Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil dwar il-policy tal-Bank Ċentrali dwar jekk ċerti forecasts ekonomiċi/finanzjarji għandhomx jibqgħu jiġu ppubblikati jew le?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-policy tal-Bank Ċentrali dwar il-pubblikazzjoni ta` forecasts ekonomiċi. Għaldaqstant, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 13590 dwar is-suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew avviċinati nies intiżi fis-servizzi finanzjarji sabiex jaħdmu fuq bażi part-time għall-MFSC sabiex jagħmlu spezzjonjiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji? X'kondizzjonijiet ġew offruti lilhom? Kif intgħażlu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ġew avviċinati persuni li fl-opinjoni taċ-Ċentru kellhom esperjenza twila u kompetenza f`xogħol relatat mas-servizzi finanzjarji jew mal-management ta` istituzzjonijiet jew kumpaniji. Ġew aviċinati numru ta` persuni u xi wħud aċċettaw, oħrajn ma aċċettawx l-inkarigu.
Dawn il-persuni qegħdin jiġu inkarigati fuq bażi part-time u ser jirċievu ħlas ta` massimu Lm2000 fis-sena. Sa issa intgħażlu tminja; tnejn fl-Insurance Unit, tlieta fl-Investment Services Unit, u tlieta fl-International Business Unit. Huma ser jwettqu xogħol ta` compliance u inspections tal-licence-holders.
Jista' l-Minstru jgħid x'qed jitħallas is-Sur Richard Cachia Caruana bħala ko-ordinatur ewlieni għan-negozjati mal-UE? Tista' tqiegħed kopja tal-kuntratt tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, JOE)
Sa issa għadu ma ġiex stabbilt xi ħlas għandu jieħu s-Sur Cachia Caruana għax-xogħol li qiegħed u li sa jkollu jagħmel bħala Chairman tal-Core Negotiating Group imwaqqaf għan-negożjati mal-EU, għalhekk għadu ma ġiex iffinalizzat il-kuntratt relevanti.
Billi int kont għedt f'diskors lill-IMF li l-programm ta' privatizzazzjoni tal-gvern għandu jersaq quddiem il-Parlament, tista' tgħid jekk dan huwiex se jsir u taħt liema għamla?
Kif qed torbot l-eżitu tal-konferenza prospettiva nazzjonali dwar il-privatizzazzjoni mat-twettieq tal-programm tal-gvern f'dan ir-rigward?
Il-privatisation unit fi ħdan il-ministeru tal-finanzi għadu jopera?
Il-membri tiegħu baqgħu l-istess?
Kemm-il darba ltaqa' dan il-unit din is-sena?
Kien hemm xi membri minnu li kellhom input fit-tfassil tal-white paper dwar il-privatizzazzjoni?
Tista' tgħid x'kienu s-suġġerimenti tat-tliet għaqdiet/korpi kostitwiti li wieġbu għas-sejħa tal-gvern għall-kummenti dwar il-white paper imsemmija?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Onorevoli Membru qiegħed jirreferi għar-rapport li kellhom jagħmlu l-esperti tal-World Bank u li jien kont semmejt fid-diskors lill-IMF, fejn jien kont għidt ukoll li dan ir-rapport kien sejjer jitpoġġa fuq il-mejda ta` din il-kamra għad diskussjoni kif fil-fatt sar.
Kif għidt ukoll fid-diskors tal-Budget il-unit tal-privatizazzjoni li kien twaqqaf, intemm xogħlu mal-publikazzjoni tal-White Paper. Unit ġdid jiġi mwaqqaf wara li jsiru l-konsultazzjonijiet li huma ppjanati dwar il-White Paper.
Kif imħabbar fil-White Paper, il-Gvern sejjer jivvaluta u jikkonsidra l-opinjonijiet imbagħad jiegħu azzjoni u jimplimenta l-programm propost fl-istess White Paper fl-aħjar interessi tas-soċjeta` u ta` l-ekonomija ta` pajjiżna.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra id-diskors li għamel ir-rappreżentant Malti f'UNCTAD X, li saret fit-Tajlandja dan l-aħħar?
Response (BORG, JOE)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14325, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Membru li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-diskors li l-Ambaxxatur Michael Bartolo għamel fil-Konferenza 'UNCTAD X' li saret f'Bangkok, it-Tajlandja, bejn it-12 u d-19 ta' Frar ta'din is-sena.
Jista'l-Prim Ministru jgħid kemm ilhom ma jiġu riveduti l-allowances fl-Armata?
Hemm xi ħsieb li jiġu introdotti skemi ta' għajnuna jew sussidju bħala inċentiv għal studji akkademiċi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-allowances fl-Armata kienu riveduti f'Gunju 1993. Ninsab infurmat li diġa tlesta studju ta' reviżjoni oħra ta' l-allowances li bħalissa qed jiġi kkunsidrat fl-Armata. Għalkemm ma hemm ebda ħsieb li jiġu ntrodotti skemi ta' għajnuna jew sussidju bħal inċentivi diretti għal studji akkademiċi, l-Armata torganiżża korsijiet li jwasslu lis-suldati għall-kwalifika ta' l-Army Certificate of Education kif ukoll korsijiet bħala tħejjija għall-Promotion Examinations tal-fizzjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-livell ta' consumer education fl-iskejjel ta'l-istat bħalissa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li Consumer Education hija parti mis-sillabu ta' numru ta' suġġetti fil-livell sekondarju. Dawn is-suġġetti jinkludu Social Studies, Geography, Personal and Social Education (PSE), Home Economics, Textile and Design u Business Studies.
