Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-bus stop li kien hemm fil-bidu ta' Regional Road, Msida qrib l-appartamenti tal-Gvern, biswit iċ-ċentru Laburista ta' l-Imsida tneħħa? Ma taħsibx li dan ser joħloq inkonvenjent kbir u bla bżonn għar-residenti tal-lokal u għal dawk kollha li kienu jagħmlu użu minn dan is-sevizz?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bus Stop li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Leo Brincat ilu li tneħħa mill-1996 wara li kien hemm x'inċident.
Kemm id-Dipartiment tat-Toroq kif ukoll il-Pulizija ma qabblux li dan għandu jitpoġġa fil-post imsemmi għal raġunijiet ta' sigurta' fuq it-triq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm xi problema ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-iżvilupp ta' Block IV fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? X'inhuma l-problemi li nqalgħu? X'kien il-tibdil strutturali maħsub għal dan il-fond?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proġett li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jikkonsisti fit-twaqqiegħ tal-fond u bini ta` blokk ġdid.
L-Awtorita` ta` l-Ippjanar qiegħda fil-proċess li tiddetermina dan il-każ u bħalissa għadha qiegħda tistenna aktar informazzjoni li ntalbet mill-applikant u l-periti tal-proġett in kwestjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax tingħata kunsiderazzjoni lill-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija li ġiet sottomesa mil-ġdid bir-referenza CEA/NAT 471/98 u li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant saret riċentement u għadha qed tiġi pproċessata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati casual clerks mill-Ministeru f'dawn l-aħħar xhur? Kif ġew deployed u għal kemm ġew ingaġġati?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma ġew ingaġġati ebda casual clerks mill-Ministeru f'dawn l-aħħar xhur.
Iżda jekk l-Onorevoli Interpellant kellu f'moħħu l-Casual Substitute Clerks, ngħarrfu illi fl-aħħar xhur il-Ministeru impjega 5 Casual Substitute Clerks mat-Teżor, 5 mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, 3 mad-Dipartiment tad-Dwana u 2 mad-Dipartiment tal-VAT. Minn dawn 11 qegħdin b'kuntratt ta' sena, 2 b'kuntratt ta' ħdax-il xahar, 1 b'kuntratt ta' sitt xhur u 1 b'kuntratt ta' seba' xhur.
Jista' l-Ministru jikkonferma li wara li ntbgħatu xi ħaddiema Lascaris minn St Venera biex jitwaqqaf il-commerce division, kien hemm messaggiera li riedu jibqgħu St. Venera u rnexxielhom ipartu xogħlhom ma' general hand filwaqt li oħrajn fl-istess grad ta' messaggiera ma tħallewx jagħmlu arranġamenti simili?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kummenti tal-Gvern għal dak li deher f'The Economist Intelligence Unit li l-ispiża tal-Gvern biex iġib il-leġiżlazzjoni ta' pajjiżna konformi ma' dik tal-Acquis kienet ġiet underestimated mill-Gvern innifsu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kull min segwa l-Economist Intelligence Unit jaf li din il-pubbilkazzjoni illi l-kontributur tagħħa huwa annonimu, pero' li nafu illi xi żmien ilu dan kien il-kap ta' l-oppożizzjoni, għanda storja ta' pronostika negattiva b'bias qawwi favur dak illi jaqbel miegħu l-partit laburista u li ma avverawx ruħhom. Għalhekk il-kummenti ta' din il-pubblikazzjoni m'għandhomx kredibilita' magħna. F'dan il-każ il-kontributur ma qalx kif wasal għal l-estimi tiegħu u dan issaħħaħ aktar il-fehma li dan mu xejn ħlief biss politikant.
Jista' l-Ministru jagħti xahar xahar kif naqsu/żdiedu r-riservi ta' pajjiżna minn Jannar 2000 il quddiem? Jista' jgħid l-import coverage tagħhom kif varja tul dan il-perijodu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-figuri li qed jitlob jistgħu jinħadmu faċilment mill-istatistika dwar ir-riservi u l-importazzjoni li jippublikaw ta' kull xahar il-Bank Ċentrali u l-Uffiċju Ċentrali ta' l-Istatistika rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li saret sejħa mill-ġdid għall-konsulenti bħal avukati, accountants etc biex jagħtu s-servizzi tagħhom lill-privatisation unit meta diġa' kienet saret sejħa simili xi15-il xahar ilu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba li għaddew 15 il-xhar min meta kienet saret l-ewwel sejħa, l-Privatisation Unit il-ġdid ħass il-ħtieġa li jerġgħa jagħmel sejħiet oħra għall-Konsulenti, biex iwessa ix-xelta u biex ikun ċert li min applika għad baqgħalu nteress li joffri s-servizz tiegħu.
