Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li il-Gvern għandu ħsieb li jwaqqaf kumpannija li tiġbor flimkien il-loans u overdrafts kollha li għandhom il-kumpanniji parastatali? Hemm il-ħsieb li jsiru xi negozjati dwar dan ma' xi finance houses barranin?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qed jistudja options differenti dwar kif jistgħa jiġi organnizzat il-finanzjament eżistenti f'kumpaniji parastatali. Dan biex jiġu negozjati kundizjonijiet aħjar u biex jissaħħaħ il-kontroll kif isir dan is-self. S'issa m'hemm ebda ħsieb li jsiru negozjati ma' xi' finance house barranija għalkemm din l-eventwalita' m'hix eskluża jekk ikun meqjus li dan jista' jkun ta' benefiċċju għall-pajjiżna.
B'riferenza għal reklam li deher fit-Times biex jinbiegħ l-istand li jintuża fl-Expo, kemm ġie jiswa dan l-istand?
Min kien bnieh? Kemm kien hemm ditti interessati li jixtruh? Kienx hemm fosthom l-istess ditta li bnietu?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-avviż li deher fil-gazzetta ma jirreferix għall-istand komplut li ntuża fl-EXPO iżda jirreferi biss għal xi elementi u biċċiet strutturali tiegħu. Peress li s-sejħa għall-offerti għadha ma għalqetx, mhux possibbli li jingħad kemm id-ditta hija nteressata li takkwista dawn l-elementi u biċċiet strutturali.
Il-kumpanija li kienet rebħet is-sejħa pubblika għall-offerti għad-disinn u bini ta' l-istand hija Sign It Ltd.
L-istruttura ta' l-istand, inkluż disinn, bini, manutenzjoni u trasport fost affarijiet oħra, huwa stmat li ġie jiswa madwar Lm363,000
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-Malta Commission Production Guide? Kif ingħażlet id-ditta li pproduċietu?
Kemm u liema ditti kienu interessati f'dan ix-xogħol ta' tħejjija tal-guide? Kemm ġew stampati kopji?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ispejjeż tal-pubblikazzjoni tal-Malta Commission Production Guide ammontaw għal tlitt elef lira. Id-ditta li ngħatat ix-xogħol ġiet magħżula fuq bażi ta' kwalita u prezz. Qabel sar l-istampar, minħabba n-natura tax-xogħol li ried isir u l-materjal magħżul, intalbu kwotazzjonijiet mingħand erba' ditti lokali u cioe' Becck Graphics, Gutenberg Press, Lewis Press u Printex Limited. Sa issa ġew stampati ħames mitt kopja u hemm il-ħsieb li jiġu ppubblikati aktar kopji, pero' dan jiddependi fuq id-domanda li jkun hemm.
Tajjeb jingħad li d-dħul mir-riklami ppubblikati f'din il-gwida eċċeda l-ispiża tal-pubblikazzjoni.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi dwar karozza abbandunata li ilha żmien ipparkjata quddiem Triq il-Peprin, Block IIA, San Ġwann?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi vettura li kienet tidher abbandunata ġiet imneħħija minn Triq l-Ispika. Ma rriżultax li kien hemm xi karozza abbandunata fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħmel comparative analysis ta' l-items individwali ta' kif inbidlu mis-sena 2000 għal din is-sena d-duties, l-excise, il-levies u l-VAT f'mod komparattiv kif ħriġt inti stess bħala Ministru fl-1995?
Sar xi impact analysis tal-effett tagħhom fuq l-industrija lokali? Ma' min saru konsultazzjonijiet?
In-negozjanti Maltin jafu kif ser jiġu milqutin minn dan kollu?
