Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24764 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

L-Ibraġġ — Victoria Gardens - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba nqata' d-dawl f'dan l-aħħar xahar f'Victoria Gardens, l-Ibraġġ? X'kienet ir-raġuni għal dan?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-provvista ta' l-elettriku fl-inħawi indikati fil-mistoqsija kienet sospiża tlitt darbiet matul ix-xahar ta' Marzu. Is-sospensjoni saret minħabba xogħol fuq is-sistema ta' vultaġġ għoli li kien meħtieġ isir minħabba xogħol ta' kostruzzjoni fl-akkwati.
Leg 9 PQ #24765 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Impjegat

Question

Jikkonferma l-Prim Ministru li l-ex-CEO tal-housing authority qed jagħmel xogħol ta' senior principal f'Kastilja, fl-uffiċċju tal-Prim Ministru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nikkonferma li l-ex “Chief Executive Officer” tal-“Housing Authority” qiegħed jagħmel ix-xogħol ta’ “Senior Principal”, li huwa x-xogħol tal-grad sostantiv tiegħu, fil-“Management and Personnel Office” fl-Uffiċċju tiegħi.
Leg 9 PQ #24806 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Nies boarded out

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 24630, li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Mnistru u li ġiet riferuta lilu u cioe': jista' jgħid kemm ġew nies boarded out fis-settur pubbliku u parastatali f'Għawdex minn Ottubru 1998 sal-lum?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fis-settur pubbliku, inklużi l-Pulizija u l-Forzi Armati, f’Għawdex minn Ottubru 1998 sa llum ġew “boarded out” erbgħa u erbgħin persuna. Fuq kemm kien hemm nies “boarded out” fis-settur Parastatali matul dan il-perjodu nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministri konċernati.
Leg 9 PQ #24847 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Fringe Benefit Tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel id-dipartiment tat-taxxi interni ħalli l-korpi parastatali jobdu d-direttivi tal-fringe benefit tax? Għaliex il-ministru qed iħalli li jittieħdu deċiżjonijiet f'dawn il-korpi biex nies milquta mill-fringe benefits tax jingħataw kumpens? Kif tħalla l-Bank Ċentrali jagħti madwar 40 promozzjoni lil dawk milquta minn din it-taxxa mingħajr ebda raġuni valida? Tikkonfermax li dawn jammontaw għal aktar minn żewġ terzi ta' dawk li kienu jokkupaw karigi fejn parti mid-dħul tagħhom kien f'forma ta' allowances li ma kenux taxxabbli? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies istituzzjonijiet u dipartiment tal-gvern kif ukoll ħaddiema maħallsin mill-fondi tal-gvern li effettivament ingħataw kumpens li jagħmel tajjeb għal dak li ser jitilfu mill-fringe benefits tax sabiex ma jmorrux minn taħt finanzjarjament? Kif jispjega l-fatt li għad hawn ħafna nies fil-ministeri li għadhom jużaw il-karozzi tad-dipartimenti u l-ministeri tal-gvern wara il-ħin tax-xogħol u fil-weekends minkejja il-provvedimenti tal-fringe benefits tax dwar użu ta' mezzi ta' trasport?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni ppublika "Tax Guide" dettaljat dwar il-provedimenti tar-regoli dwar x'jikkostitwixxi "fringe benefits" u l-ivvalutar tagħhom. Huwa obbligu tal-korpi parastatali, bħal kull employer ieħor, li jimxu mar-regoli stabbiliti. Min ma jagħmilx hekk ikun suġġett għall-penali skond il-liġi bħal kulħadd. Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni se jevalwa l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq il-"fringe benefits" li tidħol perjodikament għand id-Dipartiment u jieħu l-passi neċessarji, inkluż field tax audits fuq l-employers li jkun jidher li mhux japplikaw it-taxxa skond il-liġi. Il-promozzjonijiet li l-Onorevoli Interpellant semma, li ngħataw fil-Bank Ċentrali saru wara li kienu ngħataw promozzjonijiet simili fil-gradi klerikali f'Diċembru 2000, u saru bħala parti minn eżerċizzju ta' ristrutturar li qed isir bl-iskop li jissaħħaħ il-qafas maniġerjali fil-Bank. Dan ir-ristrutturar, li hu l-ewwel wieħed li sar mill-1997 'l hawn, kellu jsir sabiex il-Bank ikun jista' jaqdi l-ħtiġijiet aktar esistenti tad-dinja tal-lum u ma għandu x'jaqsam xejn mat-taxxa tal-fringe benefits. Fil-Bank Ċentrali ma ngħata l-ebda kumpens lill-ebda mpjegat sabiex jagħmel tajjeb għal xi telf li jista' jsofri minħabba t-taxxa tal-fringe benefits. Fir-rigward tal-kumplament tal-mistoqsija l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Leg 9 PQ #24718 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li tiġi rranġata l-anomalija li qed isofru ħaddiema fil-yacht marina u l-port health office fejn, minkejja li jagħmlu l-istess xogħol, uħud minnhom għandhom grad ta' porter (health guard) filwaqt li oħrajn għandhom grad ta' timekeeper?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Billi l-postijiet indikati jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa, l-Onorevoli Interpellant huwa mistieden jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #24719 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ta' Xbiex Housing Estate — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza mal-bieb ta' barra ta' block D3, Ta' Xbiex HE minħabba fis-serq u tkisser ta' karozzi li ġieli kien hemm fl-inħawi?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.

