Jista'l-Ministru jikkonferma rapporti li, kuntrarju għall-indikazzjoni li kont tajt aktar kmieni fis-sena, hemm kumpanniji fl-internet betting li qed jaħsbu biex jitilqu minn Malta minħabba fit-tibdil fit-tassazzjoni fl-Ingilterra?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s'issa l-informazzjoni li għandna tindika li kumpannija waħda biss ħadet deċiżjoni li jaqbilla tirripatrija ruħha l-Ingilterra. Wieħed għandu jifhem li deċiżżjoni bħal din tkun anke msejsa fuq motivi kummerċjali u ta' strateġija u positioning tal-kumpannija in kwistjoni, u ċertament influwenzata mit-tibdiliet riċenti imħabbra mill-gvern ingliż fil-liġijiet fiskali relevanti. Huwa mifhum, iżda, illi l-kumpannija in kwistjoni qegħda fl-aħħar negozjati sabiex l-istabiliment tagħha ġewwa Malta jiġi operat minn kumpannija barranija oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma meta ġiet introdotta il-job experience scheme tal-ETC li permezz tagħha sid ta' ażjenda jiġi offrut is-servizzi ta' nies li qed jirreġistraw bl-ETC tħallas il-paga sħiħa tal-individwu magħżul kif wkoll il-bolla?
Għaliex meta rappreżentanti ta' l-ETC qed iżuru lil-bosta sidien qed jgħidulhom ċar u tond li dan qed isir biex inaqqsu n-numru ta' nies li qed jirreġistraw? Kemm mistennija tkun twila il-job experience? Jikkonferma li tkopri 14 il-ġimgħa? Kemm ġew avviċinati ażjendi kummerċjali s'issa? Kemm beħsiebha idaħħal nies f'din l-iskema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Job Experience Scheme ġiet introdotta f'Mejju li għadda. Din l-iskema tintroduċi lil dawk li qed jirreġistraw u li għadhom qatt ma ħadmu fid-dinja tax-xogħol. Din l-iskema hija parti mill-Job Start Youth Initiative. L-għan ta' din l-iskema hu li jgħin lill-parteċipanti fit-transizzjoni mill-bank ta' l-iskola għall-bank tax-xogħol. Il-Korporazzjoni tagħti allowance lill-parteċipanti ta' Lm15 fil-ġimgħa. Il-parteċipanti jqattgħu mhux aktar minn għoxrin siegħa fil-ġimgħa għal tlettax-il ġimgħa fuq il-post tax-xogħol u sakemm idumu fuq din l-iskema jibqgħu jirreġistraw għax-xogħol.
Il-Koporazzjoni ma żżomx statistika ta' kemm ġew avviċinati ażjendi kummerċjali u s'issa għad m'għandix limitu ta' kemm ser iddaħħal parteċipanti f'din l-iskema.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija jidher li l-Onor. Interpellant huwa nfurmat ħażin.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li iċ-chairperson tal-housing authority għandha jew mistennija jkollhom kuntratt għal għadd ta' snin? jekk iva, x'tul ta' żmien ikopri l-kuntratt? Hemm xi penali jekk hi tiġi imnehhija mill-awtoritajiet qabel jiskadi l-kuntratt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma hux minnu illi c-Chairperson ta' l-Awtorita' tad-Djar għandha jew ser tiffirma xi kuntratt għal għadd ta' snin.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ittieħdu mill-kummissarju tal-Pulizija wara l-aħħar rapporti li saru f'April ta' din is-sena għaliex fil-keep clear area li hemm ħdejn id-Dar ta' l-Anzjani fl-Imsida xorta għadu jsir parking bl-addoċċ kif wkoll quddiem il-garage ta' residenti ta' l-akwati? Jikkonferma li fil-parking area saħansitra qed isir xogħol fuq barra ta' panel beating u spray painting kif wkoll qed jitħallew li jiġu pparkjati karozzi għat-tiswija, mitluqa maħbuta u x'aktarx bla liċenza? Peress li apparti milli nġibdet l-attenzjoni tal-Kummissarju saru diversi rapporti fl-għassa tal-Pulizija fl-Imsida u billi ma sar ebda progress mindu saret interpellanza dwar l-istess suġġett nhar it-12.03.01 kif wkoll dehru rapporti fil-ġurnal It-Torċa tal-Ħadd 11.3.2001, jista' jara li tittieħed azzjoni rimedjali flimkien mal-Ministru responsabbli tal-kunsilli Lokali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kienet