Għalkemm roħs ta' miljun lira huwa n-net result previst, tista' tagħtina indikazzjoni tal-effett globali fuq il-konsumatur u fuq il-cost of living meta tikkonsidra l-effetti kollha li iġġib magħha change in duties?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 22346 fir-rigward tal-pensjonanti ta' qabel l-1996, dwar jekk huwiex se jibqa' jsir bħal qabel li jieħdu 2/3 aġġornati mas-salarju kurrenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mistoqsija Numru 22346 kienet tirreferi għall-pensjonanti tat-Teżor. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar laqgħa li hemm ippjanata għal Marzu 2001 bejn l-OECD u dawk il-ġurisdizzjonijiet - fosthom Malta - li ipprovdew advanced commitments lill-istess OECD?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li Malta qed tiehu f'sehem f'laqgħat li qed isiru bejn l-OECD u l-ġurisdizzjonijiet li ipprovdew l-'advance commitments' lill-istess OECD bl-iskop li jiġu diskussi dawk il-"key issues" li iqumu fil-kuntest ta' bdil ta' informazzjoni. Il-laqgħa ta' Marzu hija intiża għal dan l-iskop.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi attentati ġodda biex jkun hemm double taxation agreement mill-ġdid ma' l-Istati Uniti aktar u aktar billi diversi ġurisdizzjonijiet oħrajn bħal Guernsey qed ifittxu li jagħmlu dan?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti tal-Amerika kienu avvicinati f’Settembru li ghadda f’tentattiv li jigi negozjat Double Taxation Agreement gdid mal-Istati Uniti. Sa issa ghad m’hemmx zviluppi fuq din il-proposta.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22607 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe’ jista' jgħid jekk inġabux azjendi ta' esperti biex iħejju rapporti jekk fil-fatt finalment ippreżentawx rapporti dwar l-operat tal-MET Office.
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid:
(a) liema kienu dawn l-azjendi?
(b) min kienu dawn l-esperti (individwi) u x'riferenza għandhom?
(c) kemm tħallset kull azjenda
(d) jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull rapport?
(e) Ittieħdu xi deċiżjonijiet fuq dawn ir-rapporti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-bidu ta' l-1999 il-Malta International Airport kienet ġiet ippreżentata b'rapport estensiv u dettaljat mis-SERCO dwar "support services" provduti minn numru ta' dipartimenti fil-Kumpanija inkluż l-Uffiċċju Meteoroloġiku. Fost numru kbir ta' rakkomandazzjonijiet li saru dwar dan l-Uffiċċju, SERCO għamlu suġġerimenti kif dan l-uffiċċju għandu jaqdi aħjar b'mod aktar effettiv u effiċjenti l-obbligi nazzjonali u internazzjonali.
Fuq suġġeriment taċ-Chairman tal-Kumpanija u bi ftehim ma' l-impjegati fl-Uffiċċju Meteoroloġiku u r-rappreżentanti tagħhom, twaqqaf "working group" bejn ħaddiema minn kull livell ta' dan l-Uffiċċju u l-Management bil-għan li jiġi mistħarreġ kif jista' jiġi modernizzat l-Uffiċċju u kif is-servizzi mogħtija minn dan l-Uffiċċju jistgħu jkunu aktar effiċjenti u effettivi skond il-ħtiġijiet taż-żminijiet ta' llum.
Dan il-"working group" iltaqa' regolarment għal diversi drbi u saħansitra rappreżentanti mill-Uffiċċju Meteoroloġiku u tal-Kumpanija marru flimkien l-Olanda għand ir-Royal Dutch Meteorological Insitute, li huwa meqjus bħala ewlieni f'dan il-kamp, sabiex jiġu mistħarrġa l-faċilitajiet l-aktar utili u neċessarji għal pajjiżna kemm fiż-żminijiet ta' llum kif ukoll fil-futur.
Wara din iż-żjara ta' fejda, il-Malta International Airport stħarrġet il-possibilta' jekk ikunx aktar viabbli li tinġieb persuna minn dik l-azjenda biex tagħti pariri dwar l-Uffiċċju Meteoroloġiku f'Malta. Wara li l-Kumpanija infurmat lill-"working group" u lill-impjegati fl-Uffiċċju Meteoroliġiku dwar id-deċiżjoni tagħha li tinġieb din il-persuna, talbet lill-Istitut Olandiż biex jibgħat Malta tnejn min-nies li kien jikkunsidra bħala adatti għal dan il-proġett biex dawn jiġu ntervistati mill-M.I.A.
