Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal sit ta' qabar fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata f'isem il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament data 21.4.97?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li l-applikazzjoni bid-data tal-21ta' April 1997 f'isem il-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament qiegħda fid-942 post fil-'waiting list' għall-applikazzjonijiet għall-akkwist ta' qabar fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4097, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji d-Dipartiment tas-Saħħa ta l-approvazzjoni tiegħu għall-proposta ta' ħażna ta' pitrolju fi Triq is-Snajja', l-Imsida li hija ta' periklu kbir għar-residenti fl-inħawi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa ta r-rimarki tiegħu lill-Awtorita ta' l-Ippjanar fl-24ta' Ġunju 1998 dwar kostruzzjoni ta' garaxx fil-livell ta' 'basement', garaxx f'livell tal-pjan terran u bini ta' dar għall-akkomodazzjoni f'livell ta' l-ewwel sular.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li dehru fil-ġurnal "KullĦadd" li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament mal-bidla fil-gvern ingħatat karozza tad-dipartiment tas-saħħa meta dan lanqas huwa mpjegat tal-gvern u lanqas għandu xi forma ta' kuntratt mal-gvern? Jikkonferma l-Ministru rapporti li dehru fil-ġurnali li se tinħoloq vakanza għal transport officer for the ambulance garage proprju biex tinqeda din il-persuna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kienet tagħti s-servizzi tagħha fil-'garage' ta' l-ambulanzi tad-Dipartiment tas-Saħħa matul l-aħħar seba' xhur ta' qabel l-elezzjoni tal-1996 u kompliet tagħmel dan għal erbgħatax il-xahar matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Minħabba diffikultajiet li bħalissa jeżistu f'dan il-'garage' l-'Operations Manager' u l- 'Purchasing Officer' talbu transfer, ta' l-ewwel minħabba li qed jiġi kontinwament mhedded. L-'Assistant Manager' reġa' mar fid-Dipartiment tiegħu u l- 'Assistant Operations Manager' irtira mis-servizz.
F'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, l-persuna msemmija ġiet mitluba tgħin l-amministrazzjoni ta' dan il-'garage'. Ix-xogħol rikjest minnha jeħtieġ l-użu ta' karozza u minħabba li fil-passat il-karozza ta' din il-persuna ġiet vandalizzata, id-Dipartiment flok poġġa karozza bid-'driver' għad-disposizzjoni tiegħu tah l-użu ta' karozza li jsuq hu stess. Din il-persuna mhux qed titħallas tas-servizz li qed tagħti.
Id-diviżżjoni tas-Saħħa mhu se toħloq ebda vakanza għal 'Transport Officer for the Ambulance Garage'.
Fid-dawl ta' rapporti li dehru fl-istampa, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi x'tirrapporta dwar il-qtil ta' Shqaqi li kien sar f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa suġġett ta' inkjesta maġisterjali u l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin. Għaldaqstant, ma huwiex opportun li tingħata xi nformazzjoni dwar dan il-każ.
03.02.99
Jista' l-Ministru jgħid x'konsiderazzjoni qegħda tagħti l-Awtorita' ta' l-Ippjanar lill-fatt li l-estensjoni proposta tal-barriera ta' Wied il-Għomor tista' tkun ta' periklu għar-residenti ta' Victoria Gardens, Ta' l-Ibraġġ, Tas-Swieqi u ta' San Gwann?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar bħalissa għandha quddiema applikazzjoni minn sid il-barriera sabiex jestendi l-istess barriera fid-direzzjoni ta' Victorita Gardens. Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa lill-Awtorita' wara li s-sid kien twaqqaf mill-istess Awtorita' milli jestendi l-barriera llegalment.
L-applikazzjoni (PA 6163/97) hija suġġetta għall-Environment Impact Assessment (EIA) li qiegħed jiġi ppreparat minn konsulenti ndipendenti. It-terms of reference għall-EIA jinkludu, fost affarijiet oħra, l-impatt soċjali tal-barriera.
Qabel ma' jiġi konkluż l-EIA għas-sodisfazzjon ta' l-Awtorita' u tad-Dipartiment ta' l-Ambjent, din l-applikazzjoni ma tistax tkompli tiġi pproċessata.
Sadanittant is-sid jista' jopera fil-parti tal-barriera koperta bil-liċenzja viġenti tal-pulizija.
03.02.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi u l-Madliena li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Intellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
3.2.99
Jista' l-Ministru jiċħad jew jikkonferma rapport li deher fil-ġurnal "KullĦadd" nhar l-24 ta' Jannar, 1999 dwar trasferimenti u ħatriet prospettivi b'riħa politika fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Dawn se jsiru bħala parti mir-re-engineering exercise li suppost kellu jsir fid-dipartiment?