u ser tibqa` tieħu passi meħtieġa sabiex tassigura illi fl-akkwati msemmija mill-Onorevoli Interpellant ma jkunx hemm ksur ta` liġi. Fil-fatt, ninsab infurmat ukoll illi anke ittieħdu passi quddiem il-Qorti kontra s-sidien tal-workshops li hemm fil-post, meta instabu irregolaritajiet. Infurmat ukoll illi l-Pulizija dejjem tat l-assistenza tagħha meta din intalbet minn xi sid ta` garage fl-inħawi li lmenta li li kellu l-aċċess għal garage tiegħu ostakolat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-MFSC ikkonkludietx l-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ ta' l-Independent Insurance? Jekk le, meta mistennija tiffinalizza dan l-istħarriġ? Qiegħda f'posizzjoni li tagħmel statement rigward il-posizzjoni tal-policy holders billi diversi enquirers mal-MFSC ħadu tweġibijiet pjuttost evazivi u non-committal?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpannija Independent Insurance mhijiex kumpannija Maltija imma hi kumpannija reġistrata barra minn Malta. Għaldaqstant investigazzjonijiet diretti lejha jistgħu jsiru mir-regulator fejn il-kumpannija hi reġistrata u mhux mill-MFSC. Ir-regulatur huwa il-Financial Services Authority fl-Ingilterra u l-awtoritajiet Maltin qed iżommu kuntatt kontinwu ma din l-awtorita'.
Kumpannija li għandha l-uffiċju prinċipali tagħha f’pajjiż barra minn Malta għandha skond l-Att ta’ l-1998 dwar il-Kummerċ ta’ l-Assigurazzjoni iżżomm assi hawn Malta li huma marbuta favur iċ-ċentru. Dawn l-assi jiġu użati biss biex jitħallsu l-obbligi li joħorġu mal-kummerċ ta’ l-assigurazzjoni li l-kumpannija tkun mexxiet f’ Malta.
Għaldaqstant l-investigazzjonijiet li wettqet l-MFSC jikkonċentraw fuq u jikkonċernaw dawn l-assi.
Ta min wieħed jinnota ukoll illi fil-gimgħat li għaddew, l-MFSC ħarġet ukoll żewġ avviżi pubbliċi fil-gazzetti lokali indirizzati lill-
policyholders
tal-
Independent Insurance
f’Malta. F’dawn l-avviżi, li ġew ippubblikati fl-20 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Lulju 2001 rispettivament, il-
policyholders
ġew mgħarrfa illi il-kumpannija għandha assi hawn Malta, marbuta f’isem iċ-ċentru, li ser jiġu użati biss biex jitħallsu
claims,return premiums
u obbligi oħra li jkunu dovuti taħt il-poloz.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma iż-żjarat prospettivi ta' uffiċjali tal-Gvern Malti f'pajjiżi barranin, inkluż il-President tar-Republika?
Response (BORG, JOE)
Iż-żjarat prospettivi li l-Ministeru tiegħi huwa involut fihom huma kif ser jingħad:
- Id-Direttur responsabbli għall-affarijiet multilaterali ser jipparteċipa fl-Annual General Conference of the International Atomic Energy Agency fi Vienna;
- Jien ser nakkompanja lill-Prim Ministru fil-Commonwealth Heads of Government Meeting fi Brisbane;
- Ser nattendi għall-Committee of Minister's Session of the Council of Europe fi Strasbourg;
- Ser nattendi għan-Ninth Ministerial Council Meeting of the OSCE fi Vienna;
- Ser nakkumpanja lill-Prim Ministru għall-EU Summit fi Brussell;
- Id-Director Policy tal-EU Directorate ser jattendi għall-EU Political Directors Meeting fi Ljubljana;
- Żewġ uffiċċjali tal-EU Directorate ser jattendu għat-TAIEX Round Table on Databases fi Brussell;
- Uffiċċjali tal-Ministeru ser jattendu għall-Political Dialogue Meetings li jinżammu fi Brussell dwar dawn it-temi:
i) The EU and the UN;
ii) The EU and Human Rights;
iii) The EU and Arms Exports;
iv) The EU and the OSCE;
v) The EU and non-proliferation.
- Ser nattendi għall-Gymnich Meeting f'Genval, Belgium;
- Ser nattendi għall-United Nations General Assembly fi New York;
- Ser nieħu sehem fil-Foro Formentor f'Majorca;
- Ser nattendi EuroMed Ministerial Meeting fi Brussell;
- Ser nindirizza l-Joint Parliamentary Committee fi Brussell.