Wara li saret l-għażla u sar ftehim ma' l-Istitut Olandiż, fit-8 ta' Jannar 2001 ġie Malta Project Manager espert fil-meteoroloġija biex jagħti l-pariri u jagħmel ir-rakkomdandazzjonijiet tiegħu dwar il-possibilitajiet futuri ta' l-Uffiċċju Meteoroloġiku. Il-Malta International Airport sa issa għad ma' għandha ebda rapport mingħand dan l-espert. Madanakollu l-M.I.A. għandha qbil mal-"working group" li żżommu nfurmat u aġġornat b'kull żvilupp f'dan ir-rigward. Hu mistenni li dan ir-rapport kitlesta wara li jsir l-istħarriġ u l-istudju kollu meħtieġ.
L-informazzjoni l-oħra mitluba hija kunsidrata bħala ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma jkunx fl-interess ta' l-azjenda lokali li din tiġi ppubblikata.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22345?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kien hemm impjegata wieħed fil-grad ta' messaġġier li baqgħet Santa Venera. Postha f'Lascaris ħadu mpjegat fil-grad ta' "operative". Dan sar peress li dan l-aħħar impjegat, li jinsab fi skala ta' salarju 18, jagħmel ix-xogħol relatat għall-grad ta' messaġġier li jokkupa skala ta' salarju 17. Barra minn hekk l-impjegat fil-grad ta' "operative" jagħmel ukoll xogħol ta' sewqan li l-impjegata fil-grad ta' messaġġier ma tagħmilx.
Kien hemm messaġġier fi skala ta' salarju 16 li xtaq jibdel il-post tax-xogħol tiegħu ma' "General Hand" fi skala ta' salarju 20. Peress li x-xogħol relatat għal dawn iż-żewġ skali ta' salarju mhux daqshekk kompatibbli, it-talba ma ġietx approvata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inġabux azjendi ta' esperti biex iħejju rapporti jekk fil-fatt finalment ippreżentawx rapporti dwar l-operat tal-MET Office.
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid:
(a) liema kienu dawn l-azjendi?
(b) min kienu dawn l-esperti (individwi) u x'riferenza għandhom?
(c) kemm tħallset kull azjenda
(d) jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull rapport?
(e) Ittieħdu xi deċiżjonijiet fuq dawn ir-rapporti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'ser jiġri mill-pensjonanti tal-Gvern fid-dawl tar-reviżjoni tas-salarji tal-ħaddiema tas-settur pubbliku? Dawn ser jikkwalifikaw għaż-żieda ta' 2/3 kif kien isir qabel?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bis-saħħa ta' proviżjoni inkluża fil-Ftehim Kollettiv iffirmat mal-Unions f'Diċembru 1998, il-pensjonanti tat-Teżor li spiċċaw bejn l-1996 u s-sena 2000 sejrin igawdu aġġustament kemm fil-gratuity (is-somma) li ħadu, kif ukoll fil-pensjoni nfisha. Taħditiet fuq is-salarji notional li fuqhom sejjer jitħaddem dan l-aġġustament jinsabu fi stadju avvanzat.
Il-pensjoni maħruġa mit-Teżor tibqa' fissa u m'hix suġġetta għal tibdil jekk mhux fil-każ bħal dan fejn trid tirrifletti żieda b'lura f'pagi (arretrati).
Jista' l-Ministru jagħti kunsiderazzjoni xierqa lit-talba ta' sid tal-maisonette li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament biex jitneħħa arblu tad-dawl mhux ikkomunikat fi triq li lanqas hi lesta, li ġie installat quddiem il-maisonette tagħhom?