Informat ukoll li fil-Primarji, Consumer Education hija iżjed integrata u anqas speċifika.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13676?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport in kwistjoni hu l-bażi ta' negozjati li jistgħu jsiru kif indikat mir-rapport stess. Għalhekk ma jidhirlix li hu għaqli li l-kontenut tiegħu jiġi pubblikat f'dan l-istadju. Ir-rapport jiġi pubblikat meta jkun il-waqt.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija filwaqt li ma nistax neskludi l-possibilta' li xi ħadd jitlef l-interess imgħarraf li l-konsortja kollha għadhom interessati ħafna.
Jista' l-Ministru jintervjeni dwar l-ilmenti ta' residenti f'Nazju Ellul Street, kantuniera ma' St. George's Street, Gżira fejn għal dawn l-aħħar 35 sena rriżulta li malli tagħmel ix-xita qed jinġabar ilma tax-xita u tad-drenaġġ minħabba fid-diżlivelli li hemm f'dik il-parti tat-triq? Tista' tieħu passi rimedjali kontra dan il-flooding eċċessiv?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq u l-Kunsill qegħdin jiddiskutu din il-problema biex tinstab l-aħjar soluzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-ditta responsabbli għar-reklamai tal-yellow pages għandhiex aċċess għad-database ta' nies jew ditti bil-VAT registration number, peress li meta dawn jikkuntattjaw lin-nies qed juru li jafu min għandu VAT number, jew le?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-1995 ilha l-prattika tad-Dipartiment tal-VAT li jforni bi ħlas tagħrif dwar persuni reġistrati mad-Dipartiment, liehma tagħrif jikkonsisti fl-isem tal-persuna reġistrata, n-numru tar-reġistrazzjoni, l-indirizz tan-negozju, u n-numru tat-telefon.
Jista' l-Ministru jgħid x'relazzjonijiet bilaterali ta' pajjiżna mal-Awstrija ġew effettwati mill-ħatra tal-gvern il-ġdid ċentru lemini? Jekk iva, kif?
Response (BORG, JOE)
Ir-relazzjonijiet bilaterali ta' Malta mal-Awstrija ma' ġewx effetwati mill-ħatra tal-Gvern il-ġdid Awstrijak, għalkemm is-sitwazzjoni politika ta' dan il-Gvern ġdid qed tinżamm taħt osservazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li inti għażilt li ma tattendix l-ewwel żjara presidenzjali lill-qrati Maltin?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-premessi tad-domanda tal-Onor. Interpellant huma żbaljati. Iż-żjara ma kienitx mill-President tar-Repubblika fil-Qorti iżda mill-President bħala Chairperson tal-Kummissjoni ghall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja lill-Ġudikatura.
Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Ġudikatura huma u ghandhom jibqghu ndipendenti mill-Gvern u konsegwentament jidirlhi li l-ħaġa korretta kienet li jien la niġi mistieden u l-anqas nattendi.
Nista` nassigura lill-Onor. Interpellant li kieku ż-żjara saret mill-President tar-Repubblika lid-Dipartiment tal-Qorti kont inkun prezenti kif kien ikun d-dover u l-pjaċir tieghi.
Jista' l-Ministru jippubblika r-rapport tas-selection committee tat-tenders tal-White Rocks Project li skond ma' inti ġejt ikkwotat li għedt, kienu ikkonklużivi?
Ma jaħsibx l-Ministru li l-atteġġjament tiegħu jista' jwassal biex ikun hemm xi ħadd mill-bidders prospettivi għal proġett li jasal biex jirtira?
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li fis-sena 1992 int kont ġejt irrapportat mill-ġurnal tal-partit tiegħek stess li fil-kapaċita' tiegħek ta' Prim Ministru għedt li min jinħatar segretarju permanenti għandu jgawdi l-fiduċja sħiħa tal-ministri li jkun irid jaħdem magħhom? Għadek taħsibha l-istess?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Naħseb li kulħadd jaqbel li Ministru jrid ikollu fiduċja sħiħa fil-kapaċita' ta' l-individwu li jservi fil-Ministeru tiegħu bħala Segretarju Permanenti b'performance agreement għal perijodu ta' tliet snin.
Madankollu, dan bl-ebda mod ma jfisser li Segretarju Permanenti għandu joffri r-riżenja tiegħu meta jkun hemm bidla fl-Amministrazzjoni jew ta' Ministru.