Nixtieq inżied li dawn huma oltre iż-żjarat statali w uffiċċjali fejn jien nakkompanja lill-President jew lill-Prim Ministru. Dawn iż-żjarat jiġu mħabbra fi żmien opportun.
Għal dak li jirrigwarda żjarat prospettivi minn Ministeri oħra, l-Onorevoli Interpellant għandu jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeri konċernati.
Jista' l-Ministru jikkonferma li għadu kemm ressaq memorandum kunfidenzjali lill-Kabinett dwar il-qagħda prekarja finanzjarja ta' pajjiżna? Minkejja dan kollu tikkonferma rapporti li għal skopijiet elettorali l-Gvern qed jaħdem fuq pjan biex ibaxxi ir-rata tal-income tax?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dawn huma oħrajn minn qlajjiet ivvintati li mdorrija toħroġ bihom l-oppożizzjoni.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26608?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Membru li għall-ħtiġijiet legali l-Ministeru jinkariga lill-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali.
L-Awtorita’ tat-Turiżmu tħallas retainer ta’ Lm3,000 fis-sena lid-ditta Grech, Tortell u Hyzler.`
Jista' l-Ministru jinvestiga il-każ ta' housing tas-single parent li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, li toqgħod flimkien ma' żewġ uliedha f'basement taħt l-art f'post sub-standard bi problemi tal-grieden? Il-fond ġie spezzjonat l-aħħar xi xahar ilu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qed jiġi kkunsidrat flimkien ma' oħrajn simili.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija b'fixed point duties, distrett distrett?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` fixed point duties maħduma mill-Pulizija tad-Distretti tal-Korp tal-Pulizija huma hekk:
Distrett
Numru ta`
fixed points
1
2
2
1
3
xejn
4
xejn
5
3
6
4
6A
1
7
xejn
8
5
9
1
10
1
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-appikazzjoni għall qabar tal-familja li d-dettalji dwarha qed jinbagħtu separatament li ilha pendenti snin sħaħ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jien infurmat li l-applikazzjoni għal qabar tal-familja ndikata datata 30 ta' April 1997 qegħda fid-942 post fir-reġistru taċ-Cimiterju ta' l-Addolorata. Ninforma li meta tkun lesta l-estenzjoni li jmiss fl-Addolorata, l-oqbra jingħataw bħas-soltu skond il-lista ta' reġistrazzjoni.
Jista' l-Ministru jinvestiga b'urġenza il-każ ta' housing tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separtament li toqgħod ma' familja oħra fil-fond ta' kamra tas-sodda waħda li għandu problema ta' soqfa fi stat perikoluż u li huwa infestat bil-ġrieden kif jixhdu ritratti meħuda mill-applikant?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat flimkien ma' oħrajn bħalu
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-reġistratur tal-kumpaniji kellu xi bażi soda biex jinvestiga l-operat tal-Price Club fid-dawl ta' rapporti dwar din il-ħtieġa li dehru f'The Sunday Times u fil-Business Weekly?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-poteri ta' investigazzjoni ta' kumpanniji li għandu r-Reġistratur tal-Kumpaniji joħorġu minn provvedimenti preċiżi fil-Companies Act, 1995 li jidentifikaw ċirkostanzi speċifiċi fejn u meta r-Reġistratur jista few għandu jagħmel investigazzjoni. Ma jirriżultax li r-Reġistratur tal-Kumpaniji s'issa kellu bażi legali sabiex jinvestiga l-operat tal-Price Club skond il-liġi. Wieħed irid iżomm f'moħħu wkoll li din hija kumpannija privata b'investiment purament privat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi il-politika tal-Gvern Nazzjonalista dwar il-prospett ta' sehem barrani fir-retail trade ta' pajjiżna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fuq linji ġenerali, il-Gvern iħares pożittivament lejn investiment minn barra l-pajjiż għaliex dan mhux biss jimplika injezzjoni ta' flus barranin fl-ekonomija Maltija, iżda wkoll, ħafna drabi, iġib miegħu ideat ġodda li jaghtu spinta għal innovazzjoni f'pajjiżna.
