Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li partijiet sħaħ mill-proċess ta' l-iscreening li jqabbel il-liġijiet Maltin ma' dawk ta' l-UE jridu jerġgħu jsiru minħabba li dawn ma sarux b'mod korrett?
Response (BORG, JOE)
Mhux minnu li partijiet sħaħ mill-proċess ta` tqabbil ta` liġijiet bejn dawk ta` Malta u ta` l-Unjoni ma sarux sew u kellhom jerġgħu jsiru.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk kienx fi żmienu jew fi żmien il-predeċessur tiegħu li l-Kabinett Nazzjonalista ddeċieda li għalkemm ikompli jfittex sħubija fl-UE ma' l-ewwel grupp għandu jkun lest li jmexxi dan it-target lura kemm-il darba jirriżulta li ma jkunx kiseb iż-żmien transitorju meħtieġ fin-negozjati? Liema huma dawk l-areas li l-gvern Malti jħoss li għandu bżonn perijodi tranżitorji twal għalihom?
Response (BORG, JOE)
L-objettiv tal-Gvern Nazzjonalista kien, għadu u jibqa li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja mal-ewwel tkabbir li jmiss. Il-fehma tal-Gvern kienet u għadha li bin-negozjati jkun possibli ftehim fl-interess tal-poplu Malti.
Il-gvern għadu jemmen li d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji huma mandatorji u għandhom jitwettqu bilfors mill-gvern? Kemm hemm sentenzi li nqatgħu u li għadhom ma ġewx implimentati? Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tagħhom, każ każ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Att ta' l-1997 dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzja jipprovdi li jkun id-dmir tal-Prim Ministru li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal billi jistabbilixxi dawk il-proċeduri u jagħti dawk id-direttivi li jkunu meħtieġa għat-twettiq ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Ladarba din il-liġi ma nbidlitx, il-Gvern huwa tenut li jibqa jirrispettaha.
Madankollu ma naħsibx li dan il-kliem ifisser li r-rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal iridu jitwettqu bilfors mill-Gvern, kif poġġiha l-Onor Interpellant fil-mistoqsija tiegħu.
Fil-fatt iltqajna ma rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal li jinvolvu ħatra pubblika u li, skond il-Kostituzzjoni ta' Malta, jeħtieġu r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. F'dawn il-każi, għalkemm il-Gvern ha dawk il-passi meħtieġa biex ir-rakkomandazzjoni tat-Tribunal tiġi mplimentata, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ħasset li, għal raġunijiet validi, ma tistax tagħmel ir-rakkomandazzjoni taghha għal dan il-għan. Il-liġi ma ħasbitx għal eventwalita bħal din u, naturalment, deċiżjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu mplimentati.
Ninsab infurmat li, sal-20 ta' Mejju 1999, kien hemm 24 deċiżjoni tat-Tribunal li, s'issa, għadhom ma ġewx implimentati. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tagħhom, każ każ.
Jista' l-Ministru jindika ż-żewġ siti alternattivi li ġew indikati għall-proġett ta' manutenzjoni tal-jottijiet flok il-Kalkara? Meta se jiġi mgħarraf il-kunsill tal-Kalkara dwar dan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għadu prematur illi jkunu indikati ż-żewġ siti alternattivi.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati biex jintlaħaq ftehim ħalli jingħata kumpens lill-familjari ta' Nardu Debono kif ukoll dwar it-talba għall-kumpens li għamel Anthony Mifsud u Martin Gaffarena? X'inhuma l-ammonti nvoluti ta' kumpens?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba ghal kumpens mill-familjari ta` Nardu Debono giet miċħuda in vista li hemm kawża ghad-danni pendenti kontra l-Gvern.
Dwar it-talba ghal-kumpens minn Anthony Mifsud, l-avukat tieghu ghandu jissottometti xi documenti oħra biex jissostanzja t-talba li saret.
Dwar it-talba ta` Martin Gaffarena, l-avukat tieghu ghadu kemm issottometta document ieħor u t-talba qed tiġi proċessata.
