unaccounted for water) jitnaqqas?
X'qiegħed isir fil-preżent?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata fżseduta oħra.
Jista' l-Ministru jespandi b'mod iżjed konkret dak li qal dan l-aħħar kif rapportat fil-Media li għandu ħsieb u tama li s-sistema elettrika f'pajjiżna xi darba tingħaqad mal-grid Ewropew?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jkun opportun wieħed jesprimi ruħu f'aktar dettal.