Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #18977 Sitting 368 2000-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Bank Ċentrali — Treasury Cash Books

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jirrikonċilja u jiċċertifika l-bilanċi skond it-Treasury Cash Book mal-bilanċi sottomessi mill-Bank Ċentrali rigward: (1) Cancelled Drafts li f'Ottubru 1999 kienu l-aħħar rikonċiljati sa Awwissu 1999; (2) Remittance Stataments li f'Ottubru 1999 kienu l-aħħar rikonċiljati sa Lulju 1997; (3) Cheque Reconciliations li f'Ottubru 1999 kienu l-aħħar rikonċiljati sa Settembru 1994; (4) Unpresented Drafts li f'Ottubru 1999 kienu l-aħħar rikonċiljati sa Settembru 1994; (5) Credit Notes li f'Ottubru 1999 kienu l-aħħar rikonċiljati sa Ġunju 1992; u (6) Debit Notes li f'Ottubru 1999 kienu l-aħħar rikonċiljati sa Awwissu 1998? U kemm hi d-diskrepanza preżenti f'kull każ sal-31.12.99?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant illi figuri moghtija f’dan l-istadju ikunu superfluwi billi dawn jista’ jkollhom jigu riveduti peress li l-process kollu qed isir manwali. Xoghol bhal dan jehtieg sistema komputerizzata u jinvolvi numru ta’ aggustamenti. Ghaldaqstant, figuri ezatti ikunu jistghu jinghataw meta jinghalqu ix-xhur rispettivi. L-‘ispecifcations’ tas-sistema tal- ‘Bank Reconciliation’ gew iffinalizzati u ghandhom jigu implimentati appena jigu kompluti progetti ohra li ghaddejjin bhalissa.
Leg 9 PQ #18952 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kummissjoni dwar il-Films — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-Kumissjoni ġdida dwar il-Films hux se jservu bil jew bla ħlas? Jekk bi ħlas, x'se tkun ir-remunerazzjoni taċ-Chairman u tal-membri l-oħra tal-board?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-membri tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Films qed jagħtu s-servizzi tagħhom mingħajr ma jirċievu ħlas. Iċ-Chairman ser jirċievi ħlas ta' tlitt elef lira (Lm3,000) għall-kompilazzjoni ta' rapport li għandu jiġi ippreżentat lill-Gvern aktar tard din is-sena.
Leg 9 PQ #18953 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ambaxxatur Joe Licari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija tistax tindika meta l-Ambaxxatur Malti Joe Licari mistenni jitressaq il-Qorti wara li fl-1998 jingħad li vvota fl-aħħar elezzjoni meta ma kienx ikkwalifika bħala votant?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kawża li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tinsab appuntata għas-smiegħ, għall-20 ta` Settembru 2000.
Leg 9 PQ #18954 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Konsulent

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma kemm qed jitħallas il-konsulent mal-Maltacom li ismu qed jintbagħat separatament? Fiex tikkonsisti il-konsulenza tiegħu? Kemm iqatta' ħin fil-ġimgħa xogħol fil-korporazzjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-konsulent li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant qed jirċievi remunerazzjoni annwali ta' għaxart elef lira, eskluża l-V.A.T., li titħallas f'ammont ugwali fix-xahar. Dan il-konsulent jagħmel xogħol speċifikament assenjat lilu miċ-Chairman tal-Maltacom.
Leg 9 PQ #18955 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Karozzi tal-Linja

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-karozzi tal-linja f'Għawdex mhumiex jirrikonoxxu il-karta anzjan? X'passi ittieħdu mill-ministeru tiegħek kontra dan in-nuqqas?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li primarjament teżisti struttura differenti ta’ tariffi bejn Malta u Għawdex minħabba n-natura differenti ta’ l-operat provdut. F’Malta, l-introjtu prinċipali huwa dak ta’ xogħol bi skeda waqt li f’Għawdex huwa dak ta’ bla skeda. Mill-1995 il-Gvern f’Malta għamel tajjeb b’forma ta’ sussidju indirett għall-persuni li jużaw il-Karta Anzjani. Dan japplika kemm għall-Maltin kif ukoll għall-Għawdxin li jżuru Malta u li għandhom fil-pussess tagħhom il-Karta Anzjan. L-istruttura ta’ tariffi ġewwa Għawdex tipprovdi tariffi konċessjonarji f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata. Dawn il-konċessjonijiet japplikaw għall-Għawdxin kollha.
Leg 9 PQ #18963 Sitting 367 2000-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