Djar — Xiri ta' appartament

Question

Jista' l-Viċi Prim Mnistru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni ta' l-inkwilini ta' block D3, Flat 3, sabiex jixtru l-apparatament tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtini aktar dettalji dwar il-fond li qiegħed jirreferi għaliħ, inkluż il-lokalita' fejn qiegħed, biex inkun nista' ninvestiga.

Għajnuna Soċjali — Stallazjoni ta' Lift

Question

Billi l-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għandha min hu handicapped fil-famija, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tingħata kunsiderazzjoni lit-talba tagħha biex isir lift fil-block fejn toqgħod?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-każ indikat mill-Onor. Interpellant ingħata l-kunsiderazzjoni meħtieġa u qiegħed jingħata priorita'.

Iklin — Triq Karmenu Vassallo - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tiġi rranġata t-triq prinċipali Karmenu Vassallo, Iklin, minħabba li d-diżlivelli li hemm fil-ġenb tagħha u l-mod kif taqleb din it-trip, spiss iwasslu biex joħolqu problema l-mijiet fid-djar kull meta tagħmel ix-xita?

Response (GALEA, ĊENSU)

Huwa magħruf li fit-triq hemm maqgħad ta' ilma peress li t-triq fiha nuqqas ta' qlib. Ghalhekk tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara jekk tistax issir xi ħaġa biex din il-problema tiġi riżolta.
Leg 9 PQ #24761 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

FMS — Chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-chairman tal-FMS għandux xi dħul ieħor mill-fondazzjoni , apparti mill-onorarju ta' Lm7,000 fis-sena li inti semmejt fi tweġiba parlamentari preċedenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jekk l-Onor. Membru qiegħed jirreferi għal xi 'fringe benefits' li jista` jitqies bħala "dħul" skond l-Avviż Legali Att Numru 9, oltre mill-onorarja nirreferih għall-informazzjoni mgħotija fi tweġiba għall-mistoqsija numru 18238.
Leg 9 PQ #24672 Sitting 524 2001-03-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

St Microelectronics

Question

Wara li l-kumpannija globali ST Microelectronics dan l-aħħar ħabbret fl-istampa internazzjonali li kienet ser tirrevedi 'l isfel it-tbassir tagħha għall-kumplament tas-sena finanzjarja, jista' l-Ministru jgħid jekk dan huwiex mistenni li jkolli xi impatt dirett fuq il-GDP ta' pajjiżna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-istampa internazzjonali irrapurtat kif il-kumpaniji fis-settur tas-"semiconducters", fosthom inkluża l-ST Microelectronics, qed iħabbtu wiċċhom ma' tnaqqis fil-prezz tal-prodotti tagħhom, prinċipalment minħabba li l-qasam tal-kompjuters ma baqax jespandi bir-ritmu antiċipat. Dan qed iwassal biex dawn il-kumpaniji jirrevedu l-isfel it-tbassir tagħhom dwar "turnover". Madankollu huwa mistenni li sa l-aħħar tas-sajf is-settur ikun diġa' reġa lura għall-livell ta' attivita' milħuqa fis-snin li għaddew. Minħabba f'hekk, mhux mistenni li t-turnover ta' l-ST Microelectronics f'Malta għal din is-sena ser ikun daqstant differenti minn dak tas-sena li għaddiet u għalhekk mhux qed ikun antiċipat xi impatt partikulari fuq il-Prodott Gross Domestiku ta' pajjiżna.
Leg 9 PQ #24673 Sitting 524 2001-03-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

