Jikkonferma l-Ministru li l-ammont totali pendenti għall-Ministeru għall-Għawdex għas-sena 2000 f'dawk li huma kontijiet fl-idejn u kontijiet li ma daħħlux ilaħħqu b'kollox Lm 450,200 u mhux Lm 252, 181 kif intqal fil-Parlament.
Response (DALLI, JOHN)
Nikkonferma li l-ammont totali meta jingħaddu ċ-ċifri mogħtija għall-Ministeru għal Għawdex fir-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 23261 f'seduta 510 ilaħħaq Lm450,200.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tiġi esproprijata parti mill-għalqa li hemm fi Triq Richard Taylor, l-Iklin billi minħabba fiha, it-triq tidjieq sostanzjalment b'inkonvenjent kbir għar-residenti ta' l-istess triq li jkunu jridu jsibu parking għall-karozzi tagħhom? Jista' jsir xi ħaġa dwar il-ħajt tas-sejjieħ ta' l-istess għalqa li spiss jaqa' ma' kull xita li tagħmel? Jaf il-Ministru li parti minn din l-għalqa qed tintuża wkoll bħala rubbish dump b'inkonvenjent addizzjonali għall-istess residenti?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet ma għandu l-ebda talba għall-esproprijazzjoni ta` xi art fit-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat, illi għalkemm il-Pulizija qatt ma kellha rapporti dwar il-ħajt imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija ser tieħu l-passi meħtieġa sabiex is-sid ikun notifikat skond il-liġi sabiex il-ħajt jissewwa. Infurmat ukoll illi ma jirriżultax li din l-għalqa qed tintuża bħala rubbish dump.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu l-biċċerija bħalissa? Kemm kien hemm f'Settembru 1998? Liema postijiet imtlew dan l-aħħar sentejn u nofs?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għad-dettalji li għarraft lill-Kamra dwarhom, dwar l-impjegati u s-salarji tal-FMS, jista' l-Ministru jgħid kemm qed jaqla ċ-chairman tal-fondazzjoni għas-servizzi mediċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Dipartiment tal-Kummerċ — Price Control Inspections
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jikkonferma li bħalissa fuq il-price control inspections, id-dipartiment tal-kummerċ għandu persuna waħda biss? X'inhuma il-pjani tal-gvern għall din it-taqsima?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bhalissa d-Direttorat ghas-Servizzi Kummercjali fid-Divizjoni ghall-Kummerc ghandu zewg persuni fuq xoghol ta' spezzjoni ta' kontroll ta' prezzijiet.
Tajjeb jinghad li l-policy tal-Gvern hija li l-Ufficju tal-Kompetizzjoni Gusta jkun l-ufficju relevanti ghal dak li ghandu x'jaqsam ma' xi abbuz dwar prezzijiet.
B'riferenza għall-figuri tal-accruals pendenti li l-Ministru qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, hemm xi pagamenti over and above li ġie miftiehem li jingħataw lill-kuntratturi fil-ġejjieni fuq medda ta' snin għall-xogħol li diga sar? Jekk iva, kemm hemm każi simili u xi jlaħħqu dawn l-ammonti sena b'sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal lill-Prim Ministru biex għall-ewwel darba jgħid publikament kif ġie irrapurtat li qal il-Kaċillier Ġermaniż li Malta mhiex qed tfittex sħubija sħiħa fl-unjoni ewropeja akkost ta' kollox? Dan ifisser li jekk Malta ma tiksibx id-derogi jew perijodi transitorji dwar suġġetti u oqsma speċifiċi tkun lesta li tirrikonsidra l-posizzjoni tagħha jew dan sar biex nagħtu l-impressjoni li qed insaħħu il-posizzjoni tagħna fin-negozjati wara li għal dawn l-aħħar ħdax-il sena tajna impressjoni kuntrarja?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-pożizzjoni tal-Gvern fuq in-negozjar ma nbiddletx. Jidher li l-Onorevoli Interpellant emmen il-propoganda tal-Partit tiegħu stess.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li nies mir-revenue security corps li hemm mal-VAT department mhumiex jieħdu allowance li għandhom VAT inspectors oħrajn għaliex qegħdin b'self mill-RSC?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-membri tar-Revenue Security Corps li fil-preżent qed jagħtu servizz lid-Dipartiment tal-VAT f’xogħol konness ma’ spezzjonijiet fuq barra dwar għoti ta’ rċevuti fiskali m’humiex impjegati tad-Dipartiment u għaldaqstant għadhom iżommu l-istess status li kellhom qabel.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li joħorġu xi promozzjonijiet fir-revenue security corps?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
“Promotions” fir-Revenue Security Corps joħorġu ma’ dawk ta’ l-Armata.