BOV — Każ tad-Daewoo

Question

Bħala Ministru responsabbli mis-settur bankarju, ma tħossx li huma meħtieġa investigazzjonijiet serji fil-każ tad-Daewoo tal-Bank of Valletta biex ikun stabbilit kif kumpannija falluta ingħata self ta' miljun minn dan il-bank u wkoll kif għadhom ma ttieħdu l-ebda passi kontra l-istess kumpannija li huwa magħruf li tista' tkun involuta fi frodi li jlaħħqu eluf ta' liri? Ma tħossx li għandha tiġi investigata l-allegazzjoni serja u ripetuta li saru pressjonijiet qawwija minn persuna jew persuni influwenti minn barra l-bank biex id-Daewoo tingħata faċilitajiet bankarji li la kienu ġustifikati mill-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpannija u lanqas mill-garanziji li din setgħet toffri? Ma tħossx li dan kollu jsir ferm aktar relevanti meta huwa mifhum li l-bank innifsu ħejja rapport intern li allegatament jagħmel akkużi gravi dwar kif tmexxa dan is-self lid-Daewoo?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kontra l-impressjoni li jidher li għandu l-Onorevoli Interpellant, ir-responsabbilta' għas-settur bankarju ma taqax taħt il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi iżda din tgħajjat liċ-Ċentru Malti għas-Servizzi Finanzjarji (MFSC) u lil Bank Ċentrali. Ir-responsabbilta' li għandu l-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi hija dik li jirrapreżenta l-interessi tal-Gvern b'riferenza għal ishma li għad għandu fil-Bank of Valletta. Dan il-Ministeru konvint mis-serjeta' tal-vigilanza li l-MFSC u l-Bank Ċentrali jeżerċitaw fuq is-settur bankarju; dan kemm fuq linji ġenerali kif ukoll b'riferenza għal-każ speċifiku li qed jalludi għalih l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #18964 Sitting 367 2000-09-20 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Pensjonanti

Question

Fir-rigward tal-pensjonanti li spiċċaw minn mal-gvern wara l-1.1.96 paġna 8 para. 5.3 tal-ftehim kollettiv dwar il-ħaddiema tal-gvern li ġie ffirmat bejn gvern u unions f'Diċembru 1998, hemm dan li ġej: "It is agreed that ad hoc arrangements on a personal basis will be made for public officers retiring during the years 1996 to the year 2000 to reflect, on a notional basis, increases in emoluments awarded to serving public officers." Dejjem skond l-istess ftehim dan l-arranġament suppost għandu jsir mill-1.1.2001, huwa minnu li l-accountant general għadu ma ħareġ ebda struzzjonijiet speċifiċi f'dan ir-rigward? Huwa minnu li hemm nuqqas ta' qbil bejn gvern u UHM dwar din il-problema, billi min-naħa tal-Ministru qed isostni li dan l-eżerċizzju għandu jinkludi fih biss lil dawk li spiċċaw bil-pensjoni mill-1999 'il hawn? Dan huwa hekk, dan ma jirriżultax f'pensjonanti li ġew maqlugħa barra mill-ftehim ta' Diċembru 1998 bil-wegħda li fl-1.1.2001 il-pensjoni tagħhom se tiġi aġġornata mal-ftehim kollettiv imsemmi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #18941 Sitting 366 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT Department — Acquis

