Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvernatur il-ġdid tal-Bank Ċentrali għadux fuq il-kotba ta' l-aġenzija internazzjonali li kien jaħdem magħha?
Response (DALLI, JOHN)
Mill-1 ta` Ottubru 1999, il-Gvernatur il-ġdid tal-Bank Ċentrali qiegħed fuq leave speċjali mill-aġenzija internazzjonali li kien jaħdem magħha. Dan il-leave jingħata meta impjegat ta` l-aġenzija jintalab mill-Gvern ta` pajjiżu biex jaqdi dmirijiet temporanji ta` natura teknika. Dan ifisser li għalkemm il-Gvernatur il-ġdid għadu fuq il-kotba ta` l-aġenzija internazzjonali li kien jaħdem magħha, ma jkun qed jokkupa l-ebda kariga fl-istess aġenzija sakemm jibqa` maħtur Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irċeviet applikazzjoni l-privatisation unit biex jiġu nklużi fil-privatisation register? Kemm minnhom kienu individwi u kemm minnhom kienu kumpanniji?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Privatisation Unit irċeviet 53 applikazzjoni sabiex jiġu nklużi fil-privatisation register.
Minn dawk li applikaw kien hemm 27 kumpanija filwaqt li l-applikazzjonijiet l-oħra saru minn individwi jew consulting firms fil-qasam tal-liġi, accountancy, management u professjonijiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irċeviet u kemm ipproċessat accredited privatistation consultancy applications, il-privatisation unit? Kemm minnhom kienu għal legal services? Kemm għal accountancy and auditing services? Kemm għal management consultancy services? Liema kienu d-ditti konċernati?
Response (DALLI, JOHN)
Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu proċessati.
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ dwar il-poll dwar valuri Ewropej li rrifera għalih pubblikament dan l-aħħar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nieħu din l-okkażjoni biex ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li f'Lulju 1998, Dr A Abela kien kiteb lill-Prim Ministru, Dr Alfred Sant sabiex il-Gvern jisponsorja l-istudju Values Malta 2000. Dr A Abela ma ngħata ebda tweġiba.
Meta f'Settembru 1998, Dr A Abela reġa kiteb lill-Gvern preżenti, l-Gvern tiegħi deherlu li dan kien studju mportanti fuq valuri Ewropej u aċċetta li jkun sponsor ta' dan l-istudju.
Dr A Abela ppreżenta rapport preliminari lill-Kabinett u fl-istess jum, it-Tnejn, 13 ta' Settembru 1999, id-Dipartiment ta' l-Informazzjoni ħareġ Press Release Nru 1387 li ġabet fil-qosor ir-riżultat tas-Survey.
Huwa mistenni li Dr A Abela jkompli jaħdem fuq analiżi komparattiva fuq l-informazzjoni miġbura u jippubblika l-konkluzjonijiet tiegħu.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport preliminari.
Inżid li Dr A Abela huwa r-rapprezentant f'Malta tal-European Values Studies Foundation ta' l-Olanda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-kompożizzjoni tal-membri tat-task force tal-privatizzazzjoni wara xi ħatriet pubbliċi li saru dan l-aħħar?
Response (DALLI, JOHN)
Ma kien hemm ebda tibdil fil-kompożizjoni tat-Task Force tal-privatizzazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-forum għall-ekonomija aħjar ġiex abbandunat għal kollox bħala struttura?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-'forum għall-Ekonomija Aħjar' inħoloq taħt l-amministrazzjoni preċedenti bħala entita li kellha tiġbor fiha l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp ekonomiku. Fil-prattika dan il-Forum qatt ma irnexxielu jikseb l-identita tiegħu filwaqt li l-Kunsill Malti għall-iżvilupp Ekonomiku baqa jaqdi r-rwol tiegħu mingħajr bidliet sostanzjali mill-mod kif kien jopera fil-passat.
Il-Gvern jixtieq jara lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku jissaħħaħ għaliex jemmen fir-rwol importanti li għandu biex iġib rappreżentanti mit-tliet partijiet soċjali flimkien.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8872?
Response (BORG, JOE)
Ir-Raba Protokoll Finanzjarju suppost skada fl-1998. Il-Gvern ta` dak iż-żmien applika biex il-Protokoll jiġi estiż sa l-aħħar tal-1999, u dan il-Gvern kompla x-xogħol biex dan fil fatt seħħ.
Il-parti tal-Protokoll li kien jikkonsisti f`grants u risk capital kien jammonta għal 15 il-miljun Euro. Meta l-Kummissjoni ġiet biex talloka l-flus għal Malta u rat li fis-snin preċedenti ma konna wżajna xejn mill-flus allokati, iddeċidiet li talloka biss għal Malta 5 miljun Euro, kif għamlet ukoll għal Ċipru.
Il-Gvern qed jagħmel ħiltu kollha biex jerġa jġib kemm jista mill-flus li ma ġewx allokati. F`Ottubru l-Kummissjoni tagħmel eżerċizzju li ssejjaħlu n-Notenbaum Procedure fejn tirrejalloka flus li jkun jidher ċar li mhux ser jiġu minfuqa għall-iskopijiet oriġinali tagħhom.