Bħala Ministru responsabbli għaċ-Central Office of Statistics, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-każi elenkati taħt Central Office of Statistics fil-GDDS Malta Summary IV - Data Integrity and Access by the Public tal-fond monetarju internazzjonali fejn jintqal li għalkemm ġeneralment ma jkunx hemm kummentarju ministerjali mad-data releases taċ-COS, f'ċerti okkazzjonijiet data dwar il-labour force Malti u dwar it-turiżmu ta' pajjiżna jiġu released mill-Ministru ikkonċernat flimkien mal-kummentarju tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Statistika dwar il-qasam tax-xogħol tingħata mill-korporażżjoni tax-xogħol u taħrig lill-Ministeru responsabbli b'mod regolari u xi drabi xxandret qabel ma' nħarget għall-pubbliku mill-Ufficju Ċentrali ta' l-Istatistika. Hekk ġara fil-passat anke fi żmien l-amministrazzjoni Laburista preċedenti.
Stimi dwar il-qasam tat-turiżmu, maħduma fuq in-numru tal-passiġġieri li jkunu waslu Malta u li tinħareġ b'mod regolari mill-Malta International Airport, ġie li xxandret mill-Ministru kkonċernat qabel il-pubblikażżjoni ta' l-istatistika relattiva mill-Ufficju Ċentrali ta' l-Istatistika. Anke f'dan il-każ mhux l-ewwel darba li ġara hekk fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-punti ewlenin li ħarġu mid-diskussjoni li saret fil-Vienna Seminar on the EU Accession Process li laqgħet flimkien ir-rappreżentanti tal-ECB, tal-Bank Ċentrali tat-12 il-pajjiż fl-Euro Area kif wkoll il-Gvernaturi tal-pajjiżi applikanti għall-sħubija sħiħa fl-UE nhar l-14/15-12-2000?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jiena ninsab infurmat li l-Bank Ċentrali ħareġ stqarrija għall-istampa dwar dan is-seminar fl-20 ta' Diċembru 2000 li dehret f'diversi ġurnali. Tinsab ukoll fuq il-Website tal-Bank Ċentrali. Għal tagħrif iżjed dettaljat wieħed jista' wkoll jżur il-website ta' l-ECB.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tar-revenue and expenditure tal-MIC min kemm ilu li twaqqaf iċ-ċentru?
Response (BORG, JOE)
Matul is-sena 1999, l-MIC kien finanżjat mill-budget tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin. Matul is-sena 2000, l-MIC ġie allokat is-somma ta' Lm310,000 taħt il-budget ta' l-istess Ministeru. Minn dan, sa l-aħħar tas-sena intefqu
Lm 308,957.30.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-rapport tal-kummissjoni dwar is-social welfare li kellu jiġi ppubblikat sa tmiem is-sena l-oħra għadu ma ġiex ippubblikat? Kien hemm qbil dwar il-konkluzjonijiet tiegħu? Ser jkun hemm xi minority reports?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Welfare Reform, li kien mistenni jitlesta sa l-aħħar tas-sena 2000, għadu mhux finaliżżat u għalhekk mhux il-każ li wieħed jispekula dwar il-konklużjonijiet tiegħu.
Economist Intelligence Unit — Exchange Rate Devaluation
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tal-Gvern għal dak li intqal mill-Economist Intelligence Unit dan l-aħħar li t-tneħħija tal-kontrolli tal-kambju jista' jkollu effett avverż fis-sens li jwassal għal ħruġ qawwi ta' kapital mill-pajjiż kif wkoll li jwassal għal exchange rate devaluation?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'hijiex il-prattika kurrenti li l-gvernijiet jirreaġixxu għal kull spekulazzjoni dwar x'jista' jiġri fil-ġejjieni li tidher fil-ġurnali. Kull min segwa l-Economist Intelligence Unit jaf li din il-pubbilkazzjoni illi l-kontributur tagħħa huwa annonimu, pero' li nafu illi xi żmien ilu dan kien il-kap ta' l-oppożizzjoni, għanda storja ta' pronostika negattiva b'bias qawwi favur dak illi jaqbel miegħu l-partit laburista u li ma avverawx ruħhom. Għalhekk il-kummenti ta' din il-pubblikazzjoni m'għandhomx kredibilita' magħna.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-figura totali ta' nies fulltime u part-time li r-riżultat mill-FS5s li intbagħtet għax-xahar ta' Settembru 2000 u kemm kien l-ammont dovut bħala taxxa tad-dħul u social security separatament mill-part-timers u fulltimers li suppost tħallsu minnhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab informat li l-informazzjoni dwar l-impjegati skond is-sistema tal-FSS ma tiddaħħalx fil-komputer tad-Dipartiment kull xahar, iżda fl-aħħar tas-sena skond il-formoli FS3 u FS7.