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-VAT Department ikkummissjona studju biex jara fejn il-liġi eżistenti tal-VAT ma taqbilx ma' l-acquis ta' l-Unjoni Ewropea? X'inhuma l-konklużjonijiet ta' dan l-istudju? Jista' jqiegħed kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-materja li għaliha qed jirreferi hija riflessa fid-draft National Plan for the Adoption of the Acquis li hu dokument pubbliku. Kif hemm indikat fl-istess dokument, il-pożizzjoni li eventwalment jista’ jieħu l-Gvern f’dan ir-rigward tiddependi fuq l-esiġenzi tal-pajjiż kif ukoll fuq il-prattika f’pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropeja
Leg 9 PQ #18942 Sitting 366 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT Department

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa s-set-up amministrattiv tal-VAT Department bħalissa u kif ġie mibdul jew imsaħħaħ f'dawn l-aħħar xhur?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-set up amministrattiv tad-Dipartiment tal-VAT bħalissa jirrifletti t-tibdiliet li seħħew bl-Att XXIII ta’ l- 1998 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud. It-tisħiħ fl-organizzazzjoni u l-istrutturi amministrattivi tad-Dipartiment tal-VAT hu proċess kontinwu u jsir skond l-esiġenzi li jseħħu minn żmien għal żmien
Leg 9 PQ #18943 Sitting 366 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana — Direttur/EU Matters

Question

Jikkonferma l-Ministru li fid-dwana hemm direttur EU matters? Meta nħatar? X'inhu x-xogħol speċifiku tiegħu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kariga ta' Direttur 'EU Matters' ilha fis-seħħ mill-10 ta' Mejju 2000. Barra mir-responsabiltajiet komuni għal Diretturi oħra, il-funzjonijiet speċifiċi għal dil-kariga huma li d-Direttur jagħti l-pariri lid-Direttur Generali skond il-ħtieġa dwar materji li jikkonċernaw l-Unjoni Ewropeja u jiżgura li bil-ko-operazzjoni bejn l-Ufficjali Maltin u esperti mill-U.E., id-Dipartiment ikun f'qagħda li jaddotta, jimplimenta u jinforza l-provvedimenti ta' l-Acquis li jirrigwardaw id-Dwana fiż-żmien ta' preparazzjoni għad-dħul ta' Malta fl-U.E. Biex dan iseħħ, id-Direttur, bħal ma hu l-każ ta' Diretturi oħra fis-settur tagħhom, għandu programm ta' xogħol li jrid iwettaq matul ix-xhur li ġejjin. Wieħed jista' jsemmi l-ko-ordinament u l-'monitoring' ta' l-attivitajiet kollha orjentati lejn id-dħul ta' Malta fl-U.E., it-twaqqif ta' strutturi neċessarji fid-Dipartiment, iż-żamma ta' kuntatti ma' entitajiet oħra involuti fil-proċess tad-dħul u t-taħrig neċessarju għall-impjegati tad-Dwana u għal-dawk li jużaw il-proċeduri tagħha. Dan kollu hu mibni fuq numru ta' 'tasks' li jridu jitwettqu.
Leg 9 PQ #18944 Sitting 366 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Economic Planning Division

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna barranija u/jew lokali professjonali kisbet dan l-aħħar l-economic planning division? Minn min ingħatat din l-għajnuna? X'ħallas għaliha l-Gvern Malti? Kif saret l-għażla tal-konsulenti/istituzzjonijiet ikkonċernati?

Response (BONNICI, JOSEF)

Matul is-snin ġew imnedija diversi inizjattivi sabiex id-Diviżjoni ta' l-Ippjanar Ekonomiku tissaħħaħ u b'hekk il-Gvern ikollu l-għodda teknika meħtieġa fil-qasam ta' l-ekonomija. Dan l-aħħar, qasam li ingħata prijorita' partikulari, kien dak tal-Macroeconometric Modelling fejn għal numru ta' snin ilha tinħass il-ħtieġa ta' tisħiħ. Peress li dan huwa qasam speċjalizzat ħafna, inħass il-bżonn ta' l-assistenza minn barra l-pajjiż. Wara konsultazzjonijiet ma' l-Universita' ta' Malta, ġie deċiż li tinkiseb għajnuna professjonali minn Cambridge Econometrics tar-Renju Unit li għandhom esperjenza f'din il-linja. Dawn tħallsu "fees" professjonali li jammontaw għal 26,500 GBP. Dan l-eżerċizzju ser iwassal biex il-Gvern ikollu mudell ekonometriku li jkun jista' jintuża fit-tfassil tal-politika ekonomika tal-pajjiż.
Leg 9 PQ #18950 Sitting 366 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Kaxxa ta' Malta — Piż