Response (DALLI, JOHN)
It-trasferimenti li saru dan l-aħħar fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma kienux biss dawk li ssemmew fil-ġurnal `KullĦadd`. Donnu l-għażla ta` ċerti ismijiet minn dawn il-ġurnali kienet biex titfa l-ħmieġ ħalli xxom ir-riħa.
Iċ-ċaqliq sar minn esiġenzi amministrattivi biss u mhux fuq dirrettiva tal-Ministru kif sar fi żmien meta l-Onor Interpellant kien hu Ministru tal-Finanzi u kif jirriżulta mid-dokument li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dan iċ-ċaqliq m`għandux x`jaqsam mar-re-engineering li qed jiġi ppjanat għad-dipartiment tat-taxxi nterni.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri attwali tal-bord tad-diretturi ta' l-Enemalta, MIMCOL, METCO, MOBC u l-MDC?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-membri tal-boards tal-METCO u l-MOBC huma l-istess li kienu fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Il-membri tal-boards l-oħra huma dawn:
ENEMALTA : Prof. Robert Ghirlando (Chairman);
Prof. Joseph Falzon, Dr. Austin Bencini,
Sur Arthur Ciantar, Sur Simon Vella,
Sur Manuel Borda, Sinjura Marcel Delicata,
Sur Eucharist Mizzi u Sur Alfred Debono (Direttur-Ħaddiem)
MIMCOL/MGI : Sur Ivan Falzon (Chairman;
Sur Tonio Zarb, Sur Michael Mercieca,
Sur Tonio Portughese u Dr. Micahel Tanti Dougall LL.D
MDC : Sur Francis Vassallo (Chairman);
Sur Patrick Catania, Sur Hemry Borg,
Sinjura Helga Ellul, Sur Albert Friggieri, Sur Vincent Galea,
Sur Louis Farrugia, Sur Joe Portelli, ġsur Joe Caruana Curran u
Sur Lawrence Borg.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pakket sħiħ ta' remunerazzjoni li ġie offrut lil Dr John Grech bħala diriġent ewlieni prospettiv ta' l-awtorita l-ġdida tat-turiżmu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Dr. John C. Grech ser jingħata rimunerazzjoni skond il-parametri stabbiliti mill-Gvern għall-Chairmen, mhux eżekuttivi, ta' organizzazzjonijiet Governattivi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy attwali ta' l-Enemalta dwar ħruġ ta' permessi għall-pompi ġodda tal-petrol? Huwa minnu li ngħata permess għall-pompa ġdida tal-petrol fil-limiti tan-Naxxar fejn fil-preżent hemm biss car wash? Jista' l-Ministru jinvestiga allegazzjonijiet li d-driver ta' ministru kien involut f'dan l-arranġament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-policy atttwali hija l-istess waħda li kien hemm qabel Settembru 1998.
Jiena nfurmat li fil-każ li għalih qed issir referenza, ma nħareġ l-ebda permess ġdid. Li sar kien li ġie trasferit permess minn pompa ġa' eżistenti f'lokalita oħra għall-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Dan il-permess inħareġ fi żmien li l-Enemalta kienet tifforma parti mid-dekasteru ta' l-Onorevoli Interpellant meta kien Ministru.
Dan it-trasferiment sar skond il-provvedimenti ta' paragrafu 'I' tal-ftehim dwar il-Petrol Stations iffirmat fit-18 ta' MArzu 1997 bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-GRTU.
Jiena nfurmat ukoll li f'dan it-trasferiment minbarra l-Korporazzjoni, hemm involuta l-kumpanija li ser topera din il-pompa.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija mhux kompitu tiegħi li nidentifika min ikollu transazzjonijiet kummerċjali mal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bord il-ġdid ta' l-Enemalta huwiex se jimxi fuq il-pjan ta' ħidma taċ-chief executive tal-korporazzjoni jew jekk dan il-pjan huwiex se jiġi mwarrab għax kien tfassal taħt Amministrazzjoni Laburista? Min huwa s-segretarju tal-bord ta' l-Enemalta? Jista' l-Ministru jiċħad jew jikkonferma rapport li deher fil-ġurnal "KullĦadd" li allega mbuttaturi politiċi għal mili ta' ċerti postijiet vakanti fl-Enemalta, fosthom dawk ta' technical officers? Il-postijiet se jimtlew skond il-proċedura stabilita?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-bord il-ġdid ta' l-Enemalta, bħalissa qed ifassal programm ta' ħidma u għalhekk għadu kmieni biex wieħed jgħid jekk huwiex ser jimxi fuq il-pjan imsemmi. Fil-preżent is-Sur Nunzio Darmanin qed jokkupa l-kariga ta' Acting Secretary.