Fil-kuntest tar-rijattivazzjoni ta` l-applikazzjoni għas-sħubija, il-Kummissjoni ddeċidiet li mil-5 miljuni, żewġ miljuni - kif kien ippjanat - jmorru għar-Risk Capital, filwaqt li jitkomplew ukoll il-proġetti ta` l-ischolarships u ta` l-istatistika li kienu diġa ġew approvati. Inoltre il-Kummissjoni allokat 1.6 miljun Euro għal `administrative cooperation` bħalma għamlet mal-pajjiżi applikanti l-oħra, bħala prekursur għall-fondi simili li Malta tkun intitolata li tirċievi qabel s-sħubija taħt `pre-accession assistance`.
Għalhekk sakemm ikun magħruf ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni u l-eżitu tan-Notenbaum Procedure, jidher li għal issa ma hemmx fondi taħt dan il-protokoll għall-proġetti l-oħra fosthom dak dwar ir-restrutturar tal-Industrija, għalkemm dan hu ta` prijorita għall-Gvern Malti li fiħsiebu jagħmel l-almu tiegħu kollu biex jinstabu fondi adekwati għall-programm ta` ristrutturiżżazzjoni tal-Inudstrija Maltija.
Il-Gvern qed jaħdem fuq xi pjan għall-implimentazzjoni tal-liberalizzazzjoni totali tal-kontroll tal-kambju fuq medda ta' ftit snin?
Response (DALLI, JOHN)
Il-politika ta` dan il-Gvern minn dejjem kienet li l-kontrolli fuq il-kambju jitneħħew b`mod prudenti u gradwali. Bħalissa, il-Gvern, flimkien mal-Bank Ċentrali ta` Malta, qed iħejji programm sabiex jitneħħew il-kontrolli fuq il-kambju fi ftit tas-snin. Dan il-programm sejjer jitħabbar lejn l-aħħar ta` din is-sena. Waqt li qed iħejji dan il-programm, il-Gvern se jiżgura li l-miżuri li se jittieħdu mhumiex sejrin iwasslu għal ebda instabilita` fis-sistema finanzjarja Maltija.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa l-ħsieb tal-Gvern li jdaħħal l-RTGS (Real Time Gross Settlement) System?
Response (DALLI, JOHN)
B`Real Time Gross Settlement System qed nifhem s-sistema ta` clearing house fejn ħlas dovut mill-Gvern jista` jiġi paċut ma` ħlas ieħor dovut lill-Gvern.
Din is-sistema diġa` bdiet fuq bażi limitata għal-pendenzi li l-Roads Department u l-Works Department kellhom sal-31 ta` Diċembru 1998. Taħt din is-sistema, ħlasijiet ta` stores u servizzi lill-Gvern qed ikunu paċuti inparti jew fl-intier ma` ħlasijiet dovuti lill-Gvern mill-istess kredituri għal-VAT, Income Tax u kontribuzzjonijiet tas-Sigurta` Soċjali.
Hu maħsub li malli jinqatgħu dawk il-pendenzi s-sistema tinfirex fuq l-istess bażi ma` kredituri tad-Dipartiment tas-Saħħa u tal-Ministeru ta` Għawdex.
Is-sussidju ta' l-intrapriżi pubbliċi kemm jirrappreżenta bħala persentaġġ tal-GDP annwali tal-pajjiż? Jikkonferma l-Ministru li bħalissa il-WSC tirċievi 1% tal-GDP f'sussidji baġitarji?
Response (DALLI, JOHN)
Is-sussidji mgħotija fl-1998 (l-aħħar sena li fiha nistgħu nuru nfieq attwali) lill-dawn l-intrapriżi pubbliċi kienu:
Malta Freeport Corporation Lm 4.2 miljuni
Malta Drydocks Lm 4.996 miljuni
Malta Shipbuilding Lm 8.0 miljuni
Water Services Corporation Lm18.533 miljuni
Total Lm35.729 miljuni
Dawn is-sussidji kienu jammontaw għal 2.64% tal-GDP f`termini nominali li għas-sena 1998 kien ta` Lm1353.72 miljuni.
Bħalissa i.e. fl-1999, is-sussidju għall-Water Services Corporation hu ta` Lm11.883 miljuni filwaqt li l-GDP f`termini nominali għal din is-sena hu stmat li se jkun Lm1454.52 miljun. Għaldaqstant, bħalissa il-Korporazzjoni qed tirċievi 0.82% tal-GDP f`sussidji.
Jista' l-Ministru jgħid kif jipparaguna l-corporation tax ta' pajjiżna ma' dik ta' pajjiżi applikanti oħrajn għall-UE?
Response (DALLI, JOHN)
F`Malta ma teżistix sistema ta` corporation tax imma l-kumpanniji iħallsu l-income tax taħt id-dispożizzjonijet ta` l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income bir-rata ta` 35% fuq id-dħul taxxabbli tagħhom.