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena x'se jkun il-piż fuq il-Kaxxa ta' Malta tal-ftehim kollettiv għas-settur pubbliku li l-gvern kien iffirma mal-unions f'Diċembru ta' l-1998? Kif se jiġi ffinanzjat dan il-piż?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dwar in-nefqa annwali, b'riżultat tal-ftehim kollettiv għas-settur pubbliku, diġa ngħata tagħrif fir-risposta tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Nru 16,768, f'Ġunju li għadda. Din l-ispiża, bħal kull spiża pubblika, u speċjalment fejn jidħlu pagi, salarji, sahra, allowances u pensjonijiet, tiġi ffinanzjata minn dħul permezz tat-taxxa fuq l-income u kontribuzzjoni tas-sigurta' soċjali li l-impjegati użjew il-pensjonanti jħallsu fuq id-dħul annwali tagħhom, u mill-erarju ġenerali tal-Gvern.
Leg 9 PQ #18951 Sitting 366 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Tariffi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żieda fit-tariffi tal-qorti hijiex b'xi mod jew ieħor relatata mal-ħtieġa ta' finanzjament taż-żieda f'allowances li se jkun hemm għal membri tal-ġudikatura?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 9 PQ #18933 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Teżor

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi attentati biex jissaħħaħ id-Dipartiment tat-Teżor tal-gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi jopera d-direttorat tas-Servizzi Korporattivi biex jikkoordina l-operat tad-dipartimenti li jifformaw parti mid-dekasteru tal-Ministeru tal-Finanzi u jieħu l-miżuri għat-tisħiħ ta’ dawn id-dipartimenti. Għalkemm it-Teżor jiddependi ħafna mill-prioritajiet li jfassal id-direttorat tas-Servizzi Korporattivi, id-dipartiment tat-Teżor jieħu inizjattivi huwa stess bil-għan li tissaħħaħ l-istruttura fid-diversi oqsma tad-dipartiment.
Leg 9 PQ #18934 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Banek — Deposit Protection Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern beħsiebu jilleġiżla dwar id-deposit protection scheme tal-banek kif ukol dwar l-investors' compensation scheme?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li wara preparazzjonijiet preliminari interni, f'dawn l-aħħar xhur il-Bank Ċentrali waqqaf Working Group flimkien ma' rappreżentanti tal-banek biex jistudja x'tip ta' 'Deposit Protection Scheme' għandha tiġi rrakomandata għal Malta. Il-'Working Group' avvanza ħafna fix-xogħol tiegħu. Hekk kif tiġi stabbilita t-tip ta' 'Protection Scheme' u l-mod kif għandha titħaddem, tiġi ddraftjata l-liġi. Il-Bank Ċentrali jikkalkulha li l-ewwel draft tal-liġi għandha titlesta għal nofs l-2001, filwaqt li l-'Investors Compensation Scheme', għandha tiġi mplimentata mill-MFSC matul is-sena 2002. Il-preparazzjoni tax-xogħol tlesta u ċ-Ċentu ħareġ rapport fuq dan is-suġġett. Hu maħsub li l-managment taż-żewġ skemi għandu jkun komuni għalkemm l-għanjiet huma differenti.
Leg 9 PQ #18938 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Financial Intelligence Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern li jwaqqaf finacial intelligence unit? Kif inhi maħsuba li tkun il-kompożizzjoni tiegħu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li il-'Working Group' kompost minn rappreżentant kull wieħed mill-Bank Ċentrali, ċ-Ċentru għas-Servizzi Finanzjarji, l-Uffiċju ta' l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija għadu kif ħejja rapport dwar rikomandazzjonijiet għat-twaqqif ta' Financial Intelligence Unit. Għal dan il-għan il-Working Group ikkonsulta ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u Financial Intelligence Units oħra sabiex il-Unit f'Malta ikun f'livell mħaddma u aċċettata internazzjonalment. Naturalment dan irid japplika għal kundizzjonijiet tal-pajjiż. Ir-Rapport għadu kif ġie ppreżentat lili (Ministru tal-Finanzi) u għad iris jiġi diskuss mal-membri tal-Working Group u l-organizazzjonijiet involuti. Għalhekk mhux għaqli li f'dan l-istadju jiġu żvelati dawn ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-kompożizzjoni tal-Unit u affarijiet oħra. Żgur li l-Unit ser ikun ta' tip amministrattiv li jkun jista jopera b'mod indipendenti. Aktar informazzjoni tkun tista tingħata aktar tard. Hu maħsub li l-Unit jitwaqqaf matul l-2001 wara li tiġi approvata l-liġi adekwata għal dan il-għan.
Leg 9 PQ #18939 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