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 24289 f’dan il-kuntest.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuna li taħdem ta' handyman, b'paga ftit biss 'il fuq minn dik minima ġie skwalifikat milli jibbenefika milli jieħu pilloli Zocor għall-colestoral miċ-ċentri tas-saħħa billi qalulu li inutli japplika għax ma jkunx eligibbli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-mediċini tal-kolesterol bħal fluvastatin jew simvastatin (Zocor), jittieħdu b'xejn skond protokol stabbilit. Kopja ta' dan il-protokol qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Il-pazjenti li ma jaqawx taħt dan il-protokol ma jkunux eliġibbli għall-mediċini tal-kolesterol b'xejn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ma tibqax abbandunata l-għalqa li hemm quddiem Triq Pawlu Grech, l-Iklin billi din qed tintuża bħala rubbish dump u qed twassal biex ikun hemm ħafna ġrieden b'inkonvenjent għar-residenti ta' l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dalwaqt jibdew diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali ta' l-Iklin, il-Ministeru għall-Ambjent u d-Dipartiment tat-Toroq biex l-ambjent f'dawn l-inħawi jkun mtejjeb.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari preċedenti tiegħi dwar l-istess suġġett, x'passi qed tieħu l-pulizija biex tiżgura li dak il-garage li hemm fi Triq Pawlu Grech, l-Iklin c/w M. Butcher Road ma jibqax juża parti mit-triq matul il-ħinijiet kollha tal-ġurnata biex jipparkja trucks, cranes u trailers kbar, b'inkonvenjent għar-residenti, aktar u aktar billi Triq Pawlu Grech issa ġiet triq one way?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi b`effett tal-passi li l-Pulizija ħadet u li ser tkompli tieħu, sid il-garage imsemmi naqqas ħafna mill-ipparkjar ta` vetturi kbar fit-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Infurmat ukoll li minkejja li t-triq hija fil-fatt one way, ma nstab li kien qed jiġi kkaġunat l-ebda nkonvenjent.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ma tibqax abbandunata l-għalqa li hemm f' M. Butcher Str, l-Iklin billi din qed tintuża bħala rubbish dump u qed twassal biex ikun hemm ħafna ġrieden fl-inħawi kemm fit-triq innifisha kif wkoll fi Triq Richard Taylor ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19922 (Seduta 392).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jiftaħ xi djar residenzjali għal dawk bi bżonnijiet speċjali li jistgħu jisfaw bla ġenituri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern beda l-proċess biex titwaqqaf taqsima fi ħdan il-fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) li tkun responsabbli minn servizzi residenzjali u ta' sapport għal persuni li jkunu jeħtieġu dawn is-servizzi. Għal dan l-iskop, fil-Baġit ta' din is-sena ġew ivvutati Lm85,000 fondi rikurrenti u Lm50,000 fondi kapitali.
F'dan il-qasam mhux biżżejjed li jinfetħu djar residenzjali, għalkemm dan huwa ta' importanza kbira. Li hu aktar importanti huma s-servizzi ta' sapport li jistgħu jgħinu lil persuni b'diżabilita' u persuni bi bżonnijiet oħra jibqgħu jgħixu ħajja attiva fil-komunita', anke meta s-sapport tal-familja ma jkunx aktar possibbli.
