Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru 25406 għar-rigward il-Ministeru tiegħu u ċioe: jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min huma dawk l-uffiċċjali li skond il-ħatra tagħhom kienu jew qegħdin fuq performance agreement u għaldaqstant irċevew il-performance bonus minbarra s-salarju f'xi waħda mis-snin 1998, 1999 u/jew 2000 u fl-istess żmien kienu nominati jew maħtura għal xi pożizzjoni jew kariga oħra li tagħha rċevew xi ħlas, kumpens jew benefiċċju minbarra s-salarju u l-performance bonus?
Għal liema kariga jew nomina dawn l-uffiċċjali pubbliċi rċevew il-ħlas, kumpens jew benefiċċju? X'kien il-ħlas, kumpens jew benefiċċju f'kull każ u x'kienet il-ħatra rispettiva tagħhom fiċ-ċivil li għaliha kellhom performance agreement u allura rċevew il-performance bonus?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-andament tal-kumpannija Counter Trade f'dawn l-aħħar sentejn kif ukoll jekk kienx hemm xi żviluppi ta' interess?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul dawn l-aħħar sentejn reġgħu bdew it-tentattivi mill-partijiet kollha nvoluti sabiex jinġabru l-flus dovuti lill-kumpanija Countertrade fuq djun magħmula minn kumpaniji Russi li tagħhom il-Gvern Russu kien daħal responsabbli.
Billi la kien hemm qerq jew abbuż min-naħa ta' l-armla li d-detallji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġi rivedut it-tnaqqis fil-pensjoni tagħha?.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie mistħarreġ u hija ġiet infurmata bir-riżultat.
Jista' jikkonferma l-Ministru li f'termini ta' valur f'liri Maltin, l-equity trading fil-Malta Stock Exchange naqas b'83.3% bejn Jannar u tmiem April 2001?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-trading fil-Borża hu rapurtat fil-gazzetti lokali.
Jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ li ħejja t-task force konness mal-fondazzjoni ta' l-iskejjel ta' għada - inkluża l-analisi dettaljata li qed jingħad li saret dwar is-sitwazzjoni preżenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' dokumentazzjoni konnessa mal-Fondazzjoni ta' l-Iskejjel ta' Għada u li jiena kont għaddejt lill-Oppożizzjoni xi ġimgħat ilu.
Fuq talba ta' diversi anzjani, jista' l-Ministru jara li tiġi ikkunsidrata l-possibilita' li n-number plates tal-karozzja tal-linja ikunu luminous jew ikunu b'kulur bright għaliex nies fl-istages tal-karozzi tal-linja isibu diffikulta biex jgħarfu il-bus li tkun ġejja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku, ser tara ma' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku x'jista' jsir għal dan is-suġġeriment validu.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2001 kienx hemm pagamenti eċċezzjonali fir-rigward ta' benefiċċji ta' sigurta' soċjali u flus allokati lill-kunsilli lokali li għollew l-ispiża tal-gvern matul dan il-perjodu? Jista' jelenka dawn il-pagamenti u jgħid għall kemm kienu jlaħħqu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena ma kienx hemm pagamenti eċċezzjonali fir-rigward ta' benefiċċji ta' sigurta' soċjali u flus allokati lill-Kunsilli Lokali. Dawn kienu fuq l-istess livelli tas-sena l-oħra għall-istess perijodu, bid-differenza li, għar-rigward tal-benefiċċji soċjali, xi pagamenti li d-dipartiment għamel fl-aħħar ta' Marzu ġew ikkuntjati mal-pagamenti li d-dipartiment ħallas f'April.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda mad-dipartimenti tal-Gvern fil-perjodu Settembru 2000 u Marzu 2001, xahar b'xahar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li bejn l-1 ta’ Settembru 2000, u l-aħħar ta’ Marzu 2001, mad-dipartimenti tal-Gvern daħlu 807 impjegati ġdid. In-numru li daħlu kull xahar huma kif ġej:
2000 Settembru = 17
Ottubru = 486
Novembru = 29
Dicembru = 60
2001 Jannar = 10
Frar = 167
Marzu = 38
Il-figuri ta’ Ottubru jinkludi 466 “Labourer (ex-Impressed Drivers)” li nagħtaw impjieg permanenti wara li saret rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-bilanċ tal-kont li għandu l-Gvern mal-Bank Ċentrali fl-aħħar ġurnata ta' kull xahar bejn Diċembru 2000 u April 2001?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din hi nformazzjoni pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru audits ta' ċentri dwar gwardjani lokali tal-kunsilli lokali? Min kienu l-awdituri ikkonċernati? Kemm ħadu id-ditti tal-awdituri jew l-awdituri ikkonċernati għas-servizzi tagħhom f'kull każ? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull rapport?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Interim Audit gheluq is-sitt xhur minn meta nghatat id-delega ta' l-infurzar ta' certu ligijiet sar fuq l-ghaxar Kumitati Kongunti tal-Kunsilli Lokali mid-ditta ta' l-awdituri Horwath (Malta). Il-hlas ghal dan ix-xoghol jammonta ghal Lm 2,500.
Qed impoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq benefiċċji tas-Sigurta' Soċjali fix-xhur ta' Novembru u Diċembru 1999, Jannar, Frar u Marzu 2000, Novembru u Diċembru 2000 u Jannar, Frar u Marzu 2001?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din hi nformazzjoni pubblika.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji fuq id-dħul tal-Gvern mill-import duty fuq il-karozzi u mir-reġistrazzjoni ta' karrozzi matul l-ewwel tliet xhur tal-1999, 2000 u 2001?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din hi nformazzjoni pubblika.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Gvern għaddiex xi sussidju anke f'forma ta' eżenzjoni minn importi tad-dwana, lill-Enemalta matul l-ewwel tliet xhur ta-sena 2001 u jekk iva, għal kemm jammonta dan is-sussidju?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif ġie imħabbar fid-Diskors tal-Budget għal din is-sena, il-Korporazzjoni Enemalta, matul is-sena 2001, qed tgawdi minn eżenzjoni ta' Lm1.6 miljuni fuq dazji tas-sisa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemm xi ħsieb li jsir lift fi VJal in-Naspli, Block 4A, San Ġwann, kif wkoll fi Vjal in-Naspli, Block 4C, San Ġwann minħabba f'ċerti anzjani li hemm joqgħodu fil-blocks ikkonċernati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema ta' l-Awtorita' tad-Djar dwar l-istallazzjoni ta' lifts tkopri prinċiparjament il-blokki ta' appartamenti l-Belt Valletta, Floriana u l-Kottonera.
L-Awtorita' tikkunsidra wkoll applikazzjonijiet minn lokalitajiet oħra kemm il-darba fil-blokk ikun hemm persuna li tiġi ċertifikata li għandha diżabilita'.