Jista' l-Ministru jagħti evalwazzjoni ta' l-għażliet kollha li kkonsidrat il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma dwar kif tista' titjieb il-kwalita' ta' l-ilma f'Għawdex?
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi il-mistoqsija parlamentari 37097 u cioe` jgħid x'inhi l-pożizzjoni tad-diskussjonijiet li għaddejjin bejn il-Gvern Malti u l-kumpanniji barranin dwar il-pipeline tal-gass li huwa proġettat li jgħaddi bejn il-kosta ta' l-Afrika ta' fuq u Sqallija? Dan ser jgħaddi minn Malta u nkunu nistgħu nieħdu fergħa minnha jew ikollha tgħaddi fergħa oħra minn Sqallija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghall-istqarrijiet ghall-istampa mahruga mid-Dipartiment ta’ l-informazzjoni numri 020 u 021 ta’ din is-sena.
Ninsab infurmat li l-istudju minn ENI Spa ghadu mhux finalizzat.
X'inhi l-pożizzjoni tad-diskussjonijiet li għaddejjin bejn il-Gvern Malti u l-kumpanniji barranin dwar il-pipeline tal-gass li huwa proġettat li jgħaddi bejn il-kosta ta' l-Afrika ta' fuq u Sqallija? Dan ser jgħaddi minn Malta u nkunu nistgħu nieħdu fergħa minnha jew ikollha tgħaddi fergħa oħra minn Sqallija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fid-diskussjonijiet li qed issir riferenza għalihom hemm involut id-Dipartiment tat-Tiftix għaż-Żejt. Għaldaqstant nisseġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jaqbilx li għandu jkun hemm limitazzjoni tal-mediċini li pazjent jista' jieħu minħabba li dan ikun intitolat għal-kartuna r-rosa u mhux għas-safra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposti li tajt għall-PQ's 34210 u 34511.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija 34511 il-Ministru jaf li hemm pazjenti li għandhom il-kartuna r-roża u mard li mhux inkluż fl-iskeda 5, fosthom il-mard osteoprożi? Billi dawn it-tip ta' pazjenti jistgħu ikollhom bżonn pilloli u mediċini li m'humiex fil-formolarju u allura qegħdin jiffaċċjaw tbatija, jista' l-Ministru jara li din it-tbatija u diskriminazzjoni titneħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Waqt l-eżerċizzju tar-reviżjoni tal-Formularju, l-lista ta' mediċini li għalihom huma ntitolati l-pazjenti bil-kartuna r-roża tiġi riveduta biex tassigura li dawn il-pazjenti jingħataw il-mediċini bażiċi meħtieġa.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 34210 jista' l-Ministru jara li titneħħa d-diskriminazzjoni kontra pazjenti li huma intitolati għall-karta r-roża biss u li ma jistgħux jingħataw mediċini ta' bżonn li jindikawlhom il-konsulenti tagħha u li ma jinsabux fil-formularju tal-isptar? Għaliex dawk intitolati għall-karta s-safra jistgħu jieħdu dawn il-mediċini u tal-karta r-roża ma jistgħux? Din id-differenza hija minaħabba problemi finanzjarji? X'kien il-bżonn ta' DH circular no. 193/99?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif diġa' għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 34210, il-firxa ta' mediċini li hemm fil-Formularju tkopri dawk il-mediċini li huma kkunsidrati essenzjali biex titratta firxa ta' mard wiesa' ħafna. Ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni bejn pazjenti intitolati għall-kartuna s-safra u dawk tal-kartuna roża. Li wieħed ikun intitolat għall-kartuna s-safra ma jiddependix ikollux kartuna roża jew le. Dawk il-pazjenti kollha li għandhom il-karta roża u jbatu minn marda mniżżla fl-iskeda 5 dwar Sigurta' Soċjali jkunu ntitolati wkoll għall-kartuna s-safra. Ghaldaqstant, ma nara li hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn il-pazjenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-ministru biex jinħall l-impasse bejn il-ħaddiema tal-KSI rappreżentati mill-GWU u l-korporazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li kien hemm diversi tentattivi biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni li hemm bejn il-Korporazjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-General Workers' Union. Peress li dawn it-tentattivi ma wasslux għal soluzzjoni, il-kwistjoni ġiet riferuta lit-Tribunal Industrijali.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim fejn kuntrattur privat bena hu stess u minn fondi tiegħu fuq id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Kif ser jaħdem dan il-public-private partnership u għaliex ma sarx tendering f'dan il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kuntratturi li dan l-aħħar sitt xhur ingħataw kuntratti biex jaħdmu xogħol tal-korporazzjoni Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-kuntratturi li matul dawn l-aħħar sitt xhur ingħataw kuntratti ta' xogħol mill-Korporazzjoni Enemalta kienu dawn li ġejjin:
J & R Skip Hire Ta' Falzon Landrovers Salvu Meli & Sons
George Paċe Ltd. Swaey Bros Ltd. J & J Co Ltd.
P. Grech A. Falzon P & J Debono
Alfred Mizzi Bonnici Bros. Michael Galea
Far Cut Co. Ltd. F & C Grech Ivan Borg
Joe Desira Mario Spiteri Polidano Bros.
Salvu Fenech Toni Aquilina Ltd. V & C Contractors
Conti Anglu Said Publius Buttigieg Firetech Ltd.
Malta Drydocks Falzon Service Station M.O.B.C.
Sebastian Borg C & F Building Cont. Ltd. Joe Grech
Paul Psaila MPS & Mosta DC Charles Camilleri
Jista' l-Ministru jiċċara l-pożizzjoni ta' dawk il-pazjenti bil-kartuna r-roża li japplikaw għall-mediċini mhux tal-formularju u li ma jkunux intitolati għall-karta s-safra? Jista' jgħidilna kif dawn se jkunu jistgħu jieħdu dawn il-mediċini ta' bżonn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-pazjenti kollha li għandhom xi marda kronika mill-Lista tal-Ħames Skeda huma ntitolati għal mediċini b'xejn skond ma huwa speċifikat mid-Dipartiment tas-Saħħa għat-trattament ta` dan il-mard kroniku, inkluż il-mediċini li jeħtieġu approvazzjoni speċjali (dawk li jissejħu non-formulary drugs. Barraminhekk, il-pazjenti li għandhom kartuna roża huma ntitolati wkoll għal mediċini oħrajn mill-Formularju tad-Dipartiment tas-Saħħa. Waqt il-manutenzjoni u r-reviżjoni tal-Formularju jiġi kkunsidrat li l-Formularju jkopri l-mediċini li huma meqjusa essenzjali jew ta` bżonn skond il-policies nazzjonali u rakkomandazzjonijiet oħra, partikolarment dawk ta` l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (fosthom WHO Essential Drug List).
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kuntratturi li dawn l-aħħar sitt xhur ingħataw kuntratti biex jaħdmu xogħol tal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-kuntratturi li matul dawn l-aħħar sitt xhur ingħataw kuntratti biex jagħmlu xogħol tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jaf il-Ministru li saret applikazzjoni biex jinbena mill-privat fuq iċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi? Min kien li ta l-permess biex isir dan? Fuq min hija l-applikazzjoni biex isir dan l-iżvilupp? Saret xi forma ta' tendering?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li saret outline development application lill-Planning Authority minn l-Onor. G. Hyzler bħala promotur tal-Fondazzjoni Ħal-Qormi li qed titwaqqaf bl-għan li tniedi proġetti f'Ħal-Qormi għall-benefiċċju tal-komunita` flimkien mal-Health Care Services. It-talba saret fuq inizjattiva privata u m'humiex bħala parti minn xi proċess b'inizzjattiva governattiva. Il-metodu li bih jista` jinbena ċentru bħal dan taħt xi forma ta` Public Private Partnership kif qed jiġi suġġerit mill-applikant għad irid jiġi determinat.
Jista' l-Ministru jgħid liema bajjiet huma tajbin biex in-nies ikunu jistgħu jgħumu fihom? Liema bajjiet ma jilħqux dan il-livell? X'qed isir biex is-sitwazzjoni titjieb?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif tħabbar fuq il-mezzi tax-xandir kollha l-programm ta` monitoraġġ imniedi mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika beda nhar it-Tnejn 20 ta` Mejju u għalhekk riżultati finali għadhom mhux possibbli.
Infurmat ukoll li kampjuni preliminari li ttieħdu bejn il-11 u t-13 ta` Marzu, kif ukoll bejn is-6 u t-8 ta` Mejju minn 87 sit fl-erba` żoni kostali madwar Malta kollha rriżultaw tajbin u mingħajr l-ebda indikazzjoni ta` kontaminazzjoni minn drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux ċentri tad-dialisi privati hawn Malta? Min imexxihom? Min jaċċerta li jitmexxew skond ir-regoli internazzjonali? Min jagħmel dawn il-kontrolli? Min jagħmel dawn il-kontrolli għandu interessi f'dawn iċ-ċentri hu stess?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-uniku Ċentru tad-dialisi privat hawn Malta huwa Renal Care Centre Ltd., Pieta`.
Dan jitmexxa u huwa liċenzjat fuq is-Sur Carmel Mifsud. L-operat ta` dan iċ-Ċentru jaqa` taħt ir-Regolamenti dwar Liċenzji għal Kliniċi Mediċi Privati (Kap 31). Il-Kliniċi Privati huma suġġetti għal spezzjonijiet regolari minn grupp ta` persuni li huma awtorizzati mill-Ministru tas-Saħħa. Infurmat li ħadd minn dawn il-persuni ma għandu interess dirett f'din il-klinika.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min huma il-kuntratturi li għal dawn l-aħħar tliet snin taw is-servizzi tagħhom lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u kemm kien l-ammont ta' pagamenti li ħadu individwalment għal dan ix-xogħol? Kien hemm xi kuntratturi li ġew black listed minħabba xogħol li għamlu ħażin? Jista jqassam it-tweġiba sena b'sena?
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar il-każ ta' frodi li saret riferenza għalih fir-Rapport Annwali 2000-2001 tal-Korporazzjoni għas-Servizi ta' l-Ilma meta kien għadu Chief Executive s-sur Antoine Riolo? Jikkonferma li f'dan il-każ kien involut direttament l-ex-segretarju privat ta' Ministru? X'ried jgħid bha l-frażi tar-Rapport 'The Corporation is in the process of recovering the funds involved in this case?' Il-pulizija f'hiex waslet fl-investigazzjoni? Saru investigazzjonijiet interni mill-KSI dwar dawn il-fondi? X'kien ir-riżultat? Għaliex il-persuna suspettata dwar din il-frodi, tħalliet tiġi boarded-out?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-investigazzjonijiet li qed isiru mill-Pulizija dwar dan il-każ għadhom ma ġewx konklużi. Peress li dan il-każ kien jikkonċerna numru ta' kontijiet li fihom ingħata kreditu bla ġustifikazzjoni, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ħadet il-passi meħtieġa biex dan il-kreditu jitħassar u l-ammonti dovuti jintalbu mingħand il-konsumaturi konċernati.
Mhux korrett jingħad li 'il-persuna suspettata dwar din il-frodi, tħalliet tiġi boarded out'. Il-'boarding out' isir għal raġunijiet mediċi li ma naħsibx li għandhom ikunu effettwati minn suspetti ta' terzi fuq dak li jkun. Fuq kollox, persuna li tkun 'boarded out' xorta tista' tkun akkużata fil-Qorti fuq dak li tkun għamlet meta kienet għadha impjegata.
Jista' l-Ministru jikkonferma li nhar is-sibt 23 ta' Frar 2002 il-Pulizija fuq talba tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bdiet investigazzjonijiet dwar korruzzjoni ta' uffiċjali tal-KSI minn kuntratturi?
Hemm xi rabta bejn din l-investigazzjoni u l-inċidenti vjolenti li seħħu fl-uffiċċju taċ-chairman f'Diċembru tal-2001 u li sal-lum ma nafux x'azzjoni ttieħdet dwarhom kemm mill-Pulizija u kemm mill-KSI?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-tweġiba għall-ewwel mistoqsija hija fl-affermattiv.
Dwar it-tieni mistoqsija ninsab infurmat li ma jidhirx li hemm rabta ma' l-inċident li kien seħħ fit-23 ta' Novembru 2001. Dwar dan il-każ, il-proċeduri fil-Qorti għadhom pendenti.
Peress li hemm lmenti minn kostitwenti tiegħi li l-ħanut Power Bar biswit l-għassa tal-pulizija ta' B'Buġia qed jibqa' miftuħ aktar milli permess b'mod li qed idejjaq lil ħafna ġirien matul il-lejl, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija ta' B'Buġia mhux qed tieħu l-passi li għanda tieħu skond il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija dejjem aġġixxiet, kemm quddiem il-Qorti kif ukoll quddiem il-Bord ta` Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija, fuq l-ilmenti li rċeviet dwar il-ħanut li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 28497. Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopji taċ-ċertifikati oriġinali li bihom 14-il student barrani ġew aċċettati għall-kors tal-mediċina u kirurġija fil-kors li beda din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-pożizzjoni ta' l-Universita` hi li informazzjoni dwar kwalifiki ta' individwi hi meqjusa bħala kunfidenzjali u għaldaqstant mhux f'pożizzjoni li npoġġi kopja taċ-ċertifikati oriġinali ta' l-istudenti.
L-Universita` ma jkollha ebda diffikulta` li tati l-informazzjoni kollha lil kull awtorita` kompetenti skond il-liġi li tkun trid tistabilixxi li d-dħul ta' l-istudenti sar kollu kemm hu skond ir-regolamenti.