Ir-rati normali ta` taxxa fuq il-kumpanniji fil-pajjiżi applikanti għall-UE huma kif ser jingħad hawn taħt:
Bulgaria 27% Latvia 25%
Cyprus 25% Lithuania 29%
Czech Republic 35% Poland 34%
Estonia 26% Romania 38%
Hungary 18% Slovak Republic 40%
Slovenia 25%
L-Onorevoli Interpellant japprezza li kull pajjiż jista` ikollu partikolaritajiet fis-sistema tiegħu li jistgħu jvarjaw min-normal.
Meta l-kabinett kien qabel li jirrikmanda maħfra presidenzjali lil Żeppi l-Ħafi, il-Ministri kollha kienu preżenti? Jekk iva, min kien nieqes dak inhar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
La hu rakkomandabbli u prudenti u lanqas ma hi l-prattika li tinghata informazzjoni dwar kif ikunu ttiehdu decizjonijiet tal-Kabinett. B’danakollu biex nissodisfa l-kurzita’ inspjegabbli ta’ l-Onor Interpellant ninfurmah li fil-kaz imsemmi minnhu l-Ministru tal-Finanzi kien imsiefer u l-Ministru ghal Ghawdex ma kienx lahaq qasam minn Ghawdex fil-hin limitat li fih issejhet il-laqgha tal-Kabinett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intilfu mpjiegi xahar b'xahar u settur b'settur minn Settembru, 1998 sa tmiem Marzu 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ta' kemm kienu r-"redundancies" xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa tmiem Marzu 1999 maqsumin f'setturi kif mitluba.
21.7.99
Il-Gvern għamel kalkoli x'diversion ta' turiżmu Mediterranju kien hemm lejn Malta din is-sena minħabba fil-gwerra tal-Balkani u fil-problemi dwar nuqqas ta' sigurta' fit-Turkija?
Response (REFALO, MICHAEL)
Kif żgur jaf l-Onor Interpellant l-industrija tat-turiżmu tistagħna u tissaħħaħ fi żmien ta' paċi u għalhekk gwerer jew inkwiet fil-Mediterran iġibu ħsara għar-reġjun kollu għax in-numru ta' nies li jsiefru jonqos.
Għal dak li għandu x'jaqsam man-nuqqas ta' sigurta' li teżisti fit-Turkija nfurmat li hemm xi ċaqlieq lejn destinazzjonijiet oħra lejn fejn il-prezzijiet huma kompatibbli, bħal per eżempju l-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq.
Rigward il-public finance figures għall-Jannar - Mejju 1999 għal xiex huwa dovut it-tnaqqis f'social security benefits b'paragun ma' l-ewwel ħames xhur tas-sena ta' qabel?
Response (DALLI, JOHN)
Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda tnaqqis fil-benefiċċji tas-Sigurta` Soċjali fl-ewwel ħames xhur ta` is-sena kif paragunati ma` l-istess perjodu s-sena l-oħra. Il-fatt hu li ż-żewġ perjodi mhumiex eżattament paragunabbli. Dan għaliex jgħaddu xi jiem bejn meta ssir d-debit advice lill-Bank Ċentrali biex dan jgħaddi l-fondi meħtieġa mill-Public Account għas-Social Security Account, liema debit advice tkun value-dated għall-aħħar Ġimgħa tax-xahar meta l-ħlas tal-benefiċċji ikun dovut (f`dan il-każ kien il-Ġimgħa 28 ta` Mejju), u meta l-ħruġ jiġi debitat lill-Vot relevanti taħt il-Fond Konsolidat (li allura, f`dan il-każ, laħaq daħal Ġunju).
Jista' l-Ministur jgħid kif jispjega li fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena il-persentaġġ ta' l-istima annwali (31%) ta' income tax miġbura kien aktar baxx minn dak ta' l-ewwel ħames xhur tas-sena l-oħra (34%)?
Response (DALLI, JOHN)
Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant din is-sena iddaħħlet is-sistema tas-Self Assessment li ġabet magħha tibdil fiż-żmien meta għandhom jintbagħtu l-formoli tat-taxxa kif ukoll meta għandu jsir il-ħlas tat-taxxa dovuta. Fejn taħt is-sistema wżata sas-sena l-oħra il-bilanċ tat-taxxa tal-kumpaniji u tas-self employed li jirriżulta għas-sena ried jitħallas sa Ġunju, taħt is-sistema l-ġdida dan il-ħlas issa għandu jsir sal-aħħar t`Awissu fil-każ tas-self employed u sal-aħħar ta` Settembru fil-każ ta` kumpaniji. Għalhekk kif mistenni dan ħalli l-impatt fil-ġbir tat-taxxa għax-xhur li għaddew li, iżda, għandu jkun irkuprat fix-xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-merger fl-amministrazzjoni ta' l-Inland Revenue, Customs u VAT li jirriferi għalih ir-rapport ta' l-IMF dwar Malta?
Response (DALLI, JOHN)
Il-proċess ta` re-engineering tad-Dipartiment tal-Income Tax jinstab fl-istadju ta` analiżi tal-bażi legali li tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni.