Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-persentaġġ ta' units ta' enerġija elettrika li joħorġu mill-power stations tal-pajjiż u li eventwalment ħadd ma jħallas għalihom (unaccounted for units)? X'qiegħed isir biex dan it-telf għall-kumpannija jonqos?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onorevoli Interpellant ma speċifikax għal liema perijodu qed jirreferi qed nagħti l-informazzjoni mitluba bejn l-1993 u l-1997.
1992 -93 19.64%
1993 -94 14.81%
1994 -95 17.26%
1995 -96 13.84%
1996 -97 14.00%
Bħalma wieħed jista` jinnota il-persentaġġ ta` l-`unaccounted for units` ivarja minn sena għal oħra.
Wieħed irid jifhem li kull sistema ta` l-elettriku għandha t-telf, pero` wieħed irid jammetti li t-telf f`pajjiżna huwa għoli meta imqabbel ma` pajjiżi oħra fl-Ewropa.
Minn studju li sar f`April 1998 mill-`Energie de France` rigward `Technical Losses` instab li dan ilaħħaq għal madwar ħamsa fil-mija li mhux persentaġġ -il bogħod minn dak ta` pajjiżi Ewropej. Għalhekk il-persentaġġ li baqa` huwa `non-technical losses` u huwa hawn fejn jista` jsir kontroll għax hawnhekk il-persentaġġ huwa għoli ħafna.
In-`non technical losses` huma riżultat ta` arloġġi weqfin, arloġġi jaħdmu bil-mod u serq ta` l-elettriku.
Billi hemm diskussjonijiet bejn l-Italja u l-Libja u l-Unjoni Ewropea dwar medda ta' gas pipeline li jista' jkun ta' interess u benefiċċju għall-qasam ta' l-enerġija f'pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux jew kienx hemm xi attentat min-naħa tal-Gvern biex forsi Malta tkun tista' tkun kompliċi f'dan l-investiment?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-materja in kwistjoni għadha qed tiġi analizzata min-naħa tal-Gvern għadu prematur biex wieħed jagħti dettalji. Dawn id-dettalji jingħataw fi żmien opportun.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra fiex wasal iċ-charter tal-konsumatur li kien qiegħed jiġi ppreparat u inizzjat mill-amministrazzjoni preċedenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Amministrazzjoni preċedenti qatt ma ippreparat jew inizzjat xi Charter tal-Konsumatur.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern preżenti għandux xi forma ta' politika dwar l-użu ta' l-enerġija f'pajjiżna? Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-politika tal-Gvern dwar l-użu ta' l-enerġija f'pajjiżna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-politika tal-Gvern dwar l-użu tal-enerġija għall-pajjiżna hija mmirata biex tlaħħaq mad-domanda u l-aspettattivi tal-konsumatur b'mod effiċjenti u fl-istess ħin jiġi mħares l-ambjent ta' madwarna.
Irrid inżid ukoll li l-Kunsill ta' Xjenza u Teknoloġija qed ikollu diversi laqgħat mad-dipartimenti w aġenziji biex tkun formulata policy dwar l-enerġija.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jippjana ġdid l-Ministeru biex il-proporzjon ta' ilma li m'hemmx kont tiegħu (unaccounted for water) jitnaqqas?
X'qiegħed isir fil-preżent?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 839.
Jista' l-Ministru jgħid meta kienet l-ogħla domanda għall-enerġija elettrika (maximum peak demand)? Jista' jgħid kemm kienet id-domanda f'din l-okkażjoni? Jista' jgħid f'liema ħin kienet din id-domanda? Kemm kienet is-surplus capacity dak inhar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-għola domanda għall-enerġija elettrika (maximum peak demand) kienet il-Ġimgħa 13 ta' Jannar 1995 fis-7.00p.m.. Dakinhar id-domanda kienet ta' 321 megawatts u s-surplus capacity kienet ta 26 megawatts.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ ta' enerġija mit-total ġenerat fil-pajjiż użata mill-impjanti tar-Reverse Osmosis, sena b'sena, mill-1993 'il hawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-persentaġġ ta' enerġija mit-total ġenerat fil-pajjiż użata mill-impjanti tar-Reverse Osmosis bejn l-1 ta' Ottubru ta' sena u t-30 ta' Settembru tas-sena ta' wara, mill-1993 'il hawn huwa kif ġej:
SENA Persentaġġ
1992-93 12%
1993-94 13.20%
1994-95 13.04%
1995-96 11.26%
1996-97 9.11%
1997-98 8.28%
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 643 li kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' tgħid x'effett kellu t-tibdil li sar mal-bidla tal-Gvern il-Bord maniġerjali tal-Maltacom fuq il-prezz tax-shares tal-kumpannija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda tibdil fil-Bord Maniġerjali tal-Maltacom.