Fid-dawl tal-oġġezzjonijiet ta' diversi gruppi ambjentali beħsiebek tibqa' tinsisti fuq il-proposta li jkun hemm air strip f'Għawdex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-materja ta' airstrip f'Għawdex tqajjmet f'Seminar li sar f'Għawdex reċentament meta l-Kap ta' l-Oppożizzjoni u jien ntlabna nesprimu l-fehmiet tagħna dwarha. Filwaqt li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni esprima ruħu definitivament kontra l-bini ta' aistrip għal raġunijiet li huwa sejħilhom ekologiċi, jien esprimejt ruħi li l-materja hija importanti għall-iżvilupp ta' Għawdex u teħtieġ konsiderazzjoni minn kull aspett, mhux lanqas dak ambjentali.
Dwar raġunijiet ta' żvilupp ekonomiku jien esprimejt ruħi fis-sens li jidher li mezz ta' komunikazzjoni bejn iż-żewġ gzejjer bl-ajru, huwa essenzjali. Fl-istess waqt huwa magħruf li s-servizz attwali bil-helicopter la tista tistrieħ fuqu u lanqas ma huwa finanzjarjament vijabbli. Għidt ukoll li l-Air Malta ma tistax tibqa tissussidja dan is-servizz għal dejjem. Il-Gvernijiet kellhom parir li s-servizz b'fixed wing aircraft huwa ħafna aktar finanzjarjament vijabbli.
F'dawn iċ-ċirkostanzi jiena stedint l-udjenza u l-pubbliku in ġenerali li jkompli jiddiskuti fl-interess nazzjonali x'inhu l-aħjar li jsir. Għidt ukoll li l-Gvern ma ħax deċiżjoni li terġa ssir t-talba għal bini ta' l-airstrip.
B'riferenza għar-rapporti li l-qorti Maltija damet ma appuntat persuna biex tittraduċi dokumenti bl-iSpanjol konnessi ma' każ tal-feriment ta' Joseph Spiteri minn kadetti Cilejani, jista' l-Ministru jgħid x'wassal għal dan id-dewmien? Dan ifisser li l-qorti ma kenitx sabet il-persuna/i adatti mill-bidu għal dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat illi l-Qorti insistiet li t-traduzzjoni tad-dokumenti mill-Malti ghall-Ispanjol issir min persuna li mhux sempliċiment taf il-lingwa, iżda li l-kapaċita` taghha hi sostnuta min kwalifiċi akkademiċi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nurmu 13267 u ċioe' jgħid x'kien il-valur ta' oġġetti mportati bejn l-1 u t-23 ta' Jannar, 2000 ta' prodotti li tneħħitilhom il-levy fuqhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li il-valur totali ta` l-oġġetti importati bejn l-1 u t-23 ta` Jannar 2000 ta`prodotti tneħħitilhom il-levy fuqhom kien ta` Lm815,065.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Bank Ċentrali jibda jagħmel kif jagħmlu banek ċentrali oħrajn u jibda jippubblika perjodikament offical central bank forecasts kif ukoll inflation reports?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Bank Ċentrali ta` Malta ta` kull sena jagħmel tbassir fuq it-tkabbir ekonomika kif ukoll fuq indikaturi ekonomċi oħra għal skopijiet interni, b`mod partikolari għall-iskop tat-tfassil tal-politika monetarja. Barra minn hekk, il-Bank jikkumenta fuq il-prospetti ekonomiċi għas-sena li tkun ġejja fir-Rapport Annwali tiegħu. Il-Bank jikkumenta wkoll fuq x`inhu mistenni jseħħ fl-ekonomija fir-Rivista tiegħu ta` kull tliet xhur.
Għal dak li għandu x`jaqsam ma rapporti dwar l-inflazzjoni, ta` min wieħed isemmi li l-politika monetarja tal-Bank Ċentrali ta` Malta m`hijiex ibbażata fuq `inflation targeting` u għalhekk il-Bank ma jippubblikax rapporti dwar l-inflazzjoni bħalma jagħmlu xi banek ċentrali barranin li jiffissaw `inflation target` bħalma huma dawk tar-Renju Unit, in-Norveġja, l-Iżvezja u New Zealand. Għalkemm l-għan ewlieni tal-politika monetarja tal-Bank Ċentrali ta` Malta hu li l-prezzijiet jibqgħu kemm jista` jkun stabbli, il-Bank jipprova jilħaq dan il-għan billi jżomm ir-rata tal-kambju tal-lira Maltija marbuta ma` baskett ta` muniti ta` pajjiżi, jew gruppi ta` pajjiżi, li jħaddnu politika monetarja li għandha l-għan li żżomm l-inflazzjoni fuq livell baxx.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi protesti mill-awtoritajiet Libjani wara l-inċident ta' l-spare parts ta' l-iscud missiles, li ġie rrapportat fil-media dan l-aħħar?
Response (BORG, JOE)
Ma saret l-ebda protesta mill-awtoritajiet Libjani wara li ġie ppubblikat fil-media rapport dwar 'spare parts' ta' 'scud missiles', għalkemm dan is-suġġett ġie mqajjem minn u diskuss mal-Awtoritajiet Libjani.