Legislature:
Category:
Reset
Active:

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kuntatti kien hemm mal-gvern Franċiż u l-gvern Ġermaniż mill-elezzjoni 'il hawn dwar l-applikazzjoni Maltija għall-sħubija fl-Unjoni Ewropea? Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma rapporti li ma ġewx miċħuda u li dehru fl-istampa lokali, mhux Laburista, li dawn iż-żewġ gvernijiet huma xettiċi dwar l-applikazzjoni Maltija?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ma għandi ebda rapport fis-sens imsemmi mill-Onor. Interpellant dwar iż-żewġ pajjiżi konċernati. Għal kuntrarju, r-rapporti li għandi huma f' kontest pożittiv. Għal dak li jirrigwardja l-ewwel parti tad-domanda ta' l-Onor. Interpellant, ġa hemm kontatti mal-gvern Franċiż dwar inkontru bilaterali. Għal dak li jirrigwardja l-gvern Ġermaniż hu maħsub li jsiru kuntatti neċessarji fi żmien xieraq.

Djar — Każ Nru.H11043

Question

Jista' l-Ministru jara li tingħata attenzjoni lill-każ ta' Housing H11043 minħabba l-periklu li l-persuna kkonċernata tinsab tgħix fih? X'inhi r-raġuni li l-applikanta ġiet mitluba tibgħat id-dettalji relevanti meta dawn diġa' ġew ippreżentati lid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali fi żmien l-amministrazzjoni l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikanta ġiet mitluba biex terġa' tapplika mill-ġdid minħabba li l-applikazzjoni tagħha ġiet ikkanċellata mill-amministrazzjoni preċedenti għax ma kienetx irrispondiet il-kwestjonarju li kien intbagħat lill-applikanti kollha bejn Frar u Marzu 1998. 3.11.98

Pensjonijiet — Pensjoni taż-żewġ terzi

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-pensjonant mill-Imsida (Pension No.12/14146) li mhuwiex jieħu pensjoni taż-żewġ terzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi l-persuna msemmija minnhu, ġiet mogħtija t-tagħrif meħtieġ dwar il-pensjoni tagħha bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali. 3.11.98
Leg 9 PQ #382 Sitting 6 1998-11-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

IPSE — Ristrutturar ta' l-Industrija Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu mgħoddija l-fondi mill-privatizzazjoni tal-Maltacom lill-IPSE għar-ristrutturar ta' l-Industrija Maltija?

Response (DALLI, JOHN)

Hu mistenni li l-20% mid-dħul nett mill-bejgħ ta` 40% tal-ishma fil-Maltacom plc jiġu debitati lill-Fond Konsolidat qabel l-aħħar ta` din is-Sena Finanzjarja biex ikunu jistgħu jgħaddu lill-IPSE Ltd. għall-istrutturar ta` l-industrija.
Leg 9 PQ #383 Sitting 6 1998-11-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dejn pubbliku

Question

Mill-elezzjoni 'il hawn, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi laqgħa tal-kumitat dwar id-dejn pubbliku?

Response (DALLI, JOHN)

Ma saritx laqgħa oħra tal-Public Debt Management Committee minn wara 1-5 ta` Settembru 1998. Kif jaf l-Onor Interpellant meta f`Lulju li għadda saret sejħa għal Lm30 miljun self, fil-fatt ġie meħud Lm125.90 miljun mingħajr ebda raġuni u pjan. Dan involva l-Gvern fi spiża akbar ta` eluf ta` liri.
Leg 9 PQ #384 Sitting 6 1998-11-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Tibdil

Question

Mill-elezzjoni 'il hawn, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-pożizzjonijiet għoljin tal-Ministeru tal-Finanzi? Saru xi tibdiliet fil-Budget Office?

Response (DALLI, JOHN)

Ma kien hemm ebda tibdil fil-pożizzjonijiet għoljin tal-Ministeru tal-Finanzi u lanqas fil-Budget Office.
Leg 9 PQ #385 Sitting 6 1998-11-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Pensjonijiet — Pensjonijiet privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsiderazzjoni ngħatat lir-rapport ta' l-actuaries Ingliżi Wyatt dwar il-pensjonijiet privati?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-Watson Wyatt Survey of State Pension schemes li ġie ppublikat xahrejn ilu jagħti biss analiżi ta` skemi ta` Penzjonijiet f`diversi pajjiżi jistax jikkonferma li qed jirreferi proprju għal dan is-Survey, li inċidentalment għadu kif wasal f`idejn il-Ministeru f`dawn l-aħħar ġranet.