Nixtieq nippreċiża wkoll illi f`dawn il-każijiet ma ġewx negozjati kif hemm imsemmi fid-domanda tal-Onor. Interpellant.
Tista' tiġi nvestigata mill-ġdid it-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għall-għajnuna medika? Hemm xi rimedju li jista' jsir biex hi tkun tista' tkompli tikkwalifika għal din l-għajnuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna konċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
31.5.99
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tan-negotiating team tal-proġett tal-Kottonera? Meta twaqqaf dan it-team? Kemm-il darba ltaqa'? Kemm-il laqgħa saret minnhom maż-żewġ konsortia nvoluti? X'terms of reference kellhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
In-negozjati mal-konsorzja fuq il-proġett tal-Kottonera tmexxew minni. F'dawn in-negozjati kont nieħu regolarment il-pariri tad-Direttur Ġenerali, Taqsima Xogħlijiet, tad-Direttur tad-Dipartiment ta' l-Artijiet u ta' l-Avukat Ġenerali.
Jista' l-Ministru jagħti d-dati u d-duration tal-laqgħat li kellu mal-kunsilli tal-Kottonera dwar il-proġett li jolqothom mill-viċin? Il-Ministru awtorizza kuntatti mal-kunsilli lokali mill-consortia meta l-kuntratt ma' dawn ta' l-aħħar kien għadu lanqas biss ġie ffirmat? Il-Ministru qiegħed f'pożizzjoni jwieġeb dwar kemm-il laqgħa saret mal-kunsilli lokali mill-consortia u meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt li nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6843, irrid ngħid li inkoraġġejt lill-konsorzja jagħmlu laqgħat mal-kunsilli lokali. Biss ma nistax inwieġeb fuq dawn il-laqgħat peress li ma jkunux ko-ordinati mill-Gvern
Jista' l-Ministru jgħid meta fetaħ it-taħdidiet mal-consortia dwar il-proġett tal-Kottonera mill-elezzjoni ġenerali sal-lum? Meta ġew konklużi dawn it-taħdidiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-taħdidiet mal-konsorzja infetħu immedjatament wara l-Elezzjoni Ġenerali u kienu konklużi fit-8 ta' Mejju 1999.
Jista' l-Ministru jgħid ma' liema ditta barranija qed isiru taħdidiet fl-Istati Uniti biex jinġieb investiment barrani fil-proġett tal-Kottonera? Dawn it-taħdidiet infetħu waqt iż-żjara riċenti tal-Ministru fl-Istati Uniti jew kienu ilhom għaddejjin minn qabel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-taħdidiet li qed isemmi l-Onor. Interpellant in parti, saru qabel, u in parti saru ukoll waqt iż-żjara ta' delegazzjoni minn Malta dan l-aħħar fl-Istati Uniti. Billi d-diskussjonijiet jinvolvu kumpaniji privati u huma ta' natura kummerċjali ma nistax nagħti aktar dettalji.
Avukat Ġenerali — Memorandum dwar il-Proġett tal-Kottonera
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-avukat ġenerali ġiex mitlub jagħti parir legali lill-awditur ġenerali fit-tneħħija tiegħu tal-memorandum dwar il-proġett tal-Kottonera wara t-talba li kienet saret għal rapport simili minn tliet membri ta' l-Oppożizzjoni fuq il-PAC?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Avukat Generali nfurmani li hu ma jistax jizvela, minhabba ragunijiet ta` segretezza professjonali, min jitolbu pariri legali.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6929 dan ifisser li l-permess għar-rave party (għal skop ta' profitt) fil-grounds ta' Ta' Qali sar mingħajr ma ġiet stabbilita bil-quddiem rata ta' ħlas mill-promoturi għal din l-attivita'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi t-talba kienet proposta biex jiġi organizzat festival għal 8,000 - 10,000 ruh u parti mill-profitt kien se jmur għal skopijiet filantropiċi u fl-ebda parti mit-talba ma kien indikat rave party. Meta saret din it-talba ma kien għad hawn ebda sistema ta' ħlas peress li attivitajiet f'dan il-post qatt qabel ma kienu suġġetti għal ħlas.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jħallsu l-promoturi tar-rave party kbir li se jiġi organizzat fil-ġejjieni qarib fil-grounds ta' Ta' Qali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li qed isir eżerċizzju ma' l-'Accounts Section' tal-'Works Division' sabiex tiġi stabbilita rata għall-attivitajiet kollha li jsiru għal skop ta' profitt fil-grounds ta' Ta' Qali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi procurement ta' armamenti sar mill-awtoritajiet Maltin sena b'sena, mill-1996 'il quddiem?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma jidhirlix li l-informazzjoni mitluba għandha tiġi ppublikata. Jekk l-Onor Interpellant għandu xi ħtieġa għall-informazzjoni din tista tingħata kunfidenzjalment.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6730?
Response (BORG, JOE)
Ma kien hemm l-ebda nfieq fuq hospitality u safar minn meta ġejt nominat Ministru sa l-aħħar ta` Marzu.
Iżda kien hemm nefqa ta` LM205 f`hospitality u LM 3,931 f`safar minn delegazzjonijiet mmexxija minni matul il-perjodu li kont Segretarju Parlamentari.
Il-pulizija kemm irriżultawlha li kien hemm inċidenti tat-traffiku f'St. Venera bypass kemm ilha li nfetħet? Kemm minnhom wasslu għal fatalitajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn mindu ġiet inawgurata l-By-Pass ta' Santa Venera f'Settembru, 1992, seħħew tlett imwiet kawża ta' inċidenti tat-traffiku.
Rigward in-numru ta' inċidenti tat-traffiku fl-istess post rappurtati lill-Pulizija, ninsab infurmat li mill-1 ta' Jannar, 1998, id-data li fiha bdew jinżammu rekords fuq il-PIRS, sa l-10 ta' Mejju, 1999, dan kien ta' 61.
17.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jelabora dwar il-ħidma u l-kuntatti diplomatiċi tal-gvern Malti fir-rigward tal-kriżi tal-Kosovo?
Response (BORG, JOE)
Fil-kuntatti kemm tiegħi u tal-Ministeru dwar il-kriżi tal-Kosovo, dejjem indirizzajna it-traġedja umana li mhux biss ilha sejra żmien iżda kull ma tmur kienet qiegħda tikber. Aħna esprimejna is-sogħba tagħna għal-fatt li l-isforzi tal-Contact Group ma waslux għal ftehim aħħari li permezz tiegħu is-sitwazzjoni preżenti setgħet tiġi evitata. Aħna nisħqu sabiex in-negozjati jerġaw jibdew mill-aktar fis possibli ħalli tinstab soluzzjoni ekwa u dejjiema.
Mill-aspett uman il-Gvern ħabbar li lest jilqa f`Malta sa mitt refuġjat u b`hekk jgħin fl-isforzi intiżi sabiex itaffu it-tbatija ta` dawn in-nies.
F`dan ir-rigward, nirreferi wkoll lill-Onorevoli Interpellant għal pożizzjoni li hadet Malta, flimkien mal-pajjiżi ta` l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kif ukoll dawk il-pajjiżi membri ta` l-EFTA li huma membri tal-European Economic Area, illi tipprojbixxi l-provvista jew bejgħ ta` petroleum jew prodotti tiegħu lir-Repubblika tal-Yugoslavja.
Dan kollu għandu l-oġġettiv li tinstab soluzzjoni ġusta għall-paci dejjiema fir-Reġjun.
Il-Ministeru għandu xi aġenzija tar-relazzjonijiet pubbliċi tagħmillu xogħol ta' P.R.? Jekk iva, liema hi u kemm qed titħallas?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Ministeru qabbad l-Associated News Group Ltd. fuq biċċa xogħol waħda ta` P.R. li għaliha din l-aġenzija tħallset Lm1,338.50. Il-Ministeru ħatar ukoll lic-Centre for Communications Technology ta` l-Universita` ta` Malta bħala konsulent bir-rata ta` Lm5,000 fis-sena għal servizzi fl-iżvilupp ta` edukattiva biex toħloq `awareness` pubblika dwar il-finanzi tal-Gvern.