Fil-passat dawn il-kunsidrazzjonijiet kienu aktar asoċjati b'mod dirett ma' ċerti oqsma bħall-manifattura aktar milli ma' oqsma oħra bħalma huwa il-bejgħ bl-imnut. Iżda bil-mod kif qed tiżviluppa l-attivita' ekonomika, fejn qed issir dejjem aktar globali, illum dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu għal kull qasam ta' l-attivita' ekonomika.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 27262 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm xi diskrepanza li tolqot ex-ħaddiema tal-Maltacom li rtiraw minn mal-korportazzjoni wara l-1996 li kellhom xi dritt għal numru ta' units li jissarrfu f'ishma tal-kumpanija? Għad hemm fond għal dan il-għan? Kemm baqa flus f'dan il-fond?
Response (BONNICI, JOSEF)
Għandi għax nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għas-somma li l-impjegat huwa ntitolat għaliha wara t-tmiem ta' l-impjieg meta jissarfu n-numru ta' units li għandu fil-Maltacom Employee Foundation.
Jiena nfurmat li l-qagħda ta' din il-Fondazzjoni ġiet spjegata fl-audited accounts li ntbagħtu lill-benefiċjarji kollha tal-Fondazzjoni ma' l-avviż tal-laqgħa ġenerali annwali li saret ix-xahar li għadda.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħareġ id-dokument tal-privatistion unit dwar il-Lottu? X'inhu l-prezz tat-tender bids? Meta jgħalqu? Tħoss li ż-żmien mgħoti huwa adegwanti? L-investitur iż-żgħir kif ser jipparteċipa? Hemm xi ħaġa li tobbliga li parti mix-shares jinbiegħu lill-pubbliku in ġenerali?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif imħabbar fil-ġurnali, d-dokumenti kienu lesti biex jibdew jinġabru fil-15 ta' Mejju 2001. Il-prezz tat-tender bids kif imħabbar, kien ta' Lm7,500. Kif jidher fid-dokumentazzjoni, l-offerti għandhom jinxteħtu mhux aktar tard mit-13 ta' Awissu 2001. Iva, ż-żmien mgħoti huwa adegwanti. Minħabba n-natura tal-konċessjoni, mhuwiex il-każ li l-investitur iż-żgħir jipparteċipa. Le, m'hemm xejn li tobbliga li parti mix-shares jinbiegħu lill-pubbliku in ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jinvestiga l-ilment li pazjenti fil-gynecological ward tal-Isptar San Luqa ma ingħatawx il-vitamini meħtieġa għax om li huma out of stock u saħansitra ħeġġewhom biex jixtruhom min buthom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-vitamini Fergon, Fersolin kif ukoll Folic Acid 5mgs huma dejjem għad-dispożizzjoni tal-pazjenti fuq il-Gynaecology Ward. Xi pazjenti jitolbu prodotti oħra (bl-istess vitamini) imma li ma humiex fuq il-formularju ta` l-isptar. Jekk dawn in-nisa jibqgħu jinsistu fuq dawn it-tip ta` prodott, ikollhom jixtruh minn buthom. Qatt ma kien hemm li l-vitamini li huma fil-formularju kienu 'out of stock'.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu l-isem speċifiku tal-vitamini konċernati nitolbu jgħaddihuli ħalli nikkonferma dan li qiegħed ngħid.
Jista' l-Ministru jgħid ittiħdux passi investigattivi min-naħa tal-pulizija wara li deher rapport f'The Sunday TImes tat-8 ta' Lulju, 2001 fejn diversi agenti ta' l-importazzjoni ġew irrapurtati li qalu lill-ġurnal li huma jistennew li għandha issir investigazzjoni tal-pulizija dwar l-operat tal-Price Club biex jiġi żgurat li ma saru ebda irregolaritajiet min-naħa tal-operaturi
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond Kapitolu 386 tal-Liġijiet ta` Malta investigazzjonijiet dwar l-operat ta` soċjetajiet kummerċjali, kif indikat fl-artikolu imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, huma parti mid-dmirijiet tar-Reġistratur tal-Kumpanniji. Ma` dan kollu, il-Pulizija tinvestiga kull rapport li jista` ikollha dwar xi ksur tal-liġi kriminali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw working permits gimgħa gimgħa f'dawn l-aħħar erbgħa xhur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika kif qed jitlob l-Onor. Interpellant. In-numru ta` work permits li nħarġu fl-aħħar erba` xhur, iżda huwa kif jidher hawn taħt:
Marzu 160
April 159
Mejju 146
Ġunju 143
Jista' l-Ministru jikkonferma il-qagħda attwali kif wkoll xi tibdil propost dwar tassazzjoni fuq familji li jkollhom il-liċenzja li jżommu studenti alloġġjati fir-residenzi tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant hu mitlub jispjega ruħu aħjar.