Jista' l-Ministru jikkonferma li ser jitwaqqaf international economic relations directorate fil-Ministeru? Kif se jkun kostitwit? X'se jkun ix-xogħol ewlieni tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bosta xhur ilu il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi nieda eżerċizzju, taħt l-għamla ta' operations review, maħsub sabiex titfassal struttura ġdida għall-ministeru b'mod li dan ikun f'qagħda aħjar li jkopri b'mod effettiv il-funzjonijiet diversi li għalihom huwa responsabbli.
Dan l-eżerċizzju qiegħed jipproponi li tissaħħaħ id-'Diviżjoni ta' l-Ippjanar Ekonomiku' (Economic Planning Division) li ser jinbidlilha isimha u ser isir magħruf bħala id-'Diviżjoni tal-Politika Ekonomika' (Economic Policy Division).
Din ser tinkludi numru ta' diretturi. Wieħed minn dawn id-Diretturi ser ikun iffukat speċifikament fuq 'Relazzjonijiet Ekonomiċi Internazzjonali'. Ir-rwol ta' dan id-direttur ser ikun prinċipalment wieħed ta' analiżi ta' temi ekonomiċi internazzjonali kif ukoll ta' kordinazzjoni, dejjem fuq materji ekonomiċi internazzjonali, f'dak li għandu x'jaqsam kemm ma' l-Unjoni Ewropeja kif ukoll ma l-Organizazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO).
Jista' l-Ministru jikkonferma f'liema sena il-gvern mistenni jaqleb għas-sistema ta' accrual accounting? Ix-xogħol ta' tħejjija minn kemm nies qed isir? X'inhuwa l-istatus tagħhom fil-ministeru?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hu ppjanat li l-Gvern jaqleb għas-sistema ta' accrual accounting fl-2003. Dan jiddependi mil-liema stadju ta' tħejjija jkunu jinsabu fih id-dipartimenti.
Il-Gvern waqqaf Task Force bil-għan li jissorvelja l-implimentazzjoni ta' l-accrual accounting fil-gvern. Dan it-Task Force jikkonsisti minn uffiċċjali għolja fil-Ministeru tal-Finanzi, t-Teżor, il-Managment Efficiency Unit, MITTS Ltd u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u rappreżentant tal-Malta Institute of Accountants. Ix-xogħol ta' tħejjija li qed isir minn ħafna uffiċċjali fid-diversi Ministeri u Dipartimenti tal-gvern qed jiġi kkoordinat mill-iSpecial Projects Office fil-Ministeru tal-Finanzi li bħal issa jikkonsisti f'żewġ persuni - Director General u Executive Officer.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji dwar in-nefqa kapitali, kif ukoll tal-budget propost għal vocational college li mistenni jiftaħ f'Ottubru, 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-ispiża għas-sena kurrenti t-tagħrif mitlub jinsab fl-Estimi għas-sena 2000, filwaqt li l-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ qed jiddiskuti l-bżonnijiet tas-sena d-dieħla ma' l-Awtoritajiet kompetenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi attentat biex jissaħħaħ il-budget office f'dawn l-aħħar xhur?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fejn it-tliet sezzjonijiet fil-Budget Office sas-sena l-oħra kienu mmexxija minn żewġ Senior Principals, matul dis-sena l-Budget Office, fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, ġie approvat bi tliet Assistent Diretturi fis-Sezzjonijiet tad-Dħul, Infieq Rikorrenti u Infieq Kapitali.
Matul dis-sena wkoll, imtlew żewġ postijiet li kienu vakanti fis-Sezzjoni ta' l-Infieq Rikorrenti.
Bħalissa qed jittieħdu l-passi neċessarji biex il-Budget Office jkompli jissaħħaħ permezz ta' kontribut minn uffiċċjali li ser jiġu mpjegati bħala Economics Officers fil-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern dwar it-twaqqif ta' market surveillance directorate? Kif ser ikun kompost u x'ser tkun il-funzjoni primarja tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bosta xhur ilu il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi nieda eżerċizzju, taħt l-għamla ta' operations review, maħsub sabiex titfassal struttura ġdida għall-ministeru b'mod li dan ikun f'qagħda aħjar li jkopri b'mod effettiv il-funzjonijiet diversi, li għalihom huwa responsabbli.
Għan ewlieni ta' dan l-eżerċizzju huwa l-identifikazzjoni ta' strutturi u mekkaniżmi ġodda maħsuba sabiex titwettaq sorveljanza adegwata tal-kwalita' ta' prodotti u servizzi fuq is-suq, għall-benefiċċju tal-konsumatur Malti. In-nomenklatura moderna għal din il-funzjoni hija ta' market surveillance (sorveljanza tas-suq).
