Jista' l-Ministru jgħid kemm intraw karozzi ġodda għal ministri minn Diċembru 1998 'il quddiem? Għal liema ministri kienu? Kemm swiet kull waħda?
Response (DALLI, JOHN)
Fil-perjodu msemmi nxtraw karozza għall-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u oħra għall-Ministru ta` l-Agrikoltura u Sajd għall-prezz ta` Lm11,600 kull waħda.
Jista' l-Ministru jgħid ma' min iltaqgħu l-uffiċjali ta' Moody's Investors Service? Jikkonferma l-Ministru li kien hawn ukoll delegazzjoni ta' Standard & Poors? Jekk iva, x'laqgħat kellhom?
Response (DALLI, JOHN)
1. L-uffiċċjali ta` Moody`s Investors services kellhom laqgħat fuq jumejn
ta` taħdidiet ma` dawn li ġejjin:
a. Il-Ministru tal-Finanzi
b. Il-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi
c. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali
d. L-Ambaxxatur għall-Unjoni Ewropeja f`Malta, Dr. G. Boggio
e. Uffiċċjali għolja mill-Ministru tal-Finanzi u mill-Bank Ċentrali
f. Iċ-Chairman tal-Mid-Med Bank
g. Uffiċċjali għolja min-National Tourism Organisation of Malta
h. Uffiċċjali għolja mill-General Workers
i. Il-Professur Lino Briguglio tal-Fondazzjoni għall-iStudji
Internazzjonali
2. Ma kien hawn l-ebda delegazzjoni f`Malta mill-aġenzija Standard and
Poor`s.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma d-dati li fihom se żżur Malta delegazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali?
Response (DALLI, JOHN)
Id-delegazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali qegħda f`Malta u bdiet il-programm ta` laqgħat tagħha nhar it-Tlieta 16 ta` Marzu. Dawn il-laqgħat jintemmu l-Ġimgħa 26 ta` Marzu.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tad-Diretturi attwali tal-MITTS? Kemm u liema minnhom ġew appuntati minn gvern Laburista?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-MITTS Ltd fil-preżent
huma:
Chairman - Is-Sur Joseph R Grima
Membri - Prof Juanito Camilleri
Is-Sur Anthony Diacono
Is-Sur Joseph Izzo
Is-Sinjura Anna McKenna
Is-Sur Norman Mifsud
Fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti, is-Sur Joseph R
Grima ukoll kien Chairman tal-kumpanija (sal-10 ta' Ġunju
1998), filwaqt li s-Sur Joseph Izzo u s-Sinjura Anna
McKenna servew bħala membri tal-Bord.
Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru mill-Planning Authority dwar l-impatt fuq l-ambjent Malti u dak Għawdxi li tista' iġġib magħha sejba taż-żejt fi kwantitajiet kummerċjali? Liema għandu l-anqas impatt negattiv, tħaffir fuq l-art jew dak offshore? Jista' l-Ministru jippubblika dawn l-istudji jew għall-inqas executive summary tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma għamlet l-ebda studju dwar l-impatt minn tħaffir għaż-żejt.
Jekk l-Awtorita' ikollha applikazzjoni għal tħaffir u produzzjoni għaż-żejt, din l-applikazzjoni tkun suġġetta għal Environmental Impact Assessment skond it-termini tal-proċeduri tal-EIA's f'Malta.
22.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kif se tintlaqat Malta mill-ħtieġa li tadotta leġislazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea dwar "crude oil and oil products trade" meta skond il-progress report ta'l-Unjoni Ewropea dwar Ċipru jingħad li: "the harmonisation of excise taxes will in principle effect the price of diesel oil which would have to increase by 150% in order to be in line with the EU directive on excise. This will have on impact on public and private transport since around 30.1 of vehicles are disel fuelled"?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-gvern Malti ma rċieva l-ebda rapport mingħand l-Unjoni Ewropea f'dan ir-rigward. Għaldaqstant għadu kmieni biex wieħed jesprimi ruħu dwar din il-materja.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma rapporti li dehru fl-istampa li l-gvern ma sabx nies biżżejjed biex jgħinuh fl-iscreening process ta' l-applikazzjoni Maltija għall-Unjoni Ewropea? Jekk dan m'huwiex il-każ, jista' jindaga min huma n-nies magħżula u jekk il-gvern għandux il-ħsieb li minn issa jaħtar chief negotiator kif għamlu diversi pajjiżi oħrajn applikanti għal sħubija sħiħa?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Rigward l-ewwel domanda, nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li r-rapporti li dehru fil-gazzetti m'għandhom l-ebda bażi.