San Ġwann — Tindif

Question

Fid-dawl tal-ġrieden, siringi u skart li spiss qed ikun hemm faċċata tal-bini fi Triq l-Istefanotis, San Ġwann, jistgħu jittieħdu passi mid-dipartiment konċernat u possibbilment flimkien mal-kunsill lokal biex jissebbah l-ambjent u jiġi indirizzat dan l-inkonvenjent għar-residenti ta' l-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għall-Ambjent kien diġa' beda t-tħejjijiet neċessarji biex isir proġett ta' tisbiħ u titjib f'dan il-post. Sadanittant il-Ministeru qed jagħmel il-verifiki meħtieġa dwar jekk l-area in kwestjoni hix art pubblika jew le.
Leg 9 PQ #24674 Sitting 524 2001-03-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

MFSC — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti Maltin fuq il-kotba tal-MFSC? Min huma, kemm qed jitħallsu u kemm jaħdmu sigħat fil-ġimgħa? Kif u meta ġew ingaġġati?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-konsulenti Maltin fuq il-kotba tal-MFSC fis-27 ta' Marzu 2001 huma kif ġej: 1. Paul Vella - Lm 2,000 - ma għandux siegħat fissi u qiegħed jipprovdi is-servizz tiegħu fuq bażi ta' assignment speċifiku. Ingaġġat fit-28 ta' Frar 2000 fuq xogħol relatat ma' accounting. 2. Charles Theuma - Lm 500 fix-xahar. Ingaġġat fil-23 ta' Frar 2001 fuq bażi ta' minimu ta' 40 siegħa fix-xahar fuq xogħol ta' IT strategy and development. 3. Mrs Joanne Cassar - Lm 500 fix-xahar. Ingaġġata fil-21 ta' Lulju 2000 fuq bażi ta' nofs ta' nhar kuljum sa l-aħħar ta' Marzu 2001 fuq xogħol relatat ma' business development. 4. Anthony Azzopardi - Lm 12,000 fis-sena. Ingaġġat fil-21 ta' Lulju 2000 fuq bażi full-time ta' minimu ta' 40 siegħa fil-gimgħa fuq xogħol relatat ma' human resources. Il-konsulenti kollha ġew ingaġġati b'deċizzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.

ETC — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux xi reclassification exercises min-naħa ta' l-ETC dwar shifts ta' ħaddiema gainfully occupied minn settur għal ieħor? Jekk iva, x'kienu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kull sena l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tagħmel eżerċizzju fejn tiġbor informazzjoni dwar l-intrapriżi kollha. Dan l-eżerċizzju jservi biex il-Korporazzjoni tirrevedi kemm id-dettalji ta' l-impjegati kif ukoll l-informazzjoni dwar is-settur ekonomiku ta' l-intrapriża. B'riżultat ta' dan kumpanija tista' tiġi riklassifikata taħt settur differenti minn dak li tkun ġiet klassifikata oriġinarjament. Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar tlett xhur dawn l-ażjendi ġew riklassifikati taħt settur differenti milli kienu qabel: Farrugia Textiles Co. Ltd. Time International Co. Ltd. Manufacturing and Industrial Services Ltd. Ellul Grezzju Borg Cold Stores Import and Dist. Ltd. J. & C. Pisani Ltd. Planner Construction Ltd. Capua Palace Ltd.
Leg 9 PQ #24667 Sitting 523 2001-03-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