Jista' l-Ministru jgħid x'rikonċiljazzjoni qed issir bejn ir-returns tal-FS5 ta' kull xahar li jirċievi d-dipartiment tat-taxxa mal-ETC u mal-kontribuzzjonijiet tas-Social Security u jekk qattx kien hemm xi diskrepanzi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab informat li l-formola FS5 ma jkollhiex dettalji dwar il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Socjali imħallsa mill-impjegati individwalment u għalhekk ma tistax tkun rikonċiljata f’dan l-istadju. Is-sistema tal-FSS taħseb biex ir-rikonċiljazzjoni ssir fl-aħħar tas-sena bil-formoli FS3 u FS7.
Il-formola FS5 ma tiġix rikonċiljata mal-informazzjoni tal-ETC għaliex id-Dipartiment ma jirċievi l-ebda ‘
return
’ mill-ETC.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari nru. 22082 li oriġinarjament kienet saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe’ rigward il-ftehim kollettiv il-ġdid taċ-Ċivil, jista' jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull skala?
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu l-passi meħtieġa biex bozza li tinsab fi triq San Ġwann tal-Għargħar, f'San Ġwann li ilha maqtugħa għal dawn l-aħħar xahrejn tiġi mibdula l-aktar peress li tinsab fi qrib il-fond tas-soċjeta' tal-M.U.S.E.U.M li tlaqqa' numru ta' tfal kull filgħaxija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-bozza li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant inbidlet.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li wasluli riċentement li wara li wasal container mimli ċanga minn Marsilja fi Franza dan ġie iddikjarat mid-dwana bħala container li fih iċ-cheese and vegetables u b'hekk ġie irrilaxxjat mid-dwana?
Huwa minnu li dan il-każ ġie mikxuf minn uffiċjal tas-Sea Malta li ġie mitlub imejjet kollox biex ma joħloqx paniku fil-pajjiż?
Huwa minnu li is-Sea Malta taf li dan kien is-sitt container li ġie importat mill-istess aġent mill-istess sors ta' oriġini?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-allegazjonijiet li qiegħed jagħmel l-Onorevoli Interpellant huma allegazjonijiet serji.
Nitolbu jgħid, pubblikament jew privatament,
- lil min saru l-allegati rapporti
- min ħa l-allegata deċiżjoni biex kollox jitmewwet.
- min hu l-allegat importatur
- min huma l-allegati uffiċjali tas-Sea Malta li jafu li dan hu s-sitt container li daħal b'dikjarazjoni falza.
Jekk l-Onorevoli Interpellant għandi nformazzjoni bħal din hu fl-obligu tiegħu li jirraporta d-dettalji biex jittieħdu passi. Bl-istess mod, jekk xi uffiċjal tas-Sea Malta għandu l-informazjoni li l-Onorevoli membru qiegħed jallega, allura d-dmir tiegħu hu li jirraporta lid-dwana u lill-pulizija biex abbużi bħal dawn jitwaqqfu u min hu responsabbli jieħu dak li ħaqqu.
Jiena se nkompli ninsisti ma' l-Onorevoli Interpellant biex din l-allegazjoni tiġi nvestigata.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li l-Kap tat-Tax Compliance Unit mistenni jirtira dalwaqt?
Meta għalqu l-applikazzjonijiet?
Kemm kien hemm applikanti għal dan il-post vakanti?
Meta mistenni jimtela' l-post?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kap preżenti tat-Tax Compliance Unit għalaq l-eta' ta' 61 sena fil-21 ta' Novembru 2000, iżda l-ftehim li għandu sabiex iservi fil-kariga ta' Kap tat-Tax Compliance Unit jiskadi fit-18 ta' Frar 2001.
Għalhekk, fl-14 ta' Novembru 2000 ħarġet Ċirkulari mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM Circular No. 48/2000) li sejħet għal applikazzjonijiet sabiex timtela' din il-vakanza. Din is-sejħa għalqet nhar il-Ħamis 7 ta' Diċembru 2000 u bħalissa għaddej il-proċess ta' l-għażla. M'huwiex prudenti f'dan l-istadju li tingħata informazzjoni dwar in-numru ta' applikanti.
Nittama' li dan il-post jimtela' fi żmien qasir.