Għan-negozjati l-Gvern ħaseb li jikkonsulta mas-setturi kollha bl-aktar mod wiesgħa. Għaldaqstant il-Ministeru tiegħi ħaseb biex iniegħdi lista ta' dipartimenti tal-gvern, korporazzjonijiet parastatali, korpijiet kostitwiti kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jikkonsultahom dwar id-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Il-Gvern ħaseb ukoll biex joħloq il-Malta European Union Steering Action Committee li ser tinkludi fost oħrajn membri tal-Kabinet, rappreżentanti ta' Ministeri, rappreżentanti ta' korpi kostitwiti kif ukoll speċjalisti f'materji tal-Unjoni.
Il-pożizzjoni ta' Chief Negotiator titħabbar meta jkun il-waqt.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-Korporazzjoni Enemalta tħares lejn il-ħtieġa ta' l-Unjoni Ewropea li pajjiżi membri jridu jżommu "oil stocks" għal 90 jum?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Enemalta tħares lejn din id-direttiva b'mod pożittiv peress li hija ntiża biex f'każ ta' kriżi, l-pajjiżi membri ma jinqabdux bla żejt.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi u l-Madliena li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, waħda dwar Pensjonijiet Kontributorji u oħra dwar Pensjonijiet Mhux Kontributorji bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant.
16.3.99
Jista' l-Ministru jippublika il-figuri tad-dħul mill-VAT u mill-Income Tax għall-ewwel xahrejn ta' din is-sena? Id-dħul mill-income tax kif jipparaguna ma' dak ta' l-istess żmien tas-sena l-oħra?
Response (DALLI, JOHN)
Fl-ewwel xahrejn ta` din is-sena, id-dħul mill-VAT (taħt l-Att ta` 1998), kien ta` Lm7.99 miljuni li minnhom Lm7.5 miljuni daħlu bħala VAT fuq importazzjoni, mid-Dwana). Dan jista` jitqabbel ma Lm4.4 miljuni li kien daħal mill-istess għejjun fl-1998. Minn dan l-ammont, Lm1.6 miljuni tpoġġa fit-Treasury Clearance Fund bħala parti mir-riserva li minnha jridu jitħallsu ir-refunds fuq l-istocks. Ta` min jgħid li l-ewwel returns li juru d-dħul ta` tlett xhur ta` VAT jaslu fid-Dipartiment fil-15 ta` Mejju 1999.
Rigward l-Income Tax, għall-istess perijodu fl-1998 u l-1999, id-dħul kien hekk:
1998 1999
Lm Lm
PAYE 5.8m 6.4m
Provisional Tax 2.0m 1.9m
Settlement Tax (Arrears) 2.2m 1.4m
Capital Gains Tax 0.8m 0.8m
15% Final Withholding Tax 2.1m 0.9m
12.9m 11.4m
Ta` minn jinnota li miljun lira ta` Final Withholding Tax (15 fil-mija ta` l-imgħaxijiet fuq depożiti fil-banek), li soltu jidħol f`Jannar abbażi ta` Diċembru, din id-darba wasal għand il-Gvern u ġie kkuntjat f`Diċembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-liġi ta' l-Awtorita' Marittima tipprovdix għall-ħolqien ta' post ta' chief executive? Fil-fatt hemm persuna f'din il-kariga bħalissa u jekk iva, għal liema terminu ta' żmien inħatret u x'remunerazzjoni għandha apparti minn benefiċċji oħra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari Nru. 5525.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-Gvern jilleġisla dwar l-użura? Jekk iva, meta u jekk le, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern bħalissa qed jiżen l-argumenti favur u kontra li l-użura isir reat kriminali. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-użura mhix aċċettata mill-Kodiċi Ċivili u tista' ssir azzjoni għall-ħlas lura tal-interessi mħallsa oltre l-massimu stabbilit mill-liġi.