Huwa maħsub li din il-funzjoni (ta' market surveillance) tinqasam fi tnejn:
1. L-aspett regolatorju għandu jiġi kopert minn direttur fi ħdan id-Diviżjoni tal-Politika Ekonomika (li ser tieħu post id-Diviżjoni ta' l-Ippjanar Ekonomiku) li għandu jingħata inkarigu speċifiku sabiex jikkordina din il-funzjoni.
2. L-aspett operattiv, bħal m ajistgħu ikunu spezjonijiet, ġbir ta' kampjuni, investigazzjonijiet ta' ilmenti, eċċ., għandu jiġi kopert mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni.
Din id-Diviżjoni (tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni) qed tamalgama flimkien żewġ direttorati li jeżistu bħalissa, dak ta' l-Affarijiet tal-Konsumatur u dak tal-Kompetizzjoni Ġusta. Dan qed isir sabiex tinħoloq struttura iktar b'saħħitha u li jkollha r-riżorsi meħtieġa sabiex timplimenta programmi li jwasslu għal sorveljanza effettiva tas-suq.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18545?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li tħallas jew ser jitħallas kumpens lid-ditti kummerċjali li ġew/jew ser jiġu mċaqilqa minn Manoel Island u Tigne' minħabba dan il-proġett kif ġej:
Water Services Corporation Lm134,000
Phoenicia Glassblowers Limited Lm375,000
Noel Turner (Tower Bar) Lm 31,000
Cristiano Bros. Lm 70,000
Freeport (biex isir xogħol ta' pavimentar għall-ħtiġijiet tal-Medserv) Lm 82,789
Għad irid jintlaħaq ftehim dwar id-ditta Arrowboats Limited. Ingħata post alternattiv lil China Harbour Works Engineering Limited u Dive Systems Limited.
Ser jingħataw ukoll garaxxijiet alternattivi lis-Sinjuri Anthony Rodo/Paul Sammut/Anthony Formosa.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta' presidenti ta' San Gwann li nhar il-Ġimgħa 21/7/2000 il-karozza tal-linja tat-8.00 a.m. ma tattaxatx, bil-konsegwenza li n-nies damu jistennew 'il fuq minn tliet kwarti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħtini aktar dettalji dwar dan l-ilment peress illi minn ġewwa San Ġwann jgħaddu diversi rotot li ma jkoprux il-Bus Stops kollha.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minkejja ilmenti formali bil-miktub li saru mir-residenti ta' San Gwann uffiċjali tal-wireless and telegraphy nhar it-12/6/2000 dawn għadhom isofru minn TV reception dgħajfa ta' ċerti stazzjonijiet privati Taljani? Kemm hemm verita' fl-argument li nġab li l-apparat qiegħed bil-ħsara?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li saru l-ispezzjonijiet meħtieġa u rriżulta illi hemm interferenza fuq stazzjon wieħed illi huwa stazzjon privat Taljan. Madankollu qedgħin isiru l-isforzi kollha possibbli sabiex din il-problema tiġi solvuta.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija li saret mill-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant ġiet miċħuda u l-persuna konċernata ġiet mgħarrfa b`din id-deċiżjoni permezz ta` ittra li ġġib id-data tat-22 ta` Ġunju 1999.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18546 li oriġinarjament kienet saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jgħid kemm hemm nies fuq bordijiet li għandhom parental leave?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ħadd mill-impjegati pubbliċi li huma appuntati fuq “Boards” statutorji ta’ l-Uffiċċju tiegħi ma huma fuq “parental leave”. Dwar impjegati appuntati fuq “Boards” statutorji f’Ministeri oħrajn, nistieden l-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministri rispettivi.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li sar mill-uffiċjali ta' l-ILO dwar it-tisħiħ propost tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Ministeru għall-Politika Soċjali kien talab lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tibgħat uffiċċjal/konsulent sabiex jissuġġerixxi mezzi li permezz tagħhom tissaħħaħ il-konsultazzjoni bejn il-partijiet soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku.
