Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-fond 32D, Block 8, Oak Street, San Ġwann huwiex preżentement okkupat mill-inkwilin? Jista' jinvestiga rapporti li wasluli li dan m'huwiex il-każ u li l-fond jista' jkun qed jintuża għal skopijiet oħra apparti minn dawk residenzjali? Dan qed isir fuq diversi ilmenti li wasluli minn residenti ta' l-istess block.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-fond indikat hu mikri lill-persuna li bħalissa tinsab miżmuma b'arrest. Id-Dipartiment għandu nformazzjoni bil-miktub mid-Direttur tal-Ħabs li l-kerrej jaf bil-membri tal-familja li qed jidħlu fil-post u dan qed jagħmluh bil-permess tiegħu.
15.3.99
Jista' l-Ministru jippublika it-terms of reference speċifiċi li ngħataw il-membri tal-privatisation task force tal-Gvern? X'remunerazzjoni se jkollhom dawn il-persuni? Għall kemm żmien tgħodd il-ħatra tagħhom/ Wara r-reazzjoni negattiva li kien hemm mill-GWU, mill-oppożizzjoni u minn diversi setturi ta' l-opinjoni pubblika u ta' l-istampa lokali (mhux Laburista) dwar dan, iħossx l-Ministru li jista' jkun hemm konflitt ta' interess f'dan kollu?
Response (DALLI, JOHN)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra t-terms of reference tal-`Privatisation Unit`. Il-membri ta` din it-task force huma maħtura għal sena u ma jirċievu ebda remunerazzjoni.
L-issue tal-`conflict of interest` ġiet diskussa ma` kull membru tal-Bord li ġej mis-settur privat qabel ma ġew appuntati. B`riżultat ta` dawn id-diskussjonijiet wieħed mill-persuni li kienu nvitati biex joqgħod fuq il-Bord m`aċċettax minħabba possibbilta` ta` konflitt ta` interess.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-gvern għas-suġġeriment tal-FOI biex isir economic impact assessment tas-sħubija prospettiva ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Gvern ħa nota tas-suġġerimenti tal-Federazzjoni ta' l-Industriji u dawn ser jingħataw il-konsiderazzjoni li jixirqilhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjani tal-gvern biex il-Parlament jiddiskuti l-impatt ta' l-aġġornamenti ta' l-Avis tal-Unjoni Ewropea fuq l-ekonomija u s-soċjeta' Maltija u Għawdxija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma jaf l-Onor. Membru, il-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra jiddiskuti l-programm tax-xogħol parlamentari. Bħalma qed jiġu diskussi liġijiet finanzjarji urġenti li, kif kien dikjarat, qed joffru opportunita' biex tiġi diskussa l-qagħda ekonomika, kif talbet l-Opposizzjoni. Malli jitlesta dan ix-xogħol urġenti, jiġi diskuss fil-kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra l-ħtieġa ta' dibattitu fuq is-suġġett imsemmi, li jista' jsir faċilment fil-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin.
8.3.99
Billi diversi pajjiżi għandhom taxxa baxxa fuq il-yacht chartering, jista' l-Ministru jgħid jekk f'pajjiżna tapplikax il-VAT bil-15% f'dan ir-rigward, u jekk iva, hemmx ħsieb li nipprovaw insaħħu l-competition edge tagħna f'dan is-settur li jirrendi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-yacht chartering huwa suġġett għat-taxxa tal-VAT bir-rata ta` 15%. Ir-rata preferenzjali ta` 5% tapplika biss għall-akkomodazzjoni turistika.
Billi issa ġiet ippubblikata l-update dwar l-AVIS ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk jistax jiġi ppubblikat il-kwestjonarju tal-Unjoni Ewropea flimkien mat-tweġibiet tal-Gvern Malti? Dan fl-interess nazzjonali u dak tat-trasparenza?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Il-Kwestjonarju fuq Malta hu dokument intern tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tippubblika r-rapport li ħejjiet hi abbażi tal-kwestjonarju. Jiena mxejt skond l-etika u poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-rapport.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li s-Sur Richard Muscat se jibqa' konsulent tal-Ministeru dwar il-Kultura wara li jinħatar Ambaxxatur għall-Irlanda?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-kuntest tal-proċedura normali u stabbiliti dwar nomini ta' Ambaxxaturi, ikun prudenti li wieħed iwieġeb din il-Mistoqsija f'xi Seduta oħra.