Ma jirriżultalix li hemm xi mbuttatturi politiċi għall-mili ta' ċerti vakanzi fl-Enemalta kif allega l-imsemmi ġurnal. Mili ta' vakanzi jsir skond il-proċedura stabbilita.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir biex jiġi żgurat li diriġenti tal-Freeport ma jkollhomx konflitt ta' interess fl-għoti ta' kuntratti tal-manutenzjoni tal-krejnijiet fil-Freeport?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-manutenzjoni tal-krejnijiet issir mill-Freeport stess u għalhekk ma narax kif id-diriġenti ta' din il-Korporazzjoni jista' jkollhom konflitt ta' interess.
Tista' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tieħu konjizzjoni tal-fatt li t-talba pendenti għal ħażna ta' pitrolju fi Triq is-Snajja', l-Imsida hija ta' periklu kbir għar-residenti fl-inħawi? Isiru konsultazzjonijiet ma' l-Awtorita' tas-Saħħa qabel jinħarġu permessi simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għamlet il-konsultazzjonijiet kollha neċessarja inklużi dawk mad-Dipartiment tas-Saħħa.
F'każijiet simili, dejjem ikun hemm dawn it-tipi ta' konsultazzjonijiet.
01.02.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħdux xi passi wara rapporti li dehru fl-istampa lokali jallegaw li diversi attentati ta' qtil saru f'pajjiżna dan l-aħħar li setgħu kienu xogħol barranin li ġew ikkummissjonati għal dan il-għan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, ma' teskludi ebda linja ta' investigazzjoni.
01.02.99
Il-Gvern kemm għandu nies deployed biex jinforzaw l-kontroll fuq tal-ħwienet li kellu jibda nhar is-26.1.1999?
X'kien ir-riżultat miksub jum b'jum, mindu beda dan il-kontrol, kważi xahar sħiħ wara li ddaħħlet il-VAT?
Response (BONNICI, JOSEF)
In-numru ta' nies deployed biex jinfurzaw il-kontroll huwa bażikament l-istess li kien hemm għall-istess skop matul dawn l-aħħar sentejn meta fil-poter kien hemm Gvern Laburista u li tiegħu l-Onorevoli Interpellant kien Ministru.
Tajjeb jingħad li s-sezzjoni fejn jitħaddem il-Freephone 120, li fuqu l-konsumatur jagħmel l-ilmenti tiegħu, ġiet imsaħħa.
Bħalissa qed jiġu nvestigati kemm l-ilmenti li saru mill-konsumaturi kif ukoll xi ċaqlieq li rriżulta mill-monitoring li jsir regolarment biex kemm jista' jkun jiġi assigurat li ma jkunx hemm abbużi.
Proġett ta' Manoel Island — Promoturi/shareholders
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-promoturi u shareholders prospettivi fil-proġett ta' Manoel Island u Tigne'? Huwa minnu li diversi kuntratturi oriġinarjament konnessi mal-proġett tilfu l-interess fih?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kif jaf l-Onorevoli Membru n-negozjati dwar il-proġett ta' Manoel Island u Tigne' qegħdin isiru mal-Konsorzju MIDI. Il-Konsorzju huwa iffurmat minn kumpaniji privati u għalhekk mhux il-każ li jingħataw dettalji dwarhom.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm mistennija jinħatru diretturi u assistenti diretturi ġodda? X'proċedura ta' l-għażla sejra tintuża?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi n-numru ta' postijiet ta' diretturi
ġenerali u diretturi li mistennija jimtlew fil-futur qarib
huwa ta' madwar 40.
Fil-fatt għadha kif ħarġet sejħa fis-27 ta' Jannar 1999,
biex jimtlew uħud minn dawn il-postijiet.
In-numru ta' Assistenti Diretturi li mistennija jinħatru
huwa ta' 123. Il-sejħa biex jimtlew dawn il-vakanzi
mistennija toħroġ f'dawn il-ġranet.
Il-ħatriet għal dawn il-postijiet isiru skond u fuq
kriterji li hemm fil-provvedimenti tal-Kostituzzjoni u fir-
Regoli tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tat-Task Force li se jkunu inkarigati mir-re-engineering ta' l-Inland Revenue? Kemm-il darba iltaqa'? Meta ltaqa' l-ewwel darba?
Response (DALLI, JOHN)
Il-membri tat-Task Force li se jkun inkarigat mir-re-engineering ta` l-Inland Revenue huma kif imsemmija hawn taħt:
Chairman: Ministru tal-Finanzi
Membri: Emanuel Camilleri
Director General (Special Projects) - Ministeru tal-Finanzi
Edwin Muscat
Director General (Operations) - Ministeru tal-Finanzi
Joe Galea Musu
Kummissarju tat-Taxxi Interni
Anthony Azzopardi
Senior Principal - Dipartiment tat-Taxxi Interni
Robert Agius
Konsulent - Dipartment tat-Taxxi Interni
Helga Pizutto
Managing Consultant - Management Efficiency Unit
Pierre Vella
Project Manager - MITTS Ltd.
Sa issa it-Task Force iltaqa` l-ewwel darba fl-20 ta` Jannar 1999.