Servizzi Ekonomiċi — Forum għall-Ekonomija aħjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu l-Gvern dwar il-Forum għall-ekonomija aħjar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Forum għall-Ekonomija Aħjar nbena madwar il-kunċett ta` parteċipazzjoni aktar wiesa fejn jidħol l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta` Malta, kunċett li kien diġa ġie ntrodott f`pajjiżna fl-1989 permezz tat-twaqqif tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku (MCED). Mal-MCED kien żdied l-'Advisory Council' li jidher li l-iskop tiegħu kien laħqu permezz tal-pubblikazzjoni tal-'White Paper Value 2000'. Dwar il-konklużjonijiet inklużi f`din il-'White Paper'għad hemm ir-riżervi. Ninsab infurmat li l-għanijiet, il-funzjonijiet u l-istrutturi tal-Forum għadhom fi stat ta` transizzjoni u żvilupp. Għalhekk, għalkemm naqblu fil-prinċipju ma dan il-kunċett, għad irridu naraw x`tifsila se nagħtu lil Forum għal Ekonomija Aħjar.
Leg 9 PQ #193 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pulizija — Passi dixxiplinarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ittieħdux passi dixxiplinarji kontra dawk il-pulizija li b'għemilhom urew li kienu ħallew il-passjoni politika tiġri bihom waqt li kienu on duty fil-jiem ta' wara l-elezzjoni ġenerali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Leg 9 PQ #194 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma dak li ġie rrapportat li qal is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħu lill-ġurnal lokali li ma kienx hemm livell sodisfaċenti fost dawk li applikaw għall-karigi ta' direttur taħt l-amministrazzjoni Laburista? Jista' jikkonferma li flok issir l-għażla fost dawk l-applikanti se ssir sejħa għall-applikazzjoni mill-ġdid? X'inhu l-pass li jmiss?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infumat li s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħi kien għamel referenza għal aktar minn raġuni waħda li mħabba fihom ma mtlewx il-vakanzi. Meta l-istruttura ta' postijiet fit-Top Management Structure tiġi riveduta biex tirrifletti l-ħtiġijiet tal- Ministeri tal-lum, jittieħdu passi, bħal ma sar fl- imgħoddi, sabiex il-vakanzi jimtlew.
Leg 9 PQ #195 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Laqgħa tal-Ministri tal-Commonwealth — Delegazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien is-sehem tad-delegazzjoni Maltija fil-laqgħa tal-Ministri tal-Commonwealth li għadha kif saret fil-Kanada kif ukoll fil-laqgħa tal-Fond Monetarju Internazzjonali li saret f'Washington? Jista' jagħti dettalji dwar il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni Maltija kif ukoll dwar it-taħdidiet bilaterali li saru? X'kienet ir-raġuni li d-DOI ma ta ebda tagħrif dwar sehem Malta f'dawn il-laqgħat importanti?

Response (DALLI, JOHN)

Barra mill-attendenza għall-laqgħat ġenerali tal-Fond Monetarju\Bank Dinji d-delegazzjoni ħadet sehem fil-laqgħa tal-Interim Committee tal-Fond Monetarju Internazzjonali u numru ta` seminars u konferenzi oħra organizzati minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u anki minn Banek u kumpaniji. Bħas-soltu pprezentajt diskors addattat għal-dawn il-laqgħat. Saru numru ta` laqgħat bilaterali ma` Banek, Security Printers u aġenziji internazzjonali ta` `Credit Rating`. Saru wkoll numru ta` laqgħat ma` uffiċċjali għolja fosthom mal-Executive Directors kemm tal-Fond Monetarju Internazzjonali kif ukoll tal-Bank Dinji. Is-suġġetti li ġew diskussi kienu varji u jinkludu assistenza teknika, u titjib fir-relazzjonijiet bejn Malta u dawn l-istituzzjonijiet. Laqgħat oħra ta` natura teknika ħafna bħal titjib ta` rappurtaġġ statistiku, titjib fis-swieq tal-flus u kapital f`Malta u suġġetti oħra kienu miżmuma ma` diversi dipartimenti tal-Fond Monetarju u l-Bank Dinji. Id-delegazzjonijiet li attendew il-Commonwealth Finance Ministers` Meeting u tal-Fond Monetarju Internazzjonali kienu ffurmati hekk: Il-Commonwealth Finance Ministers` Meeting - Is-Sur J Portelli, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi Il-Fond Monetarju Internazzjonali - Il-Ministru John Dalli Is-Sur Emmanuel Ellul, Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Is-Sur Peter Baldacchino, Direttur tal-Bank Ċentrali Profs. Edward Scicluna, Direttur tal-Bank Ċentrali u Is-Sur Alfred Demarco, Deputy General Manager tal-Bank Ċentrali. Id-delegazzjonijiet wettqu x-xogħol kollu li soltu jagħmlu delegazzjonijiet f`okkażjonijiet simili filwaqt li komplew isaħħu l-kuntatti li għandu l-Gvern ma` pajjiżi oħra u istituzzjonijiet bankarji. Ir-raguni li d-DOI ma ta` ebda tagħrif dwar dawn il-laqgħat hi li ħassejt li dawn kienu laqgħat ta` rutina.
Leg 9 PQ #196 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

Power Station — Kumpens lil Perit Mintoff

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-trattattivi mal-Perit Dom Mintoff dwar kumpens għall-bini ta' Power Station qrib ir-residenza privata tiegħu f'Delimara? X'kienet l-aħħar offerta tal-Gvern? Fuq liema livell qed isiru n-negozjati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli Interpellant jieħu pjaċir jinnota illi t-trattativi mal-Perit Dom Mintoff għar-rigward tal-kumpens indikat qed jitmexxew skond il-'letter of intent' maħruġa fuq dan is-suġġett mill-Gvern preċedenti.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta — Simonds Farsons/Marsovin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-konklużjonijiet preliminari ta' l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta dwar il-proposta ta' Simonds Farsons Cisk (SFC) u l-Marsovin għall-merger bejniethom?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta għamel diversi laqgħat kemm ma' l-intrapriżi involuti f'dan il-'merger' kif wkoll m'intrapriżi oħra li joperaw fis-suq relevanti u li setgħu jiġu affetwati minn dan il-'merger'. Inġabret ħafna nformazzjoni u sar studju dettaljat biex jiġi stabbilit kemm fil-fatt dan il-'merger' se jaffetwa l-kompetizzjoni fis-suq lokali kemm fiċ-ċirkostanzi preżenti meta s-suq hu protett kif ukoll meta titneħħa l-protezzjoni fuq il-prodotti involuti f'dan il-'merger'.