B'riżultat tax-xogħol li sar minn dan l-uffiċjal, il-Gvern kien f'qagħda li jħejji Abbozz ta' Liġi. Dan l-Abbozz fi "draft form" intbagħat lill-partijiet soċjali sabiex jissottomettu r-reazzjonijiet tagħhom qabel jiġi ppubblikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas kumpens lid-ditti kummerċjali li ġew u/jew ser jiġu mċaqilqa minn Manoel Island u Tigne` minħabba dan il-proġett? Jista' jagħti lista komprensiva tagħhom?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm nies fuq bordijiet li għandhom parental allowance?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Taħt l-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar persuna ma tikkwalifikax biex tapplika jekk tkun diġa':
(a) ibbenefikat minn xi għajnuna taħt dik li kienet magħrufa bħala "l-iskema tal-"Home Ownership", jew minn xi għajnuna oħra biex persuni jiġu mħajra jsiru sid darhom mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jew mid-Dipartimen ta' l-Art jew mill-Awtorita' jew minn uħud minnhom flimkien. Iżda f'każ li waħda/wieħed mill-persuni li tkun qed tapplika:
(1) tkun ħassret għerusija preċedenti li a bażi tagħha tkun hekk ibbenefikat u wieħed/waħda minn dawn il-partijiet tkun ittrasferixxiet lill-parti l-oħra d-drittijiet fuq il-proprjeta' li fuqha tgawda s-sussidju (u s-sussidji gawduti jkunu ġew kollha rifużi), u hi/hu huwa/hija issa għarus/a jew iżżewweġ lil persuna oħra li magħha issa qed jissottometti l-applikazzjoni taħt dan l-avviż;
jew
(2) li ż-żwieġ preċedenti li a bażi tiegħu tkun hekk ibbenefikat ikun tħassar permezz ta' kuntratt jew sentenza ta' separazzjoni jew ġie annullat u waħda jew wieħed mill-partijiet tkun trasferixxiet lill-parti l-oħra d-drittijiet tal-proprjeta' li fuqha kien tgawda s-sussidju u s-sussdju gawdut ġie kollu rifuż,
il-parti li ttrasferixxa d-drittijiet tista' tapplika taħt dan l-avviż b'dan illi hu jista' jgawdi biss minn nofs l-ammont ta' l-għotja.
L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) ma jipprovdix għall-benefiċċju ta' "Parental Allowance". Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal "Parental Leave" li jingħata lill-impjegati tal-Gvern, u jekk fost dawn hemm xi wħud appuntati fuq Boards Governattivi, hu mitlub li jirreferi din il-Mistoqsija lill-Prim Ministru.
L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) ma jipprovdix għall-benefiċċju ta' "Parental Allowance". Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal "Parental Leave" li jingħata lill-impjegati tal-Gvern, u jekk fost dawn hemm xi wħud appuntati fuq Boards Governattivi, hu mitlub li jirreferi din il-Mistoqsija lill-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum, kemm marru ministri u segretarji parlamentari fuq żjarat uffiċjali iċ-Ċina?
Response (BORG, JOE)
Minn Settembru 1998 sal-lum, dawn kienu l-Ministri u Segretarji Parlamentari li marru fuq żjarat uffiċċjali fiċ-Ċina:
Ministru għall-Ambjent - Jannar 1999Segretarju Parlamentari għaż-|agħżagħ u Sports - Arpil 1999Ministru tas-Saħħa - Awwissu 1999Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi - Awissu 1999Ministru tat-Trasport u Komunikazzjoni - Awissu 1999Ministru tal-Finanzi - Marzu 2000Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali - April 2000 (bħala Viċi Kap tal-PN)Ministru tal-Affarijiet Barranin - Lulju 2000
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 18041, liema mistoqsija tirreferi għal-Libjani li jkollhom bżonn jidħlu Malta fil-ġejjieni, jista' l-Ministru jirrispondi din il-mistoqsija?
Response (BORG, TONIO)
Ma hemm l-ebda żvilupp f`dil-materja. Illum ċittadini Libjani m`għandhomx bżonn ta` visa biex jidħlu f`Malta. Malli Malta issir membru tal-Unjoni Ewropeja, pajjiżna jallineja il-'policy' ta` visa, ma` dik Ewropeja. Dan japplika mhux biss għal Libja iżda għall-pajjiżi kollha tat-Tramuntana tal-Afrika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ikkummissjonati studji dwar it-tarzna f'dawn l-aħħar ftit xhur? Minn min saru? X'kienu r-rakkmandazzjonijiet tagħhom? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' l-executive summary tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
F'dawn l-aħħar xhur ma ġie ikkummissjonat l-ebda studju dwar it-Tarzna (Malta Drydocks), ħlief għal dawk marbuta mal-proċess li wassal għat-tfassil u konferma tal-Business Plan ta' l-istess azjenda. Il-qofol ta' dan il-Business Plan huwa tbassir finanzjarju għall-ħames snin li ġejjin.
It-tfassil tal-Business Plan sar mit-Tarzna stess bil-għajnuna tal-MIMCOL, li min-naħa tagħha qed tkompli issegwi mill-qrib l-andament tat-Tarzna f'isem il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi.
Kmieni din is-sena, mal-ħatra tal-Kunsill il-ġdid, dan ħass il-bżonn li jagħmel evalwazzjoni indipendenti ta' dan il-Business Plan fejn, għal dan l-iskop, inkariga lill-istess awdituri tat-Tarzna jeżaminaw it-tbassir finanzjarju rilevanti.
Il-Business Plan huwa prinċipalment dokument ta' natura kummerċjali u għalhekk ma nħossx li jkun għaqli li kopja tiegħu titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 17943?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-impact studies li l-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi nieda in konnessjoni ma' l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea jinsabu fi stadju avvanzat u mistennija li jiġu konklużi sa Settembru li ġej.