National Statistics Office — Unemployment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-labour force survey li ħareġ in-national statistics office, għalkemm jagħti definizzjoni ta' unemployment ma jagħmel ebda riferenza speċifika għal figuri tal-qgħad li joħorġu mill-istess survey? Meta mistennija li jiġu pubblikati dawn il-figuri?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kuntrarjament għal dak li qed jgħid l-Onorevoli Interpellant, l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika għadu ma ħariġx ir-rapport dwar il-'Labour Force Survey". Infatti ir-rapport dwar is-"surveys" li saru s-sena li għaddiet mistenni jitlesta u jiġi ppublikat dalwaqt. Dan ir-rapport ser jinkludi ċ-ċifri kollha li joħorġu mir-riżultat ta' "surveys" bħal dawn, inklużi dawk dwar in-nies qiegħda u r-rati tal-qagħad. Tajjeb jingħad li n-"News Release" li nħarġet mill-Uffiċċju, filwaqt li tispjega li r-rapport finali tas-"surveys" għad irid ikun ippubblikat, tikkonċentra fuq aspett wieħed li joħroġ mis-"surveys", dak tad-dħul mix-xogħol u l-kejl tal-"Gini Coefficient", u ma tagħti ebda riżultati oħra. Fin-"News Release" jingħataw ukoll xi definizzjonijiet li jintużaw fil-metodoloġija tal-"Labour Force Survey", inklużi dawk ta' l-"employment" u l-"unemployment", sabiex tinġibed l-attenzjoni ta' dawk li jużaw l-istatistika ġdida għall-fatt li dawn huma differenti minn dawk li jintużaw fl-istatistika dwar il-qasam tax-xogħol kif tinġabar mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.
Leg 9 PQ #24668 Sitting 523 2001-03-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Overall Exports

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-overall exports fis-sena 2000 żdidux jew naqsux jekk wieħed jeskludi r-re-exports taż-żejt u l-exports of machinery and transport equipment?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jekk mill-esportazzjoni totali għas-sena 2000, li tammonta għal Lm1073.9 miljuni, jitnaqqsu l-figuri li semma l-Onorevoli Interpellant, u jsir l-istess għas-sena 1999, fejn l-esportazzjoni totali kienet ta' Lm791 miljuni, jirriżulta li hemm żieda ta' Lm1.1 miljuni għas-sena 2000 fuq l-1999. Dan jidher ċar mill-informazzjoni segwenti. Tajjeb jingħad li s-settur tal-machinery and transport equipement jinkludi diversi kumpaniji. 2000 1991 Lm miljuni Lm miljuni Esportazzjoni totali 1073.9 791 Re-exports - mineral fuels, lubricants and related material (47.1) (23.1) Domestic Exports - machinery and transport equipment (736.2) (475.3) Re-exports - machinery and transport equipment (23.3) (26.4) Esportazzjoni netta 267.3 266.2

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga ilmenti li hemm ditti u azjendi li qegħdin ikeċċu nies full-time minn magħhom filwaqt li jżommu ħaddiema part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24538 f'Seduta 521, nitolbu jgħaddili informazzjoni, anki b'mod kunfidenzjali, dwar id-ditti u ażjendi li rrefera għalihom.
Leg 9 PQ #24670 Sitting 523 2001-03-28 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-figuri sa tmiem is-sena 2000 ta' kemm kien hemm wage and salary earners kif ukoll self-employed iħallsu l-bolla tan-national insurance, kategorija b'kategorija?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u għalhekk ma tistax tingħata.
Leg 9 PQ #24671 Sitting 523 2001-03-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Bank Ċentrali — Business Perceptions Survey

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ditti u azjendi li jiġu sampled meta jitħejja l-business perceptions survey tal-Bank Ċentrali? B'kollox kemm jirrappreżentaw ħaddiema? X'persentaġġ jirrappreżentaw tal-work force tas-settur privat Malti u Għawdxi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' azjendi li jieħdu sehem fil-'business perceptions survey' ivarja xi ftit f'kull 'survey' minħabba li xi wħud jistgħu jagħżlu li ma jweġbux. Bejn wieħed u ieħor ikopri bejn 130 u 140 azjendi li jimpjegaw bejniethom aktar minn 16,000 impjegat, jew 20% tal-impiegi fis-settur privat Malti. Kemm jista' jkun jinżamm l-istess 'sample' minn darba għall-oħra fl-interess tal-konsistenza.
Leg 9 PQ #24638 Sitting 522 2001-03-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

AirMalta

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 24403, jista' l-Ministru jgħati breakdown tal-impjiegi ġodda, kumpanija b'kumpanija li ġew maħluqa fil-kumpanija Air Malta u s-sussidjarji tagħha bil-grad tagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.