Tul l-għaxar snin li għaddew saru inizzjattivi importanti f'dan is-settur bi sħab bejn il-Gvern u għaqdiet mhux governattivi, fosthom Dar il-Kaptan, Dar il-Wens, Dar Nazzareth, Villa Chelsea u Appartament f'Għajn Dwieli mmexxi minn Dar il-Wens. Fil-każijiet kollha, il-Gvern ta' u għadu jagħti għajnuna sostanzjali biex dawn is-servizzi jistgħu jaħdmu, kemm għajnuna finanzjarja kif ukoll għajnuna teknika.
Barra minn dan, ta' min ifakkar li fil-bidu ta' din il-leġislatura ttieħdet id-deċiżjoni kruċjali li s-servizzi kollha, nkluż dawk residenzjali, offruti ghall-anzjani f'pajjiżna jkunu miftuħin ukoll għal dawk il-persuni b'diżabilita' li ma jistgħux jgħixu ħajja ndipendenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax id-dipartiment tas-saħħa jkompli jinvestiga l-ilment ta' bosta snin tar-residenti ta' block 2, qasam tal-bini tal-gvern Ta Xbiex dwar għalqa li hemm fil-qrib li qed tintuża bħala rubbish dump li qed twassal biex ikun hemm ħafna ġrieden fl-akwati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li saret spezzjoni minn uffiċċjali ta' dan id-Dipartiment fl-akwati ndikati. Irriżulta li hemm żewġ siti abbandunati, waħda eskavata, li għalkemm diġa' konna ħadna passi legali kontra s-sid, issa reġa jeżisti xi akkumulu żgħir, u għalhekk, inħareġ avviż. Dwar it-tieni sit, investigazzjonijiet għadhom għaddejjin minħabba li s-sid għadu mhux magħruf.
Sar ukoll trattament għal kontra l-ġrieden fis-siti ndikati w fl-inħawi ta' madwarhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax id-dipartiment tal-agrikoltura jieħu passi dwar is-siġra li hemm qrib block 2, Ta Xbiex HE billi minħabba it-tul tagħha qed jitilgħu ġrieden magħha b'periklu għas-saħħa tar-residenti tal-block, aktar u aktar billi din is-siġra tant hi twila li tinsab biswit it-twieqi tal-block? Jista' jinvestiga l-ilment li l-għeruq ta' din is-siġra qegħdin saħansitra jippenetraw id-drainage system ta' l-akwati b'inkonvenjent kbir għall-istess residenti? Jistax jinvestiga lment simili dwar siġra li hemm qrib block 3 fl-istess H.E.
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-siti msemmija mill-Onorevoli Interpellant jaqgħu taħt r-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali rispettiv.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex jiġi nstallat lift fi block 4, Ta Xbiex H.E.?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-preżent, l-Awtorita' tad-Djar qiegħda tipproċessa l-applikazzjoni li rċeviet taħt l-Iskema V - Skema ta' Installazzjoni ta' Lifts fi Blokki/Entraturi Residenzjali li huma Proprjeta' tal-Gvern - li tkopri l-lokalitajiet tal-Cottonera, Kalkara, Florianau u Valletta u f'dawk il-lokalitajiet f'Malta u Għawdex li fihom tgħix xi persuna b'diżabilita' ta' mobilta'.
Ma jidhirx li hemm applikazzjoni ma' l-Awtorita' tad-Djar għall-installar ta' lift fi Blokk 4 Housing Estate Ta' Xbiex, taħt dawn il-parametri.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iliex ma tiġi investigata il-kundizzjoni ħażina li jinsabu fiha ċerti vetturi ta' l-armata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Meta weġibt il-Mistoqsija Numru 22001 fis-17 ta’ Jannar 2001 (Seduta 470), kont għidt li minn total ta’ 89 vettura ta’ l-Armata li ttellgħu għall-VRT matul is-sentejn li għaddew, tlieta biss weħlu mill-ewwel test, u meta sarilhom it-tieni test dawn għaddew ukoll. Jien infurmat li l-Armata qed tieħu l-passi meħtieġa biex xi vetturi li m’għadhomx tajbin għat-triq ma jibqgħux jintużaw.