16.03.99
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar it-taħdidiet li Malta flimkien ma' Cayman Islands u Gibilita' qed ikollha dwar miżuri kontra l-ħasil ta' flus maħmuġin ma' l-U.N. Global Programme Against Money Laundering? Kien hemm żviluppi ma' OECD dwar l-istess suġġett?
Response (DALLI, JOHN)
Kif jidher f`artikolu fil-Financial Times tal-5 ta` Marzu 1999 il-U.N. Global programme Against Money Laundering nieda inizjattiva sabiex jistabbilixxi dawk iċ-ċentri finanzjari li huma kredibbli fil-ġlieda tagħhom kontra il-ħasil ta` flus. Permezz ta` kuntatti li l-Bank Ċentrali għandu f`din l-Organizzazzjoni qabel ma tnidiet din l-inizjattiva tkompli tissaħħaħ il-kredibilita` ta` Malta bħala ċentru finanzjarju, il-Bank qabel ma` din l-inizjattiva. Naturalment ix-xogħol f`dan ir-rigward jitlob il-parteċipazzjoni ko-ordinata ta` kwartieri oħra fil-qasam regolatorju u leġislattiv lokali. Għad ma kienx hemm aktar diskussjonijiet u l-ebda laqgħat.
Din it-tip ta` parteċipazzjoni diġa rajniha fl-evalwazzjoni ta` Malta li għamel il-Kunsill ta` l-Ewropa f`Settembru li għadda dwar il-miżuri lokali kontra il-ħasil tal-flus.
Fir-rigward ta` Cayman Islands u Ġibilta`, wieħed jassumi li dawn kellhom l-istess tip ta` diskussjonijiet mal-U.N.
Ma kien hemm l-ebda diskussjonijiet simili ma` l-OECD.
Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi — Żjara fil-Libja
Question
Billi fl-istampa lokali kien ġie rrapportat li xi jiem ilu kellek iżżur il-Libja, tista' tinforma lill-Kamra jekk din iż-żjara saritx u jekk iva, ma min kellek laqgħat uffiċjali u dwar liema suġġetti kienu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li din iż-żjara ġiet posposta fuq talba tal-Gvern Libjan stess, għax il-Ministri li kelli niltaqa magħhom kienu mpenjati barra l-pajjiż.
Jista' l-Ministru jgħid liema boards ta' korporazzjonijiet jew aġenziji tal-gvern inħatru tul ix-xahar ta' Frar? Minn min huma komposti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul ix-xahar ta' Frar ġie appuntat il-Board tad-Diretturi tal-Maltapost plc. Dan huwa kompost miċ-Chairman is-Sur Frank Dimech u mid-Diretturi s-Sinjuri Anthony Debono, Paula Ganado, Dr. Joseph P. Farrugia, Joseph Farrugia. George Gatt u Tony Meilaq.
Jikkonferma l-Ministru li konsulent tal-ministeru tiegħu qed iservi wkoll ta' Deputy Chairman tal-MDC? Jekk iva, x'inhuwa il-ħlas li qed jieħu miż-żewġ karigi? Billi huwa mifhum li din il-persuna taħdem wkoll fis-settur privat, kemm hi obbligata li tqatta' ħin fil-ġimgħa fil-ministeru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kienet konsulent fil-Ministeru tiegħi bejn il-15 ta' Settembru 1998 u l-31 ta' Diċembru 1998. Fil-preżent din il-persuna qed tirċievi remunerazzjoni ta' Lm1500 fis-sena kif jirċievu d-diretturi l-oħra ta' l-MDC. Naturalment la d-Deputat Chairman ta'l-MDC mhuwiex konsulent fil-Ministeru ma għandu l-ebda obbligu li jagħmel xi ħin fil-Ministeru.
Jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni mad-diriġenti ta' St Martins' College fis-Swatar billi minkejja rappreżentazzjonijiet li saru mir-residenti għad hemm inkonvenjent kbir għal dawn ta' l-aħħar minħabba l-ispotlights qawwija li jkun hemm jixgħelu fil-għaxija fid-direzzjoni tad-djar residenzjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li l-materja strettament ma tirrigwardjax lill-Ministeru tiegħi, tlabt lid-Direttur konċernat isaqsi lid-diriġenti ta' l-iskola imsemmija għar-rejazzjoni tagħhom.