State Aid Monitoring Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta kellu jitwaqqaf l-istate aid monitoring board? Meta fil-fatt ser jitwaqqaf u x'ser tkun il-ħidma prospettiva tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Istate Aid Monitoring Board twaqqaf b'effett mit-3ċ ta' Ġunju, 2000. It-"terms of reference" ta' dan il-Bord huma elenkati fiċ-Ċirkulari numru 26 ta' din is-sena maħruġa mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #18940 Sitting 365 2000-09-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta

Question

Billi l-liġi tal-kompetizzjoni hija fuq l-agenda futura tal-Parlament, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-operations review li saret ta' l-uffiċċju għal-kompetizzjoni ġusta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Xhur ilu l-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi nieda eżerċizzju, taħt l-għamla ta' operations review, maħsuba sabiex titfassal struttura ġdida għall-ministeru b'mod li dan ikun f'qagħda aħjar li jkopri b'mod effettiv il-funzjonijiet diversi, li għalihom huwa responsabbli. Dan l-eżerċizzju għandu jitqies bħala proċess, li fil-fatt għadu għaddej anki fil-preżent hekk kif qed tiġi implimentata struttura ġdida għall-Ministeru Għas-Servizzi Ekonomiċi.
Leg 9 PQ #18927 Sitting 364 2000-09-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Economic Planning Division — Staff members

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ ingħataw minn Settembru 1998 staff members tal-Economic Planning Division barra l-pajjiż?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li saru bosta sforzi biex jiżdiedu u jissaħħu r-riżorsi umani fid-Diviżjoni ta' l-Ippjanar Ekonomiku. Għal dan il-għan, minn Settembru 1998 'l hawn, id-Diviżjoni kompliet bil-programm ta' taħriġ f'diversi oqsma speċjalizzati barra l-pajjiż. Ta' min isemmi li sar taħriġ għall-Masters Degrees fl-Ekonometrika fl-Universita' ta' Londra u fl-Istudji Ewropej fl-Universita' ta' Sussex. Uffiċjali oħra segwew programmi fil-Macroeconomic Management and Policies ta' l-Istitut tal-Fond Monetarju Internazzjonali u dwar Econometrics and Forecasting Techniques and Debt Management Strategies li kienu mnedija mill-Universita' ta' Cambridge u minn Crown Agents rispettivament. Id-Diviżjoni ipparteċipat ukoll fil-programm dwar European Union Negotiations li kien offrut mis-Civil Service College Ingliż. Barra minn dan, kien hemm ukoll parteċipazzjoni f'konferenzi internazzjonali li kienu jittrattaw diversi temi speċjalizzati, fosthom it-turiżmu, economic forecasting u l-informal economy.