Jista' l-Ministru jispjega lil din il-Kamra r-raġuni wara deċiżjoni li ttieħdet mill-Elezzjoni 'il hawn biex surprise inspections fuq il-meters tad-dawl elettriku fid-djar ma jsirux bejn il-5.00 p.m. u d-9.00 p.m.?
Din kienet xi miżura biex jitnaqqas l-overtime?
Jaħseb il-Ministru li fiċ-ċirkostanzi din il-miżura hija tant produttiva?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-deċiżjoni li jonqsu s-'surprise inspections' wara l-ħin normali tax-xogħol ittieħdet f'Awissu 1998. Ninsab ċert li l-Onor. Interpellant jifhem il-għan li għalih isiru dawn l-ispezzjonijiet u għalhekk ma jkunx prudenti li nagħti dettalji dwarhom.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol li kien proġettat mill-Gvern Laburista biex jinbena ġibjun f'Ta'Xwieki?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-assessment ta' l-impatt ambjentali konness mal-proġett tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex jinbena ġibjun fix-Xwieki wasal biex jiġi finalizzat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 548 li kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' jekk jogħġbok telenka l-inizjattivi għaddejjin bħalissa biex jiġu upgraded is-servizzi li tagħti l-Maltacom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Kumpanija bħalissa qed tevalwa diversi inizjattivi sabiex jiġu upgraded is-servizzi li tagħti.
Billi f'daqqa waħda fil-media waqa' skiet perfett fuq it-tiftix għaż-żejt, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra fuq l-iżviluppi kollha importanti li kien hemm dan l-aħħar f'dan ir-rigward?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-Press Release
tas-6 ta' Novembru 1998 maħruġa mid-Dipartiment ta' l-
Informazzjoni, li kien fiha tagħrif dwar l-aħħar żviluppi
mportanti rigward it-tiftix għaż-żejt u t-tħaffir
f'Għawdex. Is-sitwazzjoni attwali hija li t-tħaffir
wasal għal-livel ta' 6,500 metru u miexi skond kif
maħsub. Ma nifhimx xi jrid jgħid l-Onor Interpellant
dwar skiet!
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-proporzjon ta' konsumaturi tal-Water Services Corporation u ta'l-Enemalta rispettivament, li minkejja il-miżuri fil-Budget ta' l-1998 irriżultalhom li ma kellhom l-ebda żieda fil-kontijiet tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm impjegati ġew imċaqilqa minn posthom (transfered or redeployed) fil-Water Services Corporation u fl-Enemalta? Minn fejn ġew imċaqilqa u fejn ġew trasferiti? X'kienet ir-raġuni f'kull każ partikolari?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onor. Interpellant ma ndikax perjodu speċifiku, ser nillimita t-tweġiba għall-perjodu bejn is-6 ta' Settembru u l-24 ta' Ottubru 1998.
Jiena nfurmat li fil-Korporazzjoni Enemalta saru b'kollox 17-il trasferiment u redeployments għar-raġunijiet segwenti:-
8 impjegati ġew lura minn diversi Ministeri
4 impjegati marru jagħtu s-servizz tagħhom f'Ministeri
3 impjegati wara li ħadu ħatra fi grad għola
1 impjegat biex timtela vakanza li nħolqot
1 impjegat fuq talba tiegħu
Fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma saru b'kollox 5 trasferimenti u redeployments għar-raġunijiet segwenti:-
Impjegat irritorna fid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet fuq talba tiegħu
Impjegat intbagħat minn Raħal Ġdid għal Birkirkara biex jissostitwixxi ħaddiem ieħor li għamel operazzjoni serja.
3 impjegati fuq talba tagħhom stess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm boreholes reġistrati f'Malta u kemm hemm f'Għawdex? Kemm minn dawn ġew reġistrati minn meta ħarġu r-regolamenti ġodda tal-Water Services Corporation?
Response (BONNICI, JOSEF)
In-numru ta' boreholes reġistrati bejn l-1995 u l-1997 kien ta' 4648 f'Malta u 2731 f'Għawdex.
In-numru ta' boreholes ġodda li ġew reġistrati wara li ħarġu r-regolamenti ġodda tal-Korporazzjoni kien ta' 1632 f'Malta u 898 f'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-Water Services Corporation tissellef mill-banek kummerċjali din is-sena finanzjarja? X'inhuma r-rati ta' interess li se tissellef bihom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minhiex f'pożizzjoni li nagħti l-figuri sakemm jiġi finalizzat il-Budget Kapitali tal-Korporazzjoni għas-sena 1997-1998.