Wara l-istudji preliminari dwar pensjonijiet li saru minn WATSON Wyatt ACTUARIES u mis-Sur Reno Camilleri għall-MCED, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi studji oħra f'isem il-gvern preżenti dwar il-pensjonijiet mill-elezzjoni ġenerali 'il hawn?
Response (DALLI, JOHN)
Wara l-istudju dwar il-pensjonijiet li kkummissjona l-Onorevoli Interpellant meta kien Ministru tal-Finanzi, ma sar l-ebda studju ieħor dwar din il-materja f`isem il-Gvern preżenti.
Jikkonferma l-Ministru rapporti li dehru fl-istampa lokali li Malta tista' titlef madwar Lm3 miljun mill-U.E. f'fondi ta' ristrutturazzjoni billi d-dokumentazzjoni rilevanti għadha ma ntbagħtitx Brussels u ilha xhur sħaħ fil-ministeru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-dokumentazzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant, kienet nieqsa minn ċerta informazzjoni u dettalji meta tħejjiet. Tajjeb hawn jingħad li din id-dokumentazzjoni kienet, fil-maġġor parti tagħha, tħejjiet matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Uffiċjali tal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea kienu ta' l-opinjoni li r-rapport kellu jkun aktar dettaljat u għalhekk il-gvern preżenti ħa l-passi neċessarji biex dan isir. Fil-fatt ir-rapport b'aktar dettalji u informazzjoni, intbagħat tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea biex eventwalment jintbagħat Brussels.
Mhux korrett li wieħed jgħid li Malta tista titlef imħabba ż-żmien li ttieħed biex id-dokument relevanti ikun ippreparat skond kif inhu meħtieġ, mill-Unjoni Ewropea u skond il-ħtiġijiet ta'pajjiżna.
Il-gvern qiegħed jikkonsidra, permezz tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, li jdaħħal inċentivi ġodda ta' taxxa li jiffavorixxu t-tkabbir tas-sehem tal-leasing f'pajjiżna?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni qiegħed jipprepara draft regulations li għandhom jirregolaw il-mod kif jiġu intaxxati transazzjonijiet ta` finance leasing f`pajjiżna.
Meta dawn jitlestew isiru l-konsultazzjonijiet neċessarji mal-korpi interessati, u wara jidħlu fis-seħħ permezz ta` Legal Notice.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew investigati ilmenti dwar abbużi fil-prezzijiet mill-1.1.99?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li mill-bidu ta' din is-sena sa llum, id-Dipartiment tal-Kummerċ fetaħ investigazzjoni dwar 279 ilment dwar allegati abbużi fil-prezzijiet.
Tajjeb jingħad li d-Dipartiment għamel spezzjonijiet f'lokalitajiet differenti dwar il-prezz ta' diversi oġġetti ta' l-ikel. Qed issir investigazzjoni dwar numru relattivament żgħir ta' prodotti li l-prezz tagħhom instab għola minn dak li kien f'Diċembru tal-1998.
Skond l-OFC, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm mediċini u affarijiet ta' l-ikel li għolew bla ġustifikazzjoni mill-5.9.98? X'passi ttieħdu dwar dan? Tista' tagħti lista dettaljata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif jaf tajjeb l-onorevoli Interpellant, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta jimmonitorja dawk il-prodotti ta' l-ikel li huma dominanti fis-suq u mhux il-prodotii taż l-ikel kollha.
Minn dawn il-prodotti kien hemm 23 oġġett ta' l-ikel li għola waqt li 8 prodotti oħra raħsu. Ħdax -il prodott ġew investigati u nstab li l-għoli fil-prezz kien ġustifikat waqt li l-bqija tal-prodotti għadhom qed jiġu investigati.