Huma qed jitolbu li dan l-arblu jiġi mċaqlaq mill-anqas għaxar piedi sabiex jiġi quddiem l-appoġġ tad-dar tal-familja kkonċernata. B'dan il-mod jkun jista' jitnaqqas l-inkonvenjent peress illi fit-tieqa tal-familja kkonċernata li tagħti għall arblu hemm garaxx li fuqu hemm il-kamra tas-sodda. Dan apparti l-periklu eżistenti li dan l-arblu huwa sitwat eżatt mad-daħla tal-garaxx, qrib numru ta' garaxxijiet oħrajn.
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 22200, li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li ġiet riferuta lilu u cioe': Rigward il-ftehim kollettiv il-ġdid taċ-Ċivil, jista' jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull skala?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Management & Personnel Office taħt id-dekasteru tal-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi urġenti peress li hemm ħsara fid-drainage pump f'Tal-Pieta' bil-konsegwenza li għal dawn l-aħħar ġimgħat kien qed ikun hemm sewage overflow fil-baħar fl-akwati ta' Sa Maison?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li din il-pumping station kienet wieqfa minħabba xogħol ta' manutenzjoni li kien qiegħed isir fil-pumping station ta' l-Imsida u mhux għax il-pumping station tal-Pieta' kienet bil-ħsara.
Billi d-drenaġġ minn tal-Pieta' jmur lejn l-Imsida, dik ta' l-ewwel kellha bilfors tingħalaq sakemm ikunu jistgħu jsiru t-tiswijiet li kien hemm bżonn fl-Imsida.
Jien infurmat li l-pumping stations tal-Pieta' u ta' l-Imsida reġgħu ġew għan-normal.
Jista' l-Viċi Prim Mnistru jelenka r-riżervi li kellhom il-korpi kostitwiti dwar il-proposti tal-gvern dwar il-qafas leġislattiv maħsub għall-MCED?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nikkonferma li d-diskussjonijiet ma' l-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCED għadhom għaddejjin u x'aktarx jiġu konklużi fil-ġranet li ġejjin. Sallum ma kienx hemm xi "riżervi" speċifiċi, iżda suġġerimenti għal xi alternattivi li qiegħdin jiġu kkunsidrati.
F'dan l-istadju, peress li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, ma jidhirlix li għandi nagħti aktar dettalji fil-pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġieli ipparteċipatx fil-World Banking Financial Sector Assessment Programm (FSAP)? Jekk iva, meta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li Malta għadha qatt ma kienet soġġetta għall-evalwazzjoni taħt il-Financial Sector Assessement Programm (FSAP) li huwa proġett konġunt bejn l-IMF u l-World Bank. L-IMF riċentement introduċiet programm simili iżda indipendenti mill-FSAP u Malta tista' tkun wieħed mill-pajjiżi li tkun evalwata taħt dan il-programm ġdid.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fost il-VAT inspectors li ġew appuntati dan l-aħħar intgħażlu qraba diretti ta' uffiċjali għoljin tal-Ministeru tal-Finanzi kif wkoll tas-segretarjat tal-Ministeru?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-VAT Inspectors intgħażlu wara li saret sejħa għall-applikazzjonijiet skond iċ-Ċirkulari Numru 43/2000 u li kienet miftuħa għall-uffiċjali Pubbliċi fis-Servizz Ġenerali. L-applikanti ġew intervistati minn Bord ta' Ġħażla kif jitolbu r-regolamenti u ġew ikklassifikati skond l-ordni tal-meritu. L-ewwel 14 mill-kandidati li kkwalifikaw issejħu f'Diċembru 2000 biex ikunu appuntati VAT inspectors. Qiegħed nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jintima li qraba diretti ta' nies li jaħdmu fil-Ministeru tal-Finanzi kif ukoll fis-segretarjat tal-Ministeru m'għandhomx dritt bħal impjegati oħra tal-Gvern li jwieġbu għal-sejħiet fid-dipartimenti tal-Gvern.