Ġew investigati 290 prodott mediċinali biex jiġi żgurat li ma kienux qed isiru abbużi mill-importaturi. Instab li fil-każ ta' 7 prodotti ż-żieda fil-prezz ma kienitx ġustifikata u l-importaturi ġew ordnati jraħħsu l-prezz. Il-prodotti in kwistjoni huma dawn:-
Prodott Minn Għall Data
Feldene Gel 0.5% x 25gr Lm2.18 Lm2.08 Oct-98
Trimetabol Syrup x 150ml Lm1.93 Lm1.83 Oct-98
HMR 11 Vaccine x 1 dose Lm6.36 Lm5.60 Oct-98
Actal Tabs x 24 Lm0.89 Lm0.82 Oct-98
Terramycin Poly Topical Ointment x15gr Lm0.84 Lm0.76 Dec-98
Duphalac x 300ml Lm2.74 Lm2.62 Jan-99
Motival Tabs 80mg x 45 Lm1.49 Lm0.80 Feb-99
Bħalissa l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta qiegħed jimmonitorja s-suq biex jara li fil-fatt dan ir-roħs ġie effettwat fl-ispiżeriji.
Billi fil-bidu tas-sena kellhom jitħabbru tibdiliet fl-Ambaxxaturi Maltin, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji dwar dawn it-tibdiliet b'riferenza speċifika għad-dati rispettivi tal-ħatra?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Il-proċess ta' nominazzjonijiet għal Ambaxxaturi li nbeda wara l-elezzjoni għadu sejjer għax kif jaf l-Onor. Interpellant dan hu proċess li jinvolvi ċerti proċeduri li mhux dejjem wieħed jista jgħaġġilhom. Sa issa, dawn in-nomini li se nsemmi rċivew l-approvazzjoni tal-gvernijiet konċernati u xi wħud minnhom fil-fatt diġa bdew ix-xogħol diplomatiku tagħhom fil-kapitali tal-pajjiżi li għalihom huma Ambaxxaturi:
Dr. George Bonello du Puis Londra 16 ta' Diċembru 1998
Prof. Salvino Busuttil Pariġi 17 ta' Dicembru 1998
Dr. Jimmy Farrugia Vatikan/SMOM
(Residenti Malta) 7 ta' Jannar 1999
Dr. Joe Licari Strasbourg 13 ta' Jannar 1999
Mr. Saviour Borg Beijing 27 ta' Jannar 1999
Mr. Gaetan Naudi Cairo 27 ta' Jannar 1999
Kif diġa ndikajt, hemm nomini oħra iżda ma jkunx korrett li jissemmew qabel ma' jkollna risposta mill-gvernijiet konċernati.
Il-Gvern Malti biddel id-deċiżjoni tal-gvern preċedenti li ma jeħux sehem f'Expo' 99? Jekk iva, jista' l-Prim Ministru jgħid x'se tiswa l-parteċipazzjoni ta' Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Naħseb l-Onor Interpellant qed jistaqsi dwar Expo 2000 li
ser isir Hanover. Il-Gvern qiegħed jikkonsidra attivament
li Malta għandha tipparteċipa iżda deċizjoni finali għad
trid tittieħed.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jintnefqu flus fuq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-millenju tul din is-sena finanzjarja?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kumitat konċernat beda x-xogħol tiegħu ftit ġimgħat ilu u għadu fil-fażi li jfasslu pjan dettaljat ta' ċelebrazzjonijiet u ta' l-ispiża li tista' tkun meħtieġa.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3289?
Response (REFALO, MICHAEL)
Qed inwieġeb għall-mistoqsijiet numru 3289 u 3665. Informat li bħalissa hemm 6 lukandi li huma 'under construction' li b'kollox ser ikollhom 2,212-il-sodda. Il-klassifikazzjoni tingħata wara li jkunu lesti u għalhekk, għalkemm għandi indikazzjoni m'inhix f'pożizzjoni llum ngħid f'liema klassi ser ikunu.
Xogħol ta' 'upgrading', isir kontinwament f'bosta lukandi. Naħseb li l-Interpellant qed jirreferi għal ristruttament ta' lukandi eżistenti. Bħalissa hemm 4 lukandi li qed jiġu ristrutturati, waħda 2 Star b'34 sodda; oħra 3 Star b'272 sodda; oħra 3 Star b'150 sodda u oħra 3 Star b'122 sodda.
Mill-1995 sallum inbnew ħdax il-lukanda u għaxra oħra ġew ristrutturati kif jidher hawn taħt:-
SENA LUKANDI ĠODDA LUKANDI RISTRUTTURATI
1995 2 2
1996 2 3
1997 4 2
